Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tniedi programm ambizzjuż biex twessa' s-Suq Uniku għas-servizzi

European Commission - IP/11/96   27/01/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/96

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2011

Il-Kummissjoni tniedi programm ambizzjuż biex twessa' s-Suq Uniku għas-servizzi

Filwaqt li bħalissa s-servizzi jirrapreżentaw żewġ terzi tal-PDG u tal-impjiegi tal-UE, jiffurmaw biss madwar wieħed minn ħamsa tat-total tal-kummerċ intra-UE. Illum, madwar 8 % biss tal-SMEs Ewropej jinnegozjaw fi Stati Membri oħra. Dan in-nuqqas ta' dinamiżmu mhux biss itellef l-għażla għall-konsumaturi, iżda wkoll jipprevjeni negozji żgħar u innovattivi milli jikbru, jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom u jsiru aktar kompetittivi. Biex sal-2012 jiġi żviluppat aktar il-potenzjal tas-Suq Uniku għas-servizzi, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat sett ta' azzjonijiet immirati biex jitrattaw il-problemi li għad fadal. Id-Direttiva dwar is-Servizzi għandha l-għan preċiż li tneħħi ostakli bla bżonn u ta' piż biex isir kummerċ fis-servizzi fis-Suq Uniku. Sena wara li għaddiet id-data ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri lestew valutazzjoni ta' kif id-Direttiva ġiet implimentata fil-prattika. Ir-riżultati ta' dan l-hekk imsejjaħ eżerċizzju ta' "evalwazzjoni reċiproka" jikkonkludu li, filwaqt li s'issa nkiseb ħafna, is-Suq Uniku għas-servizzi għadu mhux qed irendi l-potenzjal kollu tiegħu. .

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Fiż-żminijiet tal-lum ta' kriżi, irridu niżviluppaw aktar il-potenzjal għat-tkabbir li jeżisti f'Suq Uniku għas-servizzi integrati. Dan se jgħin għat-tkabbir tan-negozji, għall-innovazzjoni u għall-ħolqien ta' aktar xogħlijiet. Dan jipprovdi wkoll għal servizzi aħjar u aktar kompetittivi kemm għall-konsumaturi tal-UE kif ukoll għan-negozji.

Azzjonijiet immirati biex isaħħu s-swieq tas-servizzi tal-UE

Id-Direttiva dwar is-Servizzi kienet pass kbir il-quddiem, iżda għad fadal xogħol xi jsir biex is-swieq tas-servizzi tal-UE jaħdmu aħjar. Il-Komunikazzjoni "Lejn Att dwar is-Suq Uniku – (IP/10/1390) għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna", adottata fis-27 ta' Ottubru 2010 ddikjarat li l-benefiċċji minn Suq Uniku għas-servizzi li jaħdem aħjar huwa stmat fi profitti annwali ta' EUR 60 sa EUR 140 biljun u tkabbir tal-PDG ta' bejn 0.6 u 1.5 %. Filwaqt li bħalissa s-servizzi jirrapreżentaw żewġ terzi tal-PDG tal-UE u tal-impjiegi, jammontaw biss għal madwar wieħed minn ħamsa tat-total tal-kummerċ intra-UE. Illum, madwar 8 % biss tal-SMEs Ewropej jinnegozjaw fi Stati Membri oħra. Dan in-nuqqas ta' dinamiżmu mhux biss itellef l-għażla għall-konsumaturi, iżda wkoll jipprevjeni negozji żgħar u innovattivi milli jiżviluppaw l-attivitajiet tagħom u milli jikbru aktar.

Bi tweġiba, il-Kummissjoni identifikat dawn l-azzjonijiet li ġejjin:

  • Tiżgura li s-Suq Uniku jaħdem fil-prattika: fl-2011 u fl-2012, il-Kummissjoni se twettaq "kontroll tal-prestazzjoni" tas-Suq Uniku għas-servizzi mill-perspettiva tal-utent, e.ż. perit Svediż li jrid jiddisinja dar fl-Italja jew resident Finlandiż li juża s-servizzi ta' kontabilist Ċek. Il-"kontroll ta' prestazzjoni" se jieħu kont tar-regoli l-oħra kollha tal-UE li japplikaw għas-servizzi lil hinn mid-Direttiva dwar is-Servizzi u se jivvaluta kif jinteraġixxu dawn ir-regoli differenti tal-UE. L-għan hu li jiġu identifikati problemi prattiċi speċifiċi li jtellfu s-suq intern għas-servizzi u kif l-interazzjoni bejn regoli differenti jista' jkollha effetti mhux intenzjonati. Il-Kummissjoni diġà identifikat il-bżonn li tikkunsidra aktar azzjoni fil-konfront tal-limitazzjonijiet imposti f'xi pajjiżi fuq ċerti fornituri, e.ż. f'termini tal-forma legali li jistgħu jieħdu (pereżempju, jipprojbixxu fornituri ta' servizzi tas-snajja' bħal mastrudaxxi milli jieħdu l-forma ta' kumpanija b'responsabbiltà limitata), jew tal-persuni li jistgħu jżommu kapital fil-kumpaniji tagħhom (pereżempju, l-obbligu li tkun konsulent tat-taxxa kwalifikat sabiex iżżomm kapital f'kumpanija li toffri servizzi ta' konsulenza dwar it-taxxa).

  • Eliminazzjoni tal-ostakli għal servizzi transkonfinali: L-"evalwazzjoni reċiproka" ipprovdiet evidenza partikolari tad-diffikultajiet fil-provvediment ta' servizzi transkonfinali mingħajr stabbiliment permanenti (fejn il-fornitur tas-servizz mhuwiex ibbażat b'mod permanenti fil-pajjiż li fih ikun qiegħed joffri s-servizz). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni issa se ssegwi mill-qrib l-effetti tad-Direttiva dwar is-Servizzi. L-ewwel rapport ta' progress se jkun ippubblikat sa tmiem l-2011 u minn hemm 'il quddiem se jkun hemm wieħed kull sena. Iridu jiġu evitati wkoll li jinħolqu ostakli regolatorji ġodda għas-servizzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Dawn l-ostakli jistgħu jirriżultaw minn Stati Membri li jirrevedu r-rekwiżiti tal-istabbilimenti tagħhom u l-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-iżviluppi relevanti.

  • Tiżgura implimentazzjoni ambizzjuża u l-applikazzjoni bir-reqqa tad-Direttiva dwar is-Servizzi: Il-Kummissjoni se tidħol fi djalogu bilaterali ma' għadd ta' Stati Membri fejn hemm evidenza ta' problemi bl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-2011 se twettaq l-ewwel valutazzjoni ekonomika tal-effetti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u tal-impatti tagħha fuq il-funzjonament tas-swieq tas-servizzi.

Sfond

Id-Direttiva dwar is-Servizzi hija liġi tal-UE li daħlet fis-seħħ bl-għan li tneħħi ostakli bla bżonn u ta' piż għall-forniment tas-servizzi madwar l-UE. Is-servizzi jirrapreżentaw +/- 66 % tal-PDG tal-UE. Id-Direttiva dwar is-Servizzi hija liġi orizzontali li tkopri varjetà kbira ta' servizzi li jirrapreżentaw madwar 40 % tal-PDG tal-UE u tal-impjiegi. Id-Direttiva ħtieġet li l-Istati Membri, sa tmiem l-2009, jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi tagħhom u jistabilixxu "Punti ta' Kuntatt Uniku" biex negozji jkunu jistgħu jipproċessaw elettronikament u b'mod aktar faċli x-xogħol ta' karti. Sabiex jiġi kkunsidrat il-progress li sar u jiġu identifikati n-nuqqasijiet li għad fadal, id-Direttiva pprevediet proċess ta' "evalwazzjoni reċiproka" li twettaq fl-2010. Dan kien eżerċizzju innovattiv u bbażat fuq l-evidenza ta' "reviżjoni bejn il-pari" fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni eżaminaw flimkien ir-riżultati ewlenin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

Settur tas-servizzi tal-UE dinamiku hu prijorità ewlenija għall-Kummissjoni. Is-servizzi huma l-mutur tal-ekonomija tal-UE u madwar disgħa minn għaxar impjiegi huma maħluqa f'dan is-settur. Kif identifikat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni (ara IP/11/22), l-UE se tilħaq il-miri ambizzjużi tagħha tal-Ewropa 2020 għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv jekk ir-riformi strutturali urġenti jingħataw prijorità fis-swieq tas-servizzi u tal-prodotti biex itejbu l-ambjent tan-negozju.

Ara wkoll il-MEMO/11/49.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/services/services-dir/implementation_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website