Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-Aġenda Diġitali: ir-riċerka ffinanzjata mill-UE tgħin lill-astronomi biex jaraw aħjar.

Brussell, it-23 ta' Awwissu 2011 - Bis-saħħa tal-fondi tal-UE, l-astronomi żviluppaw teknika innovattiva għall-aħħar, li tipproduċi f'ħin reali immaġnijiet ta' galassji mbiegħda b'riżoluzzjoni għolja. Issa, ir-radjuteleskopji madwar id-dinja kollha jistgħu josservaw fl-istess ħin l-iktar oġġetti remoti fl-univers u jipproduċu immaġnijiet b'riżoluzzjoni għolja – livell ta' dettall li huwa ekwivalenti għall-identifikazzjoni ta' ballun tal-futbol fuq il-qamar. It-teknika li ġġib l-isem ta "Electronic Very Long Baseline Interferometry" (e-VLBI), [Interferometrija Elettronika b'Linja ta' Bażi Twila Ħafna - VLBI elettronika] tgħin biex tiżvela ħjiel dwar kif jiffurmaw il-galassji billi tippermetti lill-astronomi jirċievu u jipproċessaw dejta f'ħin reali filwaqt li jkun għaddej l-esperiment permezz ta' netwerks ottiċi b'veloċità għolja. Dan jippermetti li għadd ta' radjuteleskopji madwar id-dinja jaħdmu flimkien biex jissimulaw teleskopju ġgantesk wieħed. Dan mhux biss itejjeb il-kwalità tar-riżultati tal-osservazzjoni iżda jgħin ukoll biex jimmassimizza d-dħul mill-investiment fir-radjuteleskopji. Żewġ proġetti ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'kapaċità għolja, EXPReS u NEXPReS, li rċevew EUR 7.4 miljun ta' finanzjament, qed jappoġġaw l-iżvilupp u l-użu tal-astronomija tal-VLBI elettronika. L-iżvilupp ta' Infrastrutturi elettroniċi sabiex jinħoloq vantaġġ fl-innovazzjoni għall-Ewropa huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581 u MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali, qalet: "Hija tabilħaqq aħbar tajba li r-riċerkaturi Ewropej irnexxielhom jużaw it-tekniki innovattivi sabiex jgħamlu użu ħafna iktar effettiv tar-radjuteleskopji biex jeżaminaw il-galassji mbiegħda."

Ir-radjuastronomi josservaw oġġetti fis-sema biex jifhmu kif jevolvu l-galassji u kif dawn jinteraġixxu bejniethom. L-osservazzjonijiet tradizzjonali tal-Interferometrija b'Linja ta' Bażi Twila Ħafna (Very Long Baseline Interferometry - VLBI) jsiru permezz ta' teleskopji mifruxin f'bosta pajjiżi u li jkunu qed jimmiraw lejn l-istess sors fl-istess ħin. Iktar ma tkun twila d-distanza bejn it-teleskopji, iktar ikun faċi li wieħed jiddistingwi dettalji żgħar tas-sors. S'issa kull stazzjon kien jirreġistra d-dejta fuq hard disks li kienu jintbagħtu f'superkompjuter ċentrali fejn kienet tiġi analizzata d-dejta. It-teknika l-ġdida tal-VLBI elettronika tippermetti t-teleskopji jikkonnettjaw b'mod dirett mas-superkompjuter permezz ta' fibri ottiċi, filwaqt li jiġu evitati l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-ħżin tal-midja u fl-istess ħin jinkisbu riżultati b'ritmu ħafna iktar mgħaġġel. Id-dejta mbagħad tiġi pproċessata fi żmien reali, u tipprovdi lill-astronomi riżultati xjentifiċi f'temp ta' sigħat minflok ġimgħat. Għalkemm qabel it-teknika tal-VLBI elettronika kienet limitata biss għall-Ewropa issa qed tintuża fuq skala globali.

It-teknika tal-VLBI elettronika dan l-aħħar intużat biex tiġi osservata "Seyfert galaxy" li żvelat l-emissjoni ta' raġġi gamma qawwijin li huwa maħsub li joriġinaw biss mill-iktar tip qawwi ta' black holes (reġjuni spazjali bi gravità qawwija li minnha ma tkunx tista' toħroġ materja u radjazzjoni). Qatt qabel ma ġiet identifikata galassja ta' dan it-tip b'enerġija daqshekk qawwija, u din tista' tkun l-ewwel membru ta' kategorija ġdida ta' oġġetti kożmiċi. Dawn l-osservazzjonijiet tal-VLBI elettronika saru possibbli permezz tal-użu ta' netwerk globali u f'ħin reali tal-ikbar radjuteleskopji u l-iktar sensittivi fl-Ewropa, fl-Asja tal-Lvant u fl-Awtralja, li jinsabu sa distanza ta' 12 458 km 'l bogħod minn xulxin, konnessi permezz ta' netwerks ottiċi ta' veloċità għolja.

Il-kuntest

L-osservazzjoni tal-VBLI elettronika qed tittestja fruntieri ġodda, minħabba li hija tippermetti monitoraġġ f'ħin reali u l-possibbiltà li tagħti riżultati immedjati, li huma essenzjali għall-koordinazzjoni mal-osservatorji fuq frekwenzi oħra. Huwa mistenni li jiġu konessi iktar radjuteleskopji permezz tan-netwerks b'veloċità għolja u f'ħin reali, u l-proġett NEXPReS qed jippromwovi teknoloġija li tneħħi d-distinzjoni bejn it-tekniki tal-VLBI tradizzjonali u dawk elettroniċi.

Il-VLBI elettronika għandha wkoll użijiet oħrajn: din tista' tintuża "bil-kontra" biex jitkejjel il-moviment tas-safef tettoniċi tad-dinja u b'hekk tgħin fit-tbassir tat-terremoti; din tista' tosserva varjazzjonijiet tal-orjentazzjoni tad-dinja u t-tul tal-ġurnata, li mbagħad jistgħu jintużaw fir-riċerka dwar it-tibdil fil-klima u biex titkejjel il-veloċità tal-frekwenzi tal-gravità fir-riċerka tal-fiżika fundamentali. Sabiex dan ikun possibbli, netwerk globali ta' antenni jkejjel d-differenzi fil-ħin fuq perjodu ta' żmien, minn sorsi li jinsabu l-bogħod (bħal pereżempju l-pulsars).

Permezz tal-proġett EXPRes, li beda mill-2006 u kompla sal-2009, is-superkompjuter fl-Istitut Konġunt tal-VLBI fl-Ewropa (Joint Institute for VLBI in Eruope - JIVE) fil-Pajjiżi l-Baxxi ġie aġġornat għall-operazzjonijiet tal-VLBI elettronika. Dan jista' jirċievi dejta minn massimu ta' 16-il teleskopju f'ħin ta' 1.Gb/s minn kull teleskopju. Is-superkompjuter issa joffri sessjonijiet tal-VLBI elettronika regolari, kif ukoll opportunitajiet ta' osservazzjonijiet ta' oġġetti kosmoloġiċi tranżitorji bħalma huma stilel li jisplodu, li possibbilment huma konnessi mal-iffurmar ta' black holes.

Iktar dwar il-proġett EXPReS - http://www.expres-eu.org/

NEXPReS (Novel Explorations Pushing Robust e-VLBI Services) huwa proġett ta' tliet snin li beda jaħdem mill-2010 u se jkompli sal-2013 bil-għan li tiġi implimentata il-VLBI elettronika f'ħin reali fl-osservazzjonijiet kollha mmexxija min-Netwerk Ewropew tal-VLBI, li hija kollaborazzjoni tal-istituti radju astronomiċi ewlenin fl-Ewropa, fl-Asja u fl-Afrika t'Isfel. Dan għandu jippermetti kwalità aħjar tad-dejta u immaġnijiet aktar dettaljati tal-galassja li jistgħu jiġu offruti lil għadd ikbar ta' astronomi. Il-proġett NEXPReS qed jitwettaq minn 15-il istitut tar-riċerka mill-fornituri tan-Netwerk Nazzjonali tar-Riċerka u tal-Edukazzjoni (National Research and Education Network - NREN) u minn faċilitajiet ta' kompjuting avvanzati fl-Awstralja, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja Spanja, fl-Isvezja u fir-Renju Unit.

Iktar dwar il-proġett NEXPReS - http://www.nexpres.eu/

Għal aktar tagħrif dwar infrastrutturi elettroniċi

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-websajt ta’ Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website