Navigation path

Left navigation

Additional tools

Sostenn Ewropew ġdid għall-wirt kulturali u għas-settur tat-trasport fl-Alġerija

European Commission - IP/11/965   17/08/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Sostenn Ewropew ġdid għall-wirt kulturali u għas-settur tat-trasport fl-Alġerija

Brussell, is-17 ta' Awwissu 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat il-Programm ta' Azzjoni Annwali għall-2011 għall-valur ta' EUR 34.5 miljun favur l-Alġerija. Dawn il-programmi jippermettu li nsaħħu s-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija. B'mod partikulari, l-ewwel proġett se jkollu l-għan li jsaħħaħ il-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali Alġerin, notevolment permezz ta' sostenn għall-azzjonijiet prijoritarji biex jiġi identifikat u biex isir magħruf (inventarju), biex jitħares (il-modi tal-protezzjoni) u biex jissaħħaħ il-valur tiegħu (strumenti tal-ġestjoni u proġetti pilota) billi jiġu pprovduti għodod metodoloġiċi, tagħmir u taħriġ. B'dan il-metodu, dan il-proġett għandu l-ħsieb ukoll li jiżviluppa opportunitajiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ mingħajr kwalifiki, notevolment permezz ta' apprentistati u ta' taħriġ fuq il-post.

It-tieni proġett se jgħin biex titwettaq l-istrateġija l-ġdida tat-trasport fl-Alġerija, li tinkludi modernizzazzjoni tal-Ministeru tat-Trasport, appoġġ għall-aġġornament tal-leġiżlazzjoni u tar-regolamenti, sostenn għall-istituzzjonijiet responsabbli mis-sikurezza tal-mezzi tat-trasport, kif ukoll il-professjonalizzazzjoni tax-xogħlijiet fil-qasam tat-trasport.

Il-membru tal-Kummissjoni li hu responsabbli mit-Tkabbir u mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, Štefan Füle, qal: "Permezz tas-sostenn tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa r-rieda tal-Alġerija li timxi 'l quddiem fl-oqsma tal-wirt u tat-trasport. L-Alġerija għandha siti storiċi bil-gzuz, u s-sostenn ġdid tagħna se jgħin biex dan il-wirt prezzjuż jitħares. Kemm fil-qasam tal-wirt kif ukoll f'dak tat-trasport, l-appoġġ tagħna se jagħfas fuq l-importanza tat-taħriġ u tal-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ".

It-tieni impenn, ta' EUR 23.5 miljun, se jiżdied aktar tard mal-Progrmm ta' Azzjoni Annwali għall-2011 biex jindirizza l-isfidi marbutin max-xogħol għaż-żgħażagħ u mal-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

Il-Kummissjoni adottat iż-żewġ azzjonijiet li ġejjin:

  • Il-Programm ta' Appoġġ għall-Ħarsien u għall-Promozzjoni tal-Wirt Kulturali fl-Alġerija (EUR 21.5 miljun)

Dan il-programm huwa maħsub biex imur id f'id mal-linja politika li l-wirt kulturali jitqies bħala għodda għall-iżvilupp ekonomiku u uman tal-Alġerija. Huwa jagħti bidu għal mod kif isiru l-affarijiet li jintegra lill-atturi u s-setturi kollha li għandhom interessi fil-wirt. Lil dawn jinvolvihom fl-identifikazzjoni, fil-ħarsien, fil-ġestjoni u fil-promozzjoni tal-wirt. Se jsir taħriġ fil-post f'siti pilota.

  • Il-Programm ta' Appoġġ għas-Settur tat-Trasport II (EUR 13-il miljun)

Il-Kummissjoni Ewropea ilha tappoġġa lis-settur tat-trasport sa mill-2006. Il-programm Trasport II jibqa' jsostni t-tisħiħ tal-istrateġija settorjali tal-pajjiż, l-integrazzjoni tal-acquis tal-UE fejn għandhom x'jaqsmu s-sikurezza, ir-regolamentazzjoni u t-tisħiħ tat-tpoġġija tal-meteoroloġija għas-servizz tal-avjazzjoni u tas-settur marittimu.

Fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE ffirmat fl-2005, l-Alġerija b'kollox tgawdi minn baġit ta' EUE 172 miljun għall-perjodu bejn l-2011 u l-2013, li hu ffinanzjat permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija.

Għal aktar tagħrif

UE – Alġerija :

http://ec.europa.eu/europeaid/where/neighbourhood/country-cooperation/algeria/algeria_en.htm

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat :

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

Kuntatti :

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website