Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-moviment liberu: L-azzjoni determinata tal-Kummissjoni għenet biex jiġu solvuti 90% tal-każi miftuħin dwar il-moviment liberu

European Commission - IP/11/981   25/08/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-moviment liberu: L-azzjoni determinata tal-Kummissjoni għenet biex jiġu solvuti 90% tal-każi miftuħin dwar il-moviment liberu

Brussell, il-25 ta' Awwissu 2011 – Il-moviment liberu tal-persuni bejn l-Istati Membri tal-UE huwa wieħed mill-iktar suċċessi tanġibbli ta' dawn l-aħħar 60 sena ta' integrazzjoni Ewropea. Dan iġib benefiċċji kbar liċ-ċittadini tal-UE, lill-Istati Membri u lill-ekonomija Ewropea inġenerali. Kuljum l-Ewropej jieħdu vantaġġ mid-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu: bħala turisti jagħmlu madwar 1.25 biljun vjaġġ fil-konfini tal-UE fis-sena. Stħarriġ li sar dan l-aħħar juri li għal 48% taċ-ċittadini Ewropej, l-iktar dritt importanti għalihom bħala ċittadini huwa d-dritt tal-libertà ta' moviment u ta' residenza fl-Unjoni Ewropea (ara stqarrija għall-istampa Nru 14/2011).

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata b'mod qawwi favur l-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu fl-Istati Membri kollha. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tassumi pożizzjoni iebsa mal-Istati Membri biex tittratta l-problemi tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE tal-2004 dwar il-Moviment Liberu (2004/38/EC) sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jieħdu l-benefiċċju sħiħ tad-drittijiet tagħhom. Is-sena li għaddiet diversi avvenimenti poġġew fid-dieher problemi importanti rigward il-garanziji proċedurali u sostantivi taħt id-Direttiva tal-Moviment Liberu tal-UE (ara MEMO/10/384; SPEECH/10/428; IP/10/1207; MEMO/10/502). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħadet passi biex tiżgura li s-27 Stat Membru kollha jkunu konformi għal kollox mad-drittijiet tal-moviment liberu tal-UE.

Sena wara, b'riżultat ta' pressjoni politika ma taqta' xejn, il-Kummissjoni kisbet riżultati konkreti: 16-il Stat Membru indirizzaw għal kollox it-tħassib tal-Kummissjoni jew abbozzaw leġsiżlazzjoni li temenda sabiex jiżguraw osservanza sħiħa tad-Direttiva. Rigward il-kumplament tal-Istati Membri, il-Kummissjoni bdiet jew qed tikkunsidra li tibda proċeduri ta' ksur skont it-Trattati tal-UE.

"Id-dritt għal moviment liberu huwa wieħed mill-iktar drittijiet għal qalb iċ-ċittadini tal-UE," qalet il-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding. "Irrid niżgura li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jgawdu b'mod effettiv id-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu. L-avvenimenti tas-sajf li għadda kienu sinjal ta' twissija għall-Ewropa. Il-Kummissjoni mhux se taħsibha darbtejn biex titkellem bla tlaqliq jekk l-Istati Membri ma japplikawx kif għandu jkun dan id-dritt fundamentali, l-aktar is-salvagwardji proċedurali li jipproteġu liċ-ċittadini tal-UE milli jiffaċċaw tkeċċija arbitrarja jew sproporzjonata. Issa ninsab sodisfatta li l-maġġoranza tal-Istati Membri implimentaw għal kollox ir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu. Nistenna li l-pajjiżi li għad baqa' jagħmlu dan mill-aktar fis. Il-Kummissjoni Ewropea se tibqa' viġilanti ħafna sakemm l-Istati Membri kollha jkunu indirizzaw kompletament it-tħassib legali tal-Kummissjoni."

Mis-sajf tal-2010 'l hawn, il-Kummissjoni identifikat total ta' 786 kwistjoni u qajmithom waqt taħdidiet bilaterali mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għamlitha ċara li jekk il-problemi ma jissolvewx, ma jkunx hemm għażla oħra ħlief li jinbdew proċedimenti ta' ksur tat-Trattat. Bħala riżultat, ġew solvuti 711-il kwistjoni (madwar 90%) permezz ta' djalogu u/jew permezz tal-preżentazzjoni mill-Istati Membri ta' abbozzi ta' liġijiet emendati. Attwalment baqa' 75 kwistjoni pendenti li huma suġġetti għal proċedimenti ta' ksur. Fil-każ ta' Franza, fis-16 ta' Ġunju il-gvern adotta l-emendi leġiżlattivi meħtieġa mill-Kummissjoni biex jiżgura l-konformità mad-Direttiva tal-Moviment Liberu, inklużi s-salvagwardji li jipproteġu liċ-ċittdini tal-UE kontra tkeċċija artbitrarja jew trattament diskriminatorju. Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem mal-pajjiżi li għad fadal biex tittratta l-kwistjonijiet pendenti, bħad-dħul u r-residenza għall-membri tal-familja, il-karti ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi u s-salvagwardji kontra t-tkeċċija.

Fi żminijiet ta' diffikultà ekonomika, xi Stati Membri jista' jkollhom it-tentazzjoni li jieħdu miżuri diskriminatorji li jaffettwaw liċ-ċittadini tal-UE jew lill-membri tal-familji tagħhom. Madankollu, id-Direttiva tal-UE dwar il-Libertà tal-Moviment tipprovdi biżżejjed salvagwardji biex tiżgura li t-tħaddim miċ-ċittadini tad-dritt tagħhom ta' libertà ta' moviment ma joħloqx piż sproporzjonat fuq il-baġit ta' Stat Membru. Għalhekk, m'hemmx skop għal azzjoni nazzjonali unilaterali f'dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni għandha l-impenn li tneħħi l-ostakoli li għad fadal li jiffaċċaw iċ-ċittadini tal-UE meta jħaddmu d-drittijiet tagħhom, kif stipulat fl-ewwel Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE li qatt ġie pubblikat f'Ottubru 2010. Kemm in-negozji kif ukoll iċ-ċittadini gawdew bil-bosta hekk kif l-UE sistematikament żmontat l-ostakoli interni għal oġġetti, servizzi u persuni. Bejn l-2004 u l-2007, l-istimulu li ngħata lill-mobbiltà ta' ħaddiema mill-pajjiżi l-ġodda li ssieħbu fl-UE kabbar il-prodott domestiku gross tal-UE b'madwar EUR 40 miljun. L-UE trid tibni fuq dawn il-kisbiet sabiex kulħadd – mit-turisti u l-istudenti sal-ħaddiema u s-sidien ta' negozji żgħar – ikun jista' verament igawdi minn żona Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Sfond

Fil-25 ta' Awwissu 2010, b'referenza għas-sitwazzjoni tad-drittijiet ta' moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, il-Viċi President Reding qalet: "Huwa ċar li dawk li jiksru l-liġi hemm bżonn jiffaċċaw il-konsegwenzi. Huwa tant ieħor ċar li ħadd m'għandu jiffaċċa t-tkeċċija sempliċiment għaliex huwa Rom." (ara MEMO/10/384).

L-istat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-Moviment Liberu

Sal-aħħar tal-2010, il-Portugall u l-Finlandja kienu indirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni permezz ta' djalogu bilaterali, u kienu pprovdew biżżejjed kjarifki fuq il-kwistjonijiet li tqajmu jew adottaw leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-konformità mad-Direttiva. Minn dakinhar 'l hawn 14-il Stat Membru (il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, Franza. il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja u s-Slovenja) ssottomettew abbozzi ta' leġiżlazzjoni li temenda, inklużi kalendarji preċiżi dwar l-adozzjoni rapida u d-dħul fis-seħħ tagħha, biex tkun żgurata konformità sħiħa mad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu. Il-Kummissjoni qed tistudja dawn u qed tistudja wkoll id-dettalji ta' miżuri ppjanati jew adottati dan l-aħħar fid-Danimarka u fil-Pajjiżi l-Baxxi biex tiżgura konformità sħiħa mal-liġi tal-UE. Rigward il-problemi mhux riżoluti mal-Istati Membri l-oħra, matul il-perjodu bejn Marzu u Ġunju 2011 ġew varati proċedimenti ta' ksur kontra l-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Malta, il-Litwanja, Spanja, l-Isvezja, il-Polonja u r-Renju Unit. Il-qagħda tal-moviment liberu fil-Belġju tinsab taħt analiżi mill-Kummissjoni.

Hemm tliet kwistjonijiet ewlenin fuq problemi kruċjali ta' traspożizzjoni u implimentazzjoni mhux kompleta jew mhux korretta: id-dħul u r-residenza ta' membri tal-familja, inklużi l-partners; Il-ħruġ ta' viżi u karti ta' residenza għal membri tal-familja li jkunu ċittadini ta' pajjiżi terzi, u salvagwardji kontra l-espulsjonijiet.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib kif l-Istati Membri li ħabbru l-adozzjoni tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni se jwettqu l-impenji tagħhom. Matul l-2012, il-Kummissjoni se tevalwa t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Dan se jipprovdi informazzjoni għal rapport fl-2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, li se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Il-qagħda rigward l-integrazzjoni tar-Rom

Fil-5 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni pproponiet Qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (IP/11/400, MEMO/11/216). Il-Qafas se jgħin biex jiggwida l-politiki nazzjonali dwar ir-Rom u jimmobilizza l-fondi disponibbli fil-livell tal-UE biex iwieżen l-isforzi favur l-integrazzjoni. Huwa jiffoka fuq erba' binarji: aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miri nazzjonali individwali għall-integrazzjoni tar-Rom li jkunu jirriflettu d-daqs tal-popolazzjoni ta' kull wieħed kif ukoll l-istejtus attwali tal-politiki tagħhom favur l-integrazzjoni. Hemm disponibbli finanzjament u qafas legali b'saħħtu tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni b'sostenn għall-isforzi nazzjonali. Malli ġie adottat il-Qafas tal-UE, il-Viċi President Reding qalet: "L-aktar importanti għalija hu li l-Istati Membri jgħinu biex jiżguraw li t-tfal Rom tal-inqas ilestu l-iskola primarja."

Matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni kompliet taħdem mill-qrib flimkien mal-Istati Membri biex tiffaċilita l-użu tal-fondi strutturali – l-aktar il-Fond Soċjali Ewropew b'sostenn għall-inklużjoni tar-Rom. Saru seminars bilaterali l-Ungerija, il-Bulgarija, is-Slovakkja u r-Rumanija li ppermettew skambju ta' prattiki tajba u ta' kompetenzi dwar proġetti tal-FSE li rnexxew.

Fl-24 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew approva l-Qafas tal-UE tal-Kummissjoni Ewropea għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (IP/11/789). Is-27 gvern nazzjonali kollha għandhom sal-aħħar tal-2011 biex lill-Kummissjoni jippreżentawlha l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Rom. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, imbagħad tanalizza dawn il-pjani u tirrapporta lura fir-rebbiegħa li ġejja.

Dan is-sajf il-proġett 'Colorful but Colorblind' – proġett ikkofinanzjat tal-Unjoni Ewropea maħsub biex jopponi permezz tal-films l-istereotipi Rom – rebaħ premju mis-Soċjetà tal-Ġurnalisti Professjonali, li hija bbażata fl-Istati Uniti (ara IP/11/978).

Għal iktar tagħrif:

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding, fuq l-internet:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website