Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-UE ssaħħaħ l-appoġġ għall-ġustizzja u l-governanza fil-Libanu

Brussell, is-17 ta' Awwissu tal-2011 – Il-fondi li ġew allokati llum mill-Unjoni Ewropea ser jgħinu r-riforma tas-sistema tal-ġustizzja tal-Libanu permezz tal-implimentazzjoni ta' taħriġ ġdid għall-iskrivani u tal-ftuħ ta' dibattitu nazzjonali dwar l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja billi l-Libaniżi jingħataw l-opportunità juru fehmithom f'konferenzi u seminars.

ll-fondi, li huma parti mill-Programm ta' Azzjoni Annwali għal-Libanu, ser itejbu wkoll il-prestazzjoni ambjentali tas-settur pubbliku fil-Libanu billi l-Ministeru tal-Ambjent jingħata għajnuna biex jippjana u jimplimenta aħjar il-politika ambjentali.

Il-muniċipalitajiet tal-Libanu ser igawdu minn dan il-programm ukoll permezz tal-għoti ta' taħriġ u għarfien espert ġdid sabiex l-amministrazzjoni fis-settur muniċipali ssir aktar effettiva filwaqt li tkun f'pożizzjoni li ttejjeb il-ġestjoni ta' fondi pubbliċi.

Fil-waqt li ħabbar l-adozzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Annwali għall-2011 tal-Libanu, Štefan Füle, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mit-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, stqarr: "L-appoġġ lil sħabna l-Libaniżi fl-isforzi tagħhom biex joħolqu sistema ta' amministrazzjoni pubblika li tiffunzjona tajjeb u t-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli u d-demokrazija fil-pajjiż huwa importanti ferm. Dawn ir-riformi ser jagħtu leħen lill-poplu Libaniż fit-tmexxija ta' pajjiżu, li jwassal sabiex jitrawmu l-fiduċja u l-leġittimità tas-sistema tal-ġustizzja."

Il-Programm ta' Azzjoni Annwali għall-2011 huwa magħmul minn pakkett ta' kooperazzjoni ta' EUR 33 miljun maqsum fi tliet oqsma ta' riforma; il-finanzi muniċipali, il-governanza ambjentali u l-ġustizzja.

L-oqsma kollha ta' appoġġ għar-riforma jimxu mal-prijoritajiet taż-żewġ Komunikazzjoni Konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà; "Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran"1 u "Risposti ġodda għal Viċinat fi Trasformazzjoni"2. Dawn ir-riformi jirriflettu wkoll id-dikjarazzjoni ministerjali li ħareġ il-kabinett tal-Prim Ministru Mikati.

F'aktar dettall, l-għanijiet ta' dan il-programm huma:

  • Appoġġ għar-riforma tal-finanzi muniċipali (EUR 20 miljun)

Dan il-programm għandu l-għan li jtejjeb l-iżvilupp soċjoekonomiku bbilanċjat permezz ta' amministrazzjoni muniċipali moderna u appoġġ ċentrali effettiv lill-gvernijiet lokali. Biex jinkiseb dan, għandu jsir progress fuq it-titjib tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tas-settur muniċipali, flimkien mat-tisħiħ tas-sistemi ta' finanzi muniċipali biex jintrifed l-għoti ta' servizzi.

  • Appoġġ għar-Riforma – Governanza Ambjentali (EUR 8 miljun)

Dan il-proġett, fi sħubija mal-Ministeru tal-Ambjent, għandu l-għan li jtejjeb lil-prestazzjoni ambjentali tas-settur pubbliku Libaniż permezz tar-riforma tal-governanza ambjentali. Ser jingħata taħriġ lill-Ministeru tal-Ambjent, u kif ukoll lil partijiet interessati oħrajn f'dan is-settur, sabiex jiġu megħjuna jippjanaw u jimplimentaw aħjar il-politika ambjentali, fosthom l-infurzar tal-liġi.

  • Appoġġ għar-Riforma tal-Ġudikatura (EUR 5 miljun)

Fl-imgħoddi l-UE diġà appoġġjat ċerti riformi fil-qasam tal-ġudikatura Libaniża permezz ta' programmi oħrajn. F'konformità ma' dawn, il-programm il-ġdid ser jikkontribwixxi għal sistema tal-ġudikatura Libaniża aktar independenti u li taħdem aħjar, u li b'hekk twassal għal aktar leġittimità u fiduċja fost il-pubbliku Libaniż. L-indirizzar tal-kwistjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura huwa pass kruċjali għat-titjib tal-funzjonament tagħha u l-UE tinsab lesta li tgħin lill-gvern tal-Libanu jwettaq dan il-għan.

Għal aktar informazzjoni

Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Libanu:

http://ec.europa.eu/europeaid/where/neighbourhood/country-cooperation/lebanon/lebanon_en.htm

Dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV):

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

Persuni ta' kuntatt :

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)

1 :

COM(2011)200 tat-8 ta' Marzu tal-2011.

2 :

COM(2011)303 tal-25 ta' Mejju tal-2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website