Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-appoġġ għall-ħaddiema mill-Fond tal-UE għall-Globalizzazzjoni żdied bit-triplu fl-2010 biex laħħaq mat-€83 miljun

Brussell, it-22 ta’ Awwissu 2011– Skont rapport adottat illum mill-Kummissjoni Ewropea, is-sena l-oħra, kważi 23 700 ħaddiem li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi ekonomika u bidliet strutturali oħra fix-xejriet tal-kummerċ dinji għenhom il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF). Dan kien aktar mid-doppju tal-għadd ta’ ħaddiema li l-Fond għen fl-2009. It-€83.5 miljun imħallsa mill-Fond tal-UE għall-Globalizzazzjoni lil disa’ Stati Membri huma maħsuba biex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali fl-appoġġ tagħhom lill-ħaddiema ssensjati biex dawn isibu opportunitajiet ta’ impjieg ġdid.

Fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor qal: "Mindu twaqqaf fl-2007 bħala strument li jesprimi s-solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni daħal għal dawk li tilfu xogħolhom. Il-Fond kopra t-taħriġ u l-assistenza fit-tiftix għall-impjiegi għal eluf ta’ ħaddiema Ewropej u se jkompli jservi rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad u fil-prevenzjoni tiegħu." Hu żied jgħid li: “L-EGF huwa mera tal-ħtieġa li nikkonċentraw fuq l-isfidi ta’ dan id-diċennju, filwaqt li nikkonservaw investiment qawwi f’oqsma bħat-taħriġ, l-innovazzjoni u l-infrastruttura Ewropea.”

Ir-raba’ rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-EGF juri żieda trippla fl-2010 fil-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-Istati Membri. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bħala l-awtorità baġitarja tal-UE, ħadu 31 deċiżjoni fl-2010 biex jiskjeraw l-fondi tal-EGF: Fost dawn, 13 kienu b’rispons għal applikazzjonijiet magħmula fl-2010 u 18 ikkonċernaw applikazzjonijiet mit-tieni nofs tal-2009. Din iż-żieda qawwija tirrifletti l-impatt f’salt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali li wasslet għal żieda drammatika fl-applikazzjonijiet fl-2009. Meta mqabbla mal-2009, in-numru ta' każijiet li ġew approvati fl-2010 kien ta' tliet darbiet aktar, u kien hemm 60 % żieda fil-kofinanzjament tal-EGF imħallas lill-Istati Membri.

Il-kontribuzzjonijiet tal-EGF kienu mmirati lejn 23 688 ħaddiem issensjat f’disa’ Stati Membri (id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja), b’total ta’ €83 554 141 mill-Fond. L-appoġġ ingħata biex jikkofinanzja miżuri attivi marbuta mal-politika tas-suq tax-xogħol proposti u organizzati għall-ħaddiema mill-Istati Membri, tul perjodu ta’ 24 xahar wara d-data tal-applikazzjoni. L-EGF ikkofinanzja 65% tal-miżuri, filwaqt li l-bqija ta' 35% ipprovdewhom għejun nazzjonali. Il-miżuri konkreti għal dawk li qed ifittxu x-xogħol inkludew assistenza intensiva u personalizzata fit-tfittxija tal-impjiegi, tipi varji ta' taħriġ vokazzjonali, miżuri li jqawwu l-ħiliet u jħarrġu mill-ġdid, inċentivi u konċessjonijiet temporanji tul il-miżuri attivi, u tipi oħra ta' appoġġ bħall-ħolqien tan-negozji u skemi ta' impjiegi pubbliċi.

L-EGF, li huwa inizjattiva li l-ewwel li proponieha kien il-President Barroso sabiex tipprovdi għajnuna lil dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-impatt tal-globalizzazzjoni, twaqqaf mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi tmiem l-2006.

Bħala parti mill-proposta tagħha għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss lil hinn mill-2013, il-Kummissjoni pproponiet li l-UE, anki fil-ġejjieni, għandha tkompli tesprimi solidarjetà permezz tal-EGF mal-ħaddiema ssensjati u r-reġjuni milquta.

Sfond

Il-Kummissjoni rċeviet total ta' 31 applikazzjoni għal appoġġ mill-EGF tul l-2010 - waħda aktar mill-2009. Dawn issottomettewhom 12-il Stat Membru għal total ta’ €169 994 542 f’appoġġ mill-EGF b’mira li jiġu sostnuti 31 995 ħaddiem issensjati f’16-il settur. Tliet Stati Membri applikaw għall-ewwel darba fl-2010: ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovenja.

Mindu beda jitħaddem f'Jannar tal-2007, quddiem l-EGF tressqu 78 applikazzjoni, b'ammont totali ta' €355 miljun, biex b'hekk ġew assistiti kważi 76 000 ħaddiem. L-applikazzjonijiet tal-EGF qed jiġu ppreżentati f'għadd li kull ma jmur qed jikber ta' setturi, u minn għadd dejjem jiżdied ta' Stati Membri.

Ir-rapport annwali jiddeskrivi wkoll l-eżiti tal-erba’ kontribuzzjonijiet tal-EGF mogħtija fis-snin preċedenti lil tliet Stati Membri (Spanja, il-Portugall u l-Ġermanja) u l-mod kif l-appoġġ mill-EGF għen lill-ħaddiema ssensjati jsibu impjiegi ġodda. Dan juri li 629 ħaddiem issensjati mill-impjegaturi fl-industriji tal-karozzi, tat-tessuti u tas-settijiet ċellulari sabu impjiegi ġodda jew bdew jaħdmu għal rashom sa tmiem il-perjodu ta' 12-il xahar li matulu rċevew sostenn mill-EGF (20% tat-3 146 li rċevew appoġġ). B’konsegwenza diretta tal-kriżi, ir-riżultati għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fid-dinja tax-xogħol ixxekklu mis-saram li ħabbtu wiċċhom miegħu s-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali f'dawk li huma opportunitajiet u postijiet battala tax-xogħol.

It-tliet Stati Membri rrapportaw serje ta’ fatti interessanti li jindikaw li s-sitwazzjoni personali tal-ħaddiema inkwistjoni, il-kunfidenza fihom infushom u l-impjegabbiltà tagħhom ittejbu b’mod ċar bis-saħħa tal-assistenza u s-servizzi tal-EGF, anki jekk ix-xogħol ġdid mhux dejjem sabuh minnufih. L-EGF ta l-oppurtunità lill-Istati Membri biex jaġixxu b'mod aktar effettiv fir-reġjuni milquta mis-sensji - f'dawk li huma l-għadd ta' persuni assistiti u t-tul ta' żmien, it-tip u l-kwalità tal-appoġġ - milli kien ikun possibbli mingħajr il-finanzjament tal-EGF.

Il-fondi tal-UE ppermettew ukoll lill-pajjiżi sabiex iwieġbu b’mod aktar flessibbli u jinkludu azzjonijiet personalizzati u innovattivi fil-miżuri tagħhom filwaqt li jiddedikaw aktar attenzjoni lil dawk bl-inqas ħiliet. L-assistenza kofinanzjata mill-EGF, għalhekk, tirrappreżenta investiment imtejjeb fil-ħiliet, li diġà wera li jħalli impatt pożittiv fuq ir-rati tal-impjegar mill-ġdid tal-ħaddiema assistiti, anki fuq medda ta' żmien medja u twila wara tmiem il-miżuri tal-EGF.

Barra minn hekk, l-EGF ġie rrapportat li kien strument siewi fi żmien ta’ defiċits baġitarji u tnaqqisijiet fis-settur pubbliku, hekk kif ir-riżorsi nazzjonali skarsaw u l-Istati Membri qed jitqabdu biex jirkupraw mill-kriżi globali. Dawn ir-rapporti jagħmluha ċara għal darba oħra li l-EGF jipprovdi għajnuna prezzjuża lill-ħaddiema ssensjati u juri s-solidarjetà tal-UE fi żminijiet ta’ bidla.

Għal aktar tagħrif

Ara wkoll MEMO/11/561

Ir-rapport tal-EGF 2010 tista’ ssibu hawnhekk:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6942&langId=en

Il-websajt tal-EGF: http://ec.europa.eu/egf

Filmati tal-Aħbarijiet:

Europe acts to fight the crisis: the European Globalisation Fund revitalised:

http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=details&prodid=9847&src=1

Facing up to a globalised world – The European Globalisation Fund:

http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=detail&prodid=4096&src=4

Kuntatti :

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Maria Javorova (+32 2 299 89 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website