Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tħabbar appoġġ ġdid għall-edukazzjoni u l-enerġija rinnovabbli fil-Ġordan

Brussell, is-17 ta' Awwissu 2011 – Pakkett ġdid ta' assistenza ta' EUR 71 miljun li ġie allokat illum għall-Ġordan se jipprovdi sostenn kruċjali lill-edukazzjoni, lill-enerġija rinnovabbli u lit-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni tal-pajjiż dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Il-Kummissarju tal-UE għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, Štefan Füle, qal: "Dan l-appoġġ ġdid tal-KE se jiffoka fuq żewġ oqsma, li nemmen li għandhom importanza vitali biex pajjiż jikber – l-edukazzjoni u l-enerġija. Tnaqqis ta' 20% fl-użu tal-enerġija huwa mira impressjonanti, u kuntent li l-UE qed tagħmel dak li tista' biex tgħin lill-pajjiż jilħaqha."

Fl-edukazzjoni, il-finanzjament se jipprovdi taħriġ ġdid għall-għalliema, se jgħin biex jinbnew ċentri ġodda għall-edukazzjoni ta' persuni bi bżonnijiet speċjali, u se jippermetti li tfal li jgħixu fi wħud mill-ifqar inħawi tal-Ġordan ikollhom aċċess għall-edukazzjoni preprimarja.

Se jgħin ukoll biex jitjiebu l-proċeduri tal-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-moniteraġġ u għall-evalwazzjoni, permezz tal-introduzzjoni ta' sistema ġdida ta' informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-edukazzjoni.

Fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, l-appoġġ se jgħin lill-pajjiż biex jissokta bit-twettiq tal-istrateġija tiegħu dwar l-enerġija għall-perjodu bejn l-2007 u l-2020, li hija mistennija tiffranka 20% tal-enerġija bejn issa u l-2020. Se jsostni wkoll it-twettiq tal-Pjan Annwali Ewropew ta' Azzjoni dwar il-Viċinat, li fost affarijiet oħrajn se joħloq programmi ta' 'Ġemellaġġ' fejn esperti mill-Istati Membri jiġu ssekondati mal-Gvern Ġordaniż sabiex jaqsmu miegħu l-konoxxenza u l-ħiliet.

Skont il-prijoritajiet taż-żewġ Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (("Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran"1 u "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni"2, il-pakkett tal-lum jagħmel parti mill-Programm Indikattiv Nazzjonali 2011-2013 għall-Ġordan li bħala parti minnu se tingħata assistenza għall-ammont ta' EUR 223 miljun.

Dan il-pakkett ta' assistenza jiffoka fuq tliet oqsma prijoritarji: l-enerġija rinnovabbli, l-edukazzjoni u l-appoġġ għat-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni.

Ser jiġu implimentati l-programmi li ġejjin:

  • Il-Programm dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza tal-Enerġija (EUR 35 miljun)

Il-programm ta' Appoġġ Baġitarju Settorjali se jiffoka fuq l-iżvilupp u t-twettiq ta' linji politiċi effettivi favur l-enerġija rinnovabbli. Dan se jipprovdi l-appoġġ meħtieġ sabiex titwettaq l-istrateġija dwar l-enerġija li tkopri l-perjodu bejn l-2007 u l-2020, li għandha l-għan li tilħaq il-miri ambizzjużi fejn 10% tal-produzzjoni tkun ġejja minn enerġiji rinnovabbli u fejn bejn issa u l-2020 jiġu ffrankati 20% tal-enerġija.

  • Appoġġ tal-UE għat-Tieni Fażi tar-Riforma Edukattiva (EUR 23 miljun)

Il-programm ta' Appoġġ Baġitarju Settorjali se jipprovdi appoġġ għat-tieni fażi tar-riforma edukattiva. B'mod aktar speċifiku, il-programm se jiffoka fuq it-titjib ta' nħawi li huma inqas żviluppati iżda li huma kruċjali għar-riforma tal-qasam. Dawn jinkludu t-taħriġ ma jaqta' xejn tal-għalliema, it-titjib tal-kapċitajiet tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li jimmoniterja u jevalwa, partikularment permezz tat-twettiq ta' Sistema serja ta' Informazzjoni dwar il-Ġestjoni tal-Edukazzjoni, kif ukoll aċċess aħjar għall-edukazzjoni ta' kwalità aħjar fit-tfulija bikrija u għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.

  • Appoġġ għat-Twettiq tal-Programm dwar il-Pjan ta' Azzjoni III (EUR 13-il miljun)

Dan il-proġett se jipprovdi lil diversi instituzzjonijiet Ġordaniżi b'assistenza teknika u b'attivitajiet ta' ġemellaġġ, li jfissru sħubija eqreb bejn istituzzjoni ta' Stat Membru tal-UE u dik tal-pajjiż benefiċjarju (inkluż il-provvediment ta' esperti ssekondati għal żmien fit-tul) sabiex jiġu żviluppati amministrazzjonijiet moderni u effiċjenti.

Tali appoġġ se jgħin lill-istituzzjonijiet tal-Ġordan iwettqu l-impenji li daħlu għalihom fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan u tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-PEV, minbarra li jikkumplimenta l-appoġġ li tat s'issa l-UE għar-riformi tal-Ġordan permezz ta' programmi differenti.

Meta wieħed iqis il-ħtiġijiet tal-amministrazzjoni Ġordaniża u r-rekwiżiti tal-Pjan ta' Azzjoni, li issa ssaħħaħ bl-"istejtus avvanzat", dawn l-attivitajiet qegħdin il-ħin kollu jikbru fl-importanza tagħhom.

Dan l-appoġġ ġej parzjalment minn fondi riportati mill-2012. It-tieni pakkett ta' sostenn qed jitħejja u nittamaw li nagħmluh disponibbli fil-ħarifa.

Għal aktar tagħrif

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġordan:

http://ec.europa.eu/europeaid/where/neighbourhood/country-cooperation/jordan/jordan_en.htm

Dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV):

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

Kuntatti :

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)

1 :

COM(2011)200 tat-8 ta' Marzu 2011

2 :

COM(2011)303 tal-25 ta' Mejju 2011


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website