Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Proġett iffinanzjat mill-UE jimmira li jrendi t-terminals self-service iżjed aċċessibbli għal kulħadd

European Commission - IP/11/992   30/08/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Aġenda Diġitali: Proġett iffinanzjat mill-UE jimmira li jrendi t-terminals self-service iżjed aċċessibbli għal kulħadd

Brussell, it-30 ta’ Awwissu 2011 – Proġett b’fondi mill-UE qed jimmira li jrendi t-terminals self-service, bħall-magni tal-bejgħ tal-biljetti tat-trasport pubbliku jew il-kjosks tal-informazzjoni pubblika u l-magni tal-flus, iżjed aċċessibbli għal kull wieħed minn sitt Ewropej li għandhom diżabbiltà jew is-87 miljun Ewropew li għandhom 65 sena u fuqhom. Skont studju tal-UE, 38 % biss mill-magni tal-flus (ATMs) madwar l-UE li jipprovdu kapaċitajiet tal-vuċi lill-klijenti li għandhom id-diżabbiltajiet, ċifra li hija sew inqas minn dik tal-Istati Uniti (61 %) u l-Kanada (kważi l-ATMs kollha). Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkontribwixxi EUR 3.41 miljun, nofs il-baġit globali, għall-proġett “APSIS4ALL” li jimmira li jiddisinja u jivvalida interfaċċi personalizzati, inkluż kards li ma jeħtiġux kuntatt, biex tgħin tegħleb il-barrieri eżistenti għall-aċċessibbiltà. Il-provi se jibdew fil-magni tal-flus f’Barċellona, Spanja minn Settembru tal-2011 u fil-magna li tbigħ il-biljetti f'Paderborn, il-Ġermanja minn Jannar tal-2012, u se jdumu għaddejin għal tliet snin.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: “It-terminals pubbliċi self-service jinstabu kullimkien, u l-għadd tagħhom ikompli jiżdied. Madankollu, ħafna minnhom jippreżentaw sfida għall-persuni b’diżabbiltà jew għal xi persuni anzjani, u b’hekk ikunu miċħuda minn dan is-servizz.”

Il-proġett APSIS4ALL għandu l-intenzjoni li jiddisinja u jivvalida, f’ambjent reali, interfaċċji innovattivi u personalizzati li jegħlbu l-barrieri eżistenti għall-aċċessibbiltà. Fl-ewwel fażi, il-proġett se jiġbor informazzjoni minn 3000 utent li se jkunu qed jittestjaw magni differenti sabiex l-interfaċċji jiġu adattati skont il-bżonnijiet u l-preferenzi tagħhom. It-testjiet se jsiru fuq 65 ATM tal-bank La Caixa f’Barċellona, Spanja mill-1 ta’ Settembru 2011 u fuq 24 magna tal-bejgħ tal-biljetti operati minn Höft & Wessel AG f’Paderborn, il-Ġermanja fin-North Rhine-Westphalia, il-Ġermanja, mill-1 ta’ Jannar 2012.

Il-mira ta’ dan il-proġett hija li jipproponi qafas standardizzat li jkun jista’ jrawwem iktar l-użu tal-karatteristiċi tal-aċċessibbiltà elettronika (e-accessibility) mill-industrija u l-fornituri tas-servizzi tal-ATMs. Dan finalment jista' jgħin biex irendi t-terminals diġitali pubbliċi (PDTs - public digital terminals) iktar aċċessibbli għal firxa usa' ta' utenti, minn persuni li mhumiex familjari mat-teknloġija, nies li għandhom diffikultajiet ta’ qari, turisti li ma jafux il-lingwa lokali jew ukoll nies li jkunu insew warajhom in-nuċċali tal-qari tagħhom. APSIS4ALL se jiffoka fuq interazzjoni multimodali u teknoloġiji mill-aktar moderni bħan-Near Field Communication (NFC) jew ix-short-range wireless communication. Pereżempju, it-testijiet jistgħu jinvolvu kard ipprogrammata li jkun fiha l-preferenzi tal-utent. Meta l-utent iqarreb il-kard viċin tal-ATM, il-magna instantanjament tadatta għall-ħtiġijiet tal-utent (pereżempju billi tbiddel id-daqs tat-tipa jew l-għażla tal-lingwa). Interfaċċji oħra jistgħu jinkludu telefown ċellulari b’karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà li jippermettu klijent jixtri biljett minn fuq l-internet u jħallas fuq il-magna li toħroġ il-biljetti permezz ta’ kodiċi sigriet li jkun intbagħat fuq it-telefown ċellulari tiegħu.

Sfond

Hemm mijiet ta’ eluf ta’ PDTs fl-UE, inklużi magni tal-bejgħ tal-biljetti tat-trasport pubbliku u tal-inqas 425,000 ATM. Jeżistu għadd ta’ soluzzjonijeit teknoloġiċi fis-suq biex jgħinu jiffaċilitaw l-użu tagħhom, bħal tastiera li tkun aċċessibbli għal persuni li jinsabu f’siġġu tar-roti, tikketti bil-Braille fuq il-buttuni jew għajnuna bil-vuċi fuq speaker għal dawk li ma jarawx. Madankollu,dawn il-funzjonijiet essenzjali spiss mhumiex disponibbli jew mhux attivati minħabba li l-modi biex jiġu attivati huma kumplessi wisq. Kif tiddikjara l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà 2010-2020 tal-Kummissjoni Ewropea, “l-aċċessibbiltà hija prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà u fl-ekonomija”.

Il-proġett APSIS4ALL huwa kofinanzjat mill-parti tal-ICT tal-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Aktar informazzjoni

Proġett pilota tal-APSIS4All (Accessible Personalised Services in PDTs for All – Servizzi Personalizzati tal-Aċċessibbiltà fil-PDTs għal Kulħadd):

http://www.apsis4all.eu

Skeda informattiva tal-proġett:

http://ec.europa.eu/information_society/apps/projects/factsheet/index.cfm?project_ref=270977

L-istudju "Monitoring eAccessibility in Europe" (Monitoraġġ tal-Aċċessibbiltà Elettronika fl-Ewropa)

http://www.eaccessibility-monitoring.eu

Is-sit tal-internet tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Is-sit tal-internet ta’ Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website