Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni taċċetta li Spanja tirrestrinġi temporanjament il-moviment liberu ta' ħaddiema Rumeni

European Commission - IP/11/960   11/08/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni taċċetta li Spanja tirrestrinġi temporanjament il-moviment liberu ta' ħaddiema Rumeni

Brussell, il-11 ta' Awwissu 2011 – Wara talba mill-awtoritajiet Spanjoli fit-28 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni Ewropea approvat din it-talba ta' Spanja biex tirrestrinġi s-suq tax-xogħol tagħha għal ħaddiema Rumeni sal-31 ta' Diċembru 2012 minħabba disturbi serji fis-suq tax-xogħol tagħha. Spanja ntlaqtet sew mill-kriżi. Il-waqgħa fil-PDG, li qatt qabel ma kien hemm bħalha, (-3.9 % bejn l-2008 u l-2010) wasslet għall-ogħla rata ta' qagħad fl-UE, aktar minn 20 % minn Mejju 2010 lil hawn. Iż-żieda kontinwa ta' residenti Rumeni fi Spanja u l-livell għoli tagħhom ta' qgħad kellhom impatt fuq il-kapaċità ta' Spanja li tassorbi influssi ġodda ta' ħaddiema.

Il-Kummissarju László Andor, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, insista: "Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba fis-sitwazzjoni tal-impjiegi li hija speċifika ferm fi Spanja. Bħala regola, jiena konvint li r-restrizzjoni tal-moviment liberu ta' ħaddiema Ewropej mhijiex ir-risposta għar-rata għolja ta' qagħad. Ikun tajjeb li niffukaw fuq il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' xogħol. Mill-bidu, Spanja dejjem kellha politika miftuħa ħafna għal ħaddiema minn pajjiżi oħra, inklużi l-Istati Membri ġodda, xi ħaġa li l-Kummissjoni dejjem laqgħet. Madankollu, il-Kummissjoni tifhem għaliex, f'dan l-istadju partikolari - minħabba fis-sitwazzjoni drammatika fl-impjiegi u s-sitwazzjoni finanzjarja kumplessa ferm - l-awtoritajiet Spanjoli jixtiequ jieħdu pass lura mill-moviment liberu sħiħ. It-talba Spanjola hija appoġġata b'evidenza tal-fatti u t-Trattat tal-Adeżjoni jippermetti l-impożizzjoni mill-ġdid ta' miżuri ta' restrizzjoni temporanji f'każijiet bħal dawn. Bl-implimentazzjoni ta' dawn it-tibdiliet, Spanja xorta tibqa' aktar miftuħa għal ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda minn uħud mill-Istati Membri l-oħra. Madankollu, aħna nittamaw li dan il-pass ikun kemm jista' jkun limitat fiż-żmien u li fl-Ewropa tibqa' tinħass l-attitudni ġenerali pożittiva lejn il-moviment liberu. Jiena nkompli ninkoraġġixxi lil Spanja biex tirriforma s-suq tax-xogħol u ttejjeb l-opportunitajiet tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, kif ukoll nappella għal sforzi akbar biex jittejbu l-opportunitajiet tax-xogħol fir-Rumanija. Iż-żewġ pajjiżi għandhom bżonn jużaw il-fondi strutturali aħjar biex joħolqu l-impjiegi b'mod aktar robust. Dan huwa dak li huwa meħtieġ biex ikun hemm differenza fit-tul fis-sitwazzjoni tal-impjiegi."

Fid-deċiżjoni tal-lum, il-Kummissjoni Ewropea tawtorizza lil Spanja biex temporanjament timponi restrizzjonijiet għal Rumeni li jridu jaċċessaw is-suq tax-xogħol, sal-31 ta' Diċembru 2012. Dawn ir-restrizzjonijiet se japplikaw għas-setturi u r-reġjuni kollha. Madankollu mhumiex se jaffettwaw lil ċittadini Rumeni li diġà huma attivi fis-suq tax-xogħol Spanjol.

Dawn ir-restrizzjonijiet temporanji huma awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea minħabba fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti fi Spanja. Il-pajjiż qed jiffaċċa disturbi serji fis-suq tax-xogħol, ikkaratterizzati mill-ogħla rata ta' qgħad fl-UE (21 % f'Ġunju 2011, kontra l-medja ta' 9.4 % fl-UE u 9.9 % fiż-żona tal-ewro) u rkupru ekonomiku bil-mod (0.3 % biss tat-tkabbir tal-PDG fl-ewwel kwart tal-2011 meta mqabbel mal-kwart ta' qabel, kontra 0.8 % għall-UE u ż-żona tal-ewro).

Barra minn hekk, l-analiżi mill-Kummissjoni stabbilixxiet li ċ-ċittadini Rumeni li qed jgħixu Spanja huma affettwati ferm mill-qgħad, minħabba li 30 % tagħhom huma bla xogħol. Fl-ewwel kwart tal-2011, 191,400 ċittadin Rumen li kienu qed jaħdmu fi Spanja spiċċaw bla xogħol, jiġifieri t-tieni l-akbar numru wara ċ-ċittadini Spanjoli. Dan in-numru kien biss 80,100 tliet snin qabel. Fl-istess perjodu, l-għadd ta' Rumeni bla xogħol niżel bi kważi 24 %. Minkejja l-waqgħa fil-għadd ta' ċittadini Rumeni li kienu qed imorru Spanja għax-xogħol f'dawn l-aħħar snin, probabbilment minħabba fir-riċessjoni ekonomika, l-influss għadu f'livelli għoljin. L-għadd ta' ċittadini Rumeni normalment residenti fi Spanja tela' minn 388,000 fl-1 ta' Jannar 2006 għal 823,000 fl-1 ta' Jannar 2010.

Billi Spanja kienet diġà fetħet is-suq tax-xogħol tagħha għaċ-ċittadini kollha tal-UE, kull restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema toħloq deroga u tista' tkun biss temporanja. Il-Kummissjoni Ewropea se tosserva mill-qrib is-sitwazzjoni fi Spanja u se jkollha l-possibilità li timmodifika jew tirrevoka d-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin li jidhrilha li huwa adattat.

B'mod ġenerali, il-moviment liberu tal-ħaddiema kellu impatt ekonomiku pożittiv fuq skala Ewropea u ħoloq tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi li jirċievu. Stimi riċenti jissuġġerixxu li l-impatt fit-tul tal-flussi tal-popolazzjoni bejn l-2004 u l-2009 fuq il-PDG tal-UE-15 kien ta' 0.9 % aktar.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea issa se tinforma lill-Kunsill bid-deċiżjoni tagħha u kwalunkwe Stat Membru jista' jitlob lill-Kunsill biex jemenda jew jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fi żmien ġimgħatejn ta' ħidma.

Sfond

L-Att tal-Adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea tal-2005 jistabbilixxi arranġamenti tranżitorji għall-moviment liberu ta' persuni. Dan jimplika li l-moviment liberu tal-ħaddiema jista' jkun differit għal perjodu massimu ta' seba' snin (sal-31 ta' Diċembru 2013). Dan il-perjodu huwa maqsum fi tliet fażijiet distinti ("sentejn-tliet snin-sentejn"). It-tieni fażi preżenti bdiet fl-1 ta' Jannar 2009 u tintemm fil-31 ta' Diċembru 2011.

Spanja diġà lliberalizzat l-aċċess għas-suq tax-xogħol tagħha għal ħaddiema Rumeni u l-membri tal-familji tagħhom mill-bidu tat-tieni fażi fl-1 ta' Jannar 2009. Għalhekk, Spanja tista' tirrestrinġi biss l-aċċess għall-ħaddiema Rumeni permezz tal-invokazzjoni ta' dik magħrufa bħala d-"dispożizzjoni ta’ salvagwardja". Id-dispożizzjoni ta’ salvagwardja tagħti l-possibilità lil Stat Membru biex jimponi mill-ġdid restrizzjonijiet fuq l-aċċess liberu għas-suq tax-xogħol, jekk huwa jkun għaddej minn disturbi serji fis-suq tax-xogħol jew ikun qed ibassar dan. Spanja invokat id-"dispożizzjoni ta’ salvagwardja" f'ittra mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta' Lulju 2011. Din hija l-ewwel darba li ġiet invokata d-"dispożizzjoni ta’ salvagwardja" fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

Aktar tagħrif

MEMO/11/554

Għal aktar tagħrif dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=457&langId=mt

Inkiteb bla ħlas fin-newsletter bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti:

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Maria Javorova (+32 2 299 89 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website