Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Marokk: Appoġġ Ewropew ġdid għall-ugwaljanza u għall-iżvilupp rurali

European Commission - IP/11/969   17/08/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Marokk: Appoġġ Ewropew ġdid għall-ugwaljanza u għall-iżvilupp rurali

Brussell, is-17 ta' Awwissu 2011 - Illum, l-Unjoni Ewropea (l-UE) approvat il-programm ta' azzjoni annwali għall-2011 għall-Marokk. Minn dan l-appoġġ il-ġdid se jgawdu b'mod partikolari n-nies li jgħixu fir-reġjun rurali ta' Al Hoceima (EUR 19-il miljun) fit-Tramuntana tal-Marokk, li hu kkaratterizzat mill-iżolament tiegħu, mill-fatt li jinsab lura mil-lat soċjoekonomiku meta mqabbel mal-bqija tal-pajjiż u mill-preżenza tal-koltivazzjoni tal-kannabis. Il-programm se jgħin biex il-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-popolazzjoni jsiru aħjar u biex l-introjtu tagħha jiżdied billi jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-deċentralizzazzjoni u tal-iżvilupp lokali, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp soċjali u ambjentali.

Se jiġu wkoll iddedikati EUR 35 miljun għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel li ġiet adottata dan l-aħħar mill-Gvern Marokkin, fuq kollox permezz ta' żieda fl-għarfien tal-popolazzjoni (inkluż ta' opinion leaders, ta' membri parlamentari u ta' kapijiet ta' impriżi) u permezz ta' titjib fil-kundizzjonijiet u fil-ħiliet ta' parteċipazzjoni tan-nisa fuq bażi ugwali bħall-irġiel fil-governanza politika u fil-ġestjoni ta' kwistjonijiet pubbliċi. Dan il-programm għandu l-għan li jiggarantixxi li ċ-ċittadini Marokkini jkollhom sehem aktar ġust mir-riżultati tat-tkabbir.

Se jiġu ddedikati EUR 85 miljun għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-istatus avvanzat. L-istatus avvanzat ingħata mill-UE f'Ottubru tal-2008 b'reazzjoni għall-ambizzjoni tal-Marokk li jħaffef il-proċess tiegħu ta' avviċinament lejn l-UE, li ngħata bidu bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-sena 2000. Il-programm se jkun ta' appoġġ għar-riformi settorjali u għall-impenji li l-Marokk ħa fil-Pjan Direzzjonali dwar l-Istatus Avvanzat.

Štefan Füle, il-Kummissarju responsabbli għat-Tkabbir u għall-Politika Ewropea tal-Viċinat iddikjara: "Permezz tal-appoġġ tagħha għall-Aġenda ta' Ugwaljanza, il-Kummissjoni Ewropea qed issostni r-rieda tal-Marokk li javvanza fl-implimentazzjoni ta' riformi demokratiċi, li tnedew fl-1 ta' Lulju li għadda bl-approvazzjoni, permezz ta' referendum popolari, tal-proposta ta' riformulazzjoni tal-Kostituzzjoni tiegħu. Kemm il-programm ta' żvilupp tar-reġjun ta' Al Hoceima kif ukoll l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istatus Avvanzat se jkollhom impatt pożittiv dirett fuq il-ħajja ta' kuljum ta' bosta ċittadini Marokkini, billi jagħtu forma konkreta lir-relazzjonijiet privileġġjati bejn il-Marokk u l-UE."

Ir-riformi Marokkini li se jkunu s-suġġett tal-appoġġ mill-UE huma perfettament armonizzati mal-prijoritajiet strateġiċi ddefiniti fiż-żewġ Komunikazzjonijiet konġunti reċenti tal-Kummissjoni Ewropea u r- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà: "Sħubija għad-Demokrazzjoni u l-Prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran"1 u "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni"2.

Il-Programm ta' appoġġ għad-dinamika tal-Iżvilupp Integrat tal-Provinċji u t-territorji rurali tat-Tramuntana (Al Hoceima), li għandu baġit ta' EUR 19-il miljun, għandu l-għan li jtejjeb b'mod sostenibbli l-kundizzjonijiet ta' għajxien u l-introjti tal-popolazzjoni rurali tal-provinċja ta' Al Hoceima, permezz ta' appoġġ għad-dinamiki ta' żvilupp lokali parteċipattiv u inklużiv, tat-tisħiħ tar-rwoli u l-ħiliet tal-atturi, ta' żieda fid-dinamiċità tan-nisġa ekonomika lokali, tal-iżvilupp soċjali u tal-ħarsien u t-titjib tal-ekosistemi.

Pereżempju, il-programm se jipprovdi appoġġ għall-proċessi parteċipattivi tal-ippjanar fil-livell muniċipali, għal investimenti f'insfrastrutturi soċjali żgħar u fi strutturi soċjali sostenibbli, għal żieda fl-introjtu ta' unitajiet domestiċi rurali permezz ta' investimenti u għal sostenn tekniku fl-oqsma tal-agrikoltura, tas-sajd mhux industrijali, tal-artiġjanat u tat-turiżmu rurali. F'dan il-kuntest, il-programm se jagħmel enfasi speċjali fuq l-integrazzjoni ekonomika taż-żgħażagħ u n-nisa.

Il-Programm ta' appoġġ għall-promozzjoni tal-ġustizzja u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li għandu baġit ta' EUR 35 miljun, se jagħti appoġġ lill-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ugwaljanza tal-Marokk. Huwa għandu b'mod partikolari l-għan li jżid l-għarfien tal-popolazzjoni (inkluż ta' opinion leaders, ta' membri parlamentari u ta' kapijiet ta' impriżi) dwar il-kultura tal-ugwaljanza, li jżid il-protezzjoni legali tan-nisa, li jintegra b'mod effettiv kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet differenti u li jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-ħiliet tal-parteċipazzjoni tan-nisa fuq bażi ugwali bħall-irġiel fil-governanza politika u fil-ġestjoni ta' kwistjonijiet pubbliċi

Il-Programm "Suċċess fl-Istatus Avvanzat", li għandu baġit ta' EUR 85 miljun, huwa espressjoni tanġibbli tar-relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Marokk fil-qafas tal-Istatus Avvanzat. Se jkun l-istrument ta' koperazzjoni ewlieni li jagħti appoġġ lit-tisħiħ u l-approfondiment ta' din is-sħubija. Se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-impenji prinċipali li jinsabu fil-Pjan Direzzjonali tal-Istatus Avvanzat, speċifikament fil-qasam tal-konverġenza regolatorja mal-acquis tal-UE, li huwa l-pedament f'din id-dinamika ta' avviċinament mil-lati ekonomiċi u soċjali, u dan fil-kuntest ta' djalogu politiku msaħħaħ B'mod partikolari, il-programm se jiffinanzja attivitajiet fl-oqsma tal-istandards industrijali, l-istandards tat-trasport, tas-sajd, tal-edukazzjoni għolja, tal-impjiegi, tal-ilma u tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

Għal aktar tagħrif

L-UE - Il-Marokk :

http://ec.europa.eu/europeaid/where/neighbourhood/country-cooperation/morocco/morocco_en.htm

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat :

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

Persuni ta' kuntatt:

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)

1 :

COM(2011)200 tat-8 ta' Marzu 2011.

2 :

COM(2011)303 tal-25 ta' Mejju 2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website