Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Appoġġ ġdid mill-Kummissjoni biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u biex jinħolqu l-impjiegi fl-Eġittu

Brussell, is-17 ta' Awwissu tal-2011 – Illum il-Kummissjoni Ewropea approvat l-għoti ta' EUR 100 miljun għall-Eġittu, biex tgħin fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni fqar fil-Kajr, biex jinħolqu aktar impjiegi, u biex l-enerġija sostenibbli tinfirex aktar u ssir aktar disponibbli. Dan l-appoġġ ġdid ser itejjeb il-kundizzjonijiet ambjentali f'din iż-żona billi jiffinanzja inizjattivi għall-ġbir tal-iskart, għar-riċiklaġġ tal-iskart solidu, għal sistemi ta' enerġija tax-xemx għall-kliniki tas-saħħa u għar-rimi tad-drenaġġ. Permezz ta' gruppi tas-soċjetà ċivili, dan l-appoġġ ser iqajjem ukoll kuxjenza dwar l-isfidi ambjentali li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti, filwaqt li jgħin lill-persuni tal-lokal – speċjalment lin-nisa u liż-żgħażagħ – jinvolvu ruħhom fiż-żoni tagħhom stess. Miljun persuna Eġizzjana ser jibbenefikaw mill-programm.

Štefan Füle, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mit-Tkabbir u mill-Politika Ewropea tal-Viċinat stqarr: "L-appoġġ tagħna ser joffri għajnuna fejn hija l-aktar meħtieġa biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-aktar persuni fqar, għal aktar impjiegi u għal enerġija bi prezzijiet orħos. Dan kollu ser jgħin biex jagħmel differenza reali fil-ħajjiet tan-nies komuni fl-Eġittu kollu kemm hu".

Bħalissa 60% tan-nies fil-Kajr joqogħdu fi kwartieri tal-kerrejiet mingħajr servizzi soċjali bażiċi bħalma huma l-ilma għax-xorb, u r-rimi tad-dranaġġ u tal-iskart. Ta' sikwit ir-residenti jibnu mingħajr il-permessi tal-bini jew mingħajr ebda konnessjoni adegwata mal-infrastruttura pubblika.

Fil-kuntest tal-kummerċ, l-appoġġ tal-Kummissjoni ser itejjeb l-opportunitajiet ta' esportazzjoni billi jipprovdi taħriġ, konsulenza legali u għajnuna biex jinħoloq ambjent regolatorju xieraq. Minbarra t-titjib tal-kwalità tal-esportazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar dawn il-miżuri ser jgħinu wkoll fil-ħolqien tal-impjiegi u ser iwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel għall-popolazzjoni.

Fil-qasam tal-enerġija, il-programm ser jgħin fil-promozzjoni ta' riżorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-gassijiet b'effett serra, permezz ta' miżuri bħall-użu aktar mifrux tat-tisħin bix-xemx, il-ħolqien ta' programmi ta' ffrankar ta' enerġija għall-bini pubbliku u d-dawl fit-toroq u billi, b'riżultat ta' dan kollu, it-tariffi jsiru aktar trasparenti u jinftiehmu aħjar.

Dan l-appoġġ, li huwa parti mill-Programm ta' Azzjoni Annwali, ser jgħin lill-Eġittu jiffaċċja wħud mill-aktar sfidi importanti u urġenti tiegħu hekk kif dan il-pajjiż qiegħed fi triqtu lejn aktar demokrazija u prosperità ta' kulħadd.

F'konformità mal-prijoritajiet Eġizzjani u maż-żewġ Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran"1 u "Risposti ġodda għal Viċinat fi Trasformazzjoni"2,) l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea ser jiffoka l-aktar fuq:

  • it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni fqira li tgħix f'żoni b'servizzi mhux adegwati fir-reġjun ta' madwar il-Kajr (EUR 20 miljun);

  • l-implimentazzjoni ta' riformi relatati mal-kummerċ u domestiċi li huma mistennija jwasslu għal tkabbir ekonomiku inklużiv u għall-ħolqien tal-impjiegi (EUR 20 miljun);

  • it-titjib tal-provvista ta' enerġija sostenibbli għall-popolazzjoni kollha permezz tal-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u użu effiċjenti tal-enerġija flimkien mat-tisħiħ tat-trasparenza finanzjarja fis-settur tal-enerġija (EUR 60 miljun).

Għal aktar informazzjoni

Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu:

http://ec.europa.eu/europeaid/where/neighbourhood/country-cooperation/egypt/egypt_en.htm

Dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV):

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

Persuni ta' kuntatt :

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)

1 :

COM(2011)200 tat-8 ta' Marzu tal-2011.

2 :

COM(2011)303 tal-25 ta' Mejju tal-2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website