Navigation path

Left navigation

Additional tools

Proġett ikkofinanzjat mill-UE dwar ġrajjiet ir-Roma jirbaħ il-premju tal-midja diġitali

European Commission - IP/11/978   24/08/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Proġett ikkofinanzjat mill-UE dwar ġrajjiet ir-Roma jirbaħ il-premju tal-midja diġitali

Brussell, 24 ta' Awwissu 2011 – Proġett ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea mmirat li jopponi permezz tal-films l-isterjotipi Roma, rebaħ premju prestiġjuż mis-Soċjetà tal-Ġurnalisti Professjonali li hija bbażata fl-Istati Uniti. Il-proġett 'Colorful but Colorblind' project laqqa' flimkien ġurnalisti Roma kif ukoll mhux Roma sabiex jipproduċu serje ta' 25 film qasir li jirrakkuntaw il-ġrajjiet ta' komunitajiet tar-Roma li joqogħdu fl-Ewropa tal-Lvant u ċentrali. L-għan kien li jixpruna rappurtaġġ li joħroġ l-isfumaturi tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw lir-Roma, u aktar parteċipazzjoni mill-ġurnalisti Roma fl-attivitajiet prinċipali tal-midja. Il-proġett fittex ukoll li jsaħħaħ id-djalogu interkulturali u li l-ġurnalisti jaslu għal komprensjoni reċiproka. Il-proġett kien magħżul għas-Sigma Delta Chi Award for excellence in journalism in the digital media fil-kategorija (indipendenti) tal-preżentazzjoni.

"Jiena kburija li qed nara proġett iffinanzjat mill-UE li qed jopponi preġudizzji minn żmien żemżem kontra r-Roma li qiegħed jirċievi rikonoxximent fin-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Dan jipprova li l-isforzi bla preċedent u l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tmexxi 'l quddiem l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma qed iħallu r-riżultati meħtieġa," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja. "In-nies Roma jikkontribwixxu għall-ħajja soċjali u kulturali madwar l-Ewropa kollha u jiena ninsab kuntenta meta nara li l-kontribuzzjoni tagħhom hija rikonoxxuta mill-proġett 'Colorful but Colorblind.'"

Ħafna mir-Roma fl-Ewropa qed iħabbtu wiċċhom ma' faqar, esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni u b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, is-sitwazzjoni tagħhom sejra għall-agħar. Dawn il-problem jistgħu jkunu aggravati minn sterjotipi dwar il-komunitajiet tagħhom li mill-banda l-oħra jistgħu jingħataw rappurtaġġ mhux ibbilanċjat mill-midja. Il-proġett Colorful but Colorblind għen biex jinstab rimedju kontra l-isterjotipi anti-Roma permezz tal-użu kreattiv tal-multimidja meta jiġu rrappurtati kwistjonijiet dwar minoranzi. Ġabar flimkien 50 ġurnalista kemm Roma kif ukoll mhux Roma u ħarriġhom bl-għajnuna ta' speċjalisti fin-narrazzjoni multimedjali.

Il-proġett iffokka fuq il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja – kollha pajjiżi b'popolazzjonijiet Roma sinifikanti. Kien ikkofinanzjat – b' EUR 303,040 – mill-Programm tad-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.

Sfond

Il-popolazzjoni ta' bejn 10 u 12-il miljun Roma fl-Ewropa qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni, esklużjoni u ċ-ċaħda ta' jeddijiethom, filwaqt li l-gvernijiet qed jitilfu dħul u produttività aħjar għax talent potenzjali jista' jintilef. Huwa indispensabbli li jkun hemm integrazzjoni ekonomika u soċjali aħjar – imma biex tkun effettiva hemm bżonn ta' azzjoni miftiehma flimkien fuq kull livell sabiex jiġu indirizzati l-bosta raġunijiet tal-esklużjoni.

Ħafna mill-oqsma għat-titjib tal-integrazzjoni tar-Roma – bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni - huma primarjament responsabbiltajiet nazzjonali jew reġjonali. Madankollu, l-UE għandha sehem importanti fil-koordinazzjoni tal-azzjoni minn Stati Membri. Fil-5 ta' April 2011, il-Kummissjoni pproponiet Qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma (IP11/400, MEMO/11/216). Huwa jiffoka fuq erba' binarji: aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. L-Istati Membri ġew mitluba sabiex jistabbilixxu miri nazzjonali individwali għall-integrazzjoni tar-Roma li jkunu jirriflettu d-daqs tal-popolazzjoni ta' kull wieħed kif ukoll l-istatus attwali tal-politiki tagħhom favur l-integrazzjoni. Il-Qafas se jgħin biex jiggwida l-politiki nazzjonali dwar ir-Roma u jimmobilizza l-fondi disponibbli mill-UE biex iwieżen l-isforzi favur l-integrazzjoni.

Fl-24 ta' Ġunju 2011, il-mexxejja Ewropej approvaw il-Qafas tal-UE dwar strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma (IP/11/789). Stati Membri għandhom iressqu strateġiji nazzjonali għar-Roma sal-aħħar tal-2011. Se jkollhom jispeċifikaw kif se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali fuq livell ta' UE għall-integrazzjoni tar-Roma. Il-Kummissjoni wara se tevalwa l-istrateġiji nazzjonali u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rebbiegħa tal-2012. Dan l-eżerċizzju se jibda jirrepeti ruħu kull sena, u b'hekk ivara reviżjoni regolari tal-progress li jkun sar fuq livell nazzjonali fi ħdan il-qafas tal-UE.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea - Roma:

http://ec.europa.eu/roma

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Persuni ta' kuntatt :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website