Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Valutazzjoni finali tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali turi li sar progress fil-politika tal-ambjent iżda hemm nuqqasijiet fl-implimentazzjoni

Brussell, il-31 ta’ Awwissu 2011 –matul l-aħħar diċennju, is-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) għen biex il-leġiżlazzjoni għall-ambjent titratta l-oqsma kollha tal-ambjent. Dan joħroġ ċar mill-valutazzjoni finali tas-Sitt EAP (2002-2012) li ġie adottat illum. L-akbar suċċessi fil-qasam tal-ambjent matul l-aħħar għaxar snin kienu l-estensjoni tan-netwerk Natura 2000 biex tkun koperta kważi 18% taż-żona tal-art tal-UE, l-introduzzjoni ta’ politika komprensiva dwar il-kimiċi, u l-azzjoni ta’ politika dwar il-bidla fil-klima. Madanakollu, għad fadal progress xi jsir fl-implimentazzjoni maqbula tal-għanijiet u r-regoli tal-UE u biex tittejjeb il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-kwalità tal-ħamrija u l-ilma. Id-diżakkoppjament tar-riżorsi mit-tkabbir ekonomiku ma wassalx biex jitnaqqas l-użu tar-riżorsi globali.

Il-Kummissarju Janez Potočnik jikkumenta: "Ksibna riżultati tajbin – iżda mhux dejjem kienu tajbin daqs kemm xtaqna. Jeħtieġ li jkun hemm implimentazzjoni aħjar tar-regoli tal-UE biex tonqos id-diskrepanza bejn l-ambizzjonijiet leġiżlattivi tas-Sitt EAP u r-riżultati aħħarin tiegħu. Issa l-mira tagħna hija li mir-rimedju ngħaddu għall-prevenzjoni tad-degredazzjoni tal-ambjent. Il-valutazzjoni finali tal-programm ser twassal għat-tnedija ta’ dibattitu pubbliku wiesa’ biex ikunu definiti l-orjentazzjonijiet tal-politika tal-UE dwar l-ambjent matul is-snin li ġejjin. L-evalwazzjoni finali tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali turi li l-maġġoranza l-kbira tal-azzjonijiet stabbiliti fil-Programm kienu jew jinsabu fil-proċess ta’ tlestija. Is-seba’ strateġiji tematiċi identifikati fis-Sitt EAP – l-arja, il-pestiċidi, il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, ir-riżorsi naturali, il-ħamrija, l-ambjent tal-baħar u dak urban – ġew żviluppati sabiex tissaħħaħ il-politika. Uħud mill-istrateġija kienu ta’ xprun għal politika ġdida filwaqt li oħrajn iffokaw aħjar fuq ir-reviżjoni tal-miżuri eżistenti biex tittejjeb il-koerenza u biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi speċifiċi.

Il-Programm kien ta’ suċċess biex ipprovda qafas kumplessiv għall-politika ambjentali. Din serviet bħala referenza għall-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex tkun definita politika ambjentali kontra l-esiġenzi konkorrenti ta’ politika, is-sigurtà ta’ finanzjament xieraq u li biex tkun ipprovduta ċ-ċertezza għan-negozji. Il-Programm għen ukoll biex tissejjes ir-rieda politika għall-adozzjoni ta’ miri effettivi u skedi, u għall-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom.

Ma setgħetx tkun stabbilita evidenza li matul l-aħħar diċennju, is-Sitt EAP kien fattur dominanti biex tkun adottata l-leġiżlazzjoni ambjentali. Dan jista’ jiġi parzjalment spjegat mid-disinn tal-Programm li kien jiġbor fih għadd kbir ħafna ta’ azzjonijiet, li kienu jvarjaw kemm fl-ambitu kif ukoll fl-effett. Madanakollu, il-partijiet interessati ħassew li l-approvazzjoni tal-Programm fl-2002 mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew permezz ta’ kodeċiżjoni tagħtu aktar leġittimità u għen biex jinħoloq sens aktar wiesa’ ta’ sjieda għall-proposti ta’ politika sussegwenti. L-implimetazzjoni mhux adegwata u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri kienu identifikati wkoll b’mod ċar bħala fattur limitatanti.

Il-Passi li Jmiss

Għalkemm is-Sitt EAP jinsab fl-aħħar sena tiegħu, il-Kummissjoni se tkompli tirsisti sabiex tikseb politika ambjentali ambizzjuża, li issa hija parti integrali mill-Istateġija Ewropea 2010, għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni dalwaqt ser tippreżenta pjan direzzjonali dwar l-Effiċjenza tar-Riżorsi b’viżjoni lejn Ewropa b’viżjoni effiċjenti sal-2050.

Il-valutazzjoni li ġiet ippreżentata llum hija l-bażi ta’ djalogu ulterjuri bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, is-soċjetà ċivili u n-negozji. Il-mira hija li jinħoloq kunsens dwar l-orjentazzjonijiet strateġiċi għall-politika ambjentali, biex tkun żgurata sjieda usa' u biex tiġi żgurata l-mobilizzazzjoni għall-azzjoni. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni ser tqis kif programm ta' azzjoni ġdid jista' jipprovdi bl-aħjar mod valur miżjud fil-kuntest għall-politika ambjentali li qed jevolvi b'mod rapidu.

Sfond

Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali huwa deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li ġiet adottata fit-22 ta’ Lulju 2010. Dan jistabbixxi qafas strateġiku biex tittieħed deċiżjoni għal politika ambjentali fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2002-2012. Il-Programmi ta' Azzjoni Ambjentali ggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE sa mill-bidu tas-snin sebgħin u s-Sitt EAP għandu jitqies bħala parti minn proċess kontinwu li ilu għaddej għal madwar 40 sena. Is-Sitt EAP kien l-ewwel Programm ta' Azzjoni Ambjentali li ġie adottat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew permezz tal-proċedura ta' kodeċiżjoni.

Għal aktar dettalji tal-kuntest tal-Komunikazzjoni u l-proċess tal-valutazzjoni finali, ara: http://ec.europa.eu/environment/newprg/final.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website