Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-2013 tkun "Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini"

Commission Européenne - IP/11/959   11/08/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-2013 tkun "Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini"

Brussell, il-11 ta' Awwissu 2011 – Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-jeddijiet marbutin magħha huma wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Hekk kif qed niċċelebraw l-20 anniversarju minn mindu, fl-1 ta' Novembru 1993, ġiet stabbilita ċ-ċittadinanza tal-Unjoni taħt it-Trattat ta' Maastricht, il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet li l-2013 tkun "Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini".

20 sena wara l-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, sar progress tanġibbli li jolqot direttament il-ħajjiet ta' miljuni ta' nies. Biex nieħdu biss eżempju wieħed: illum il-ġurnata biex tivvjaġġa barra minn pajjiżek tonfoq inqas biex tasal, taqsam il-fruntieri mingħajr battikati, tingħata garanziji fuq il-package holidays, għandek aċċess għas-sistemi tas-servizzi tas-saħħa u t-telefonati lejn pajjiżek jiġuk orħos. Dawn huma biss ftit mill-benefiċċji li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE. L-għan tal-Kummissjoni hu li jiġi żgurat li nneħħu x-xkiel li fadal li n-nies ikollhom jaffaċċjaw meta jeżerċitaw jeddijiethom barra minn pajjiżhom.

"Il-moviment ħieles huwa l-aktar jedd miżmum b'għożża fl-Unjoni Ewropea. Huwa sinonimu maċ-ċittadinanza tal-Unjoni. In-negozji u ċ-ċittadini qed igawdu bil-kbir hekk kif l-UE l-ħin kollu żżarma x-xkiel intern għall-moviment ħieles tal-prodotti, tas-servizzi u tan-nies. Irrid nibni fuq il-kisbiet tagħna sabiex iċ-ċittadini kollha tal-UE jħossuhom komdi meta jivvjaġġaw, jixtru, jistudjaw jew jissetiljaw fi Stat Membru ieħor tal-UE," qalet il-Viċi President u Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja u ċ-Ċittadinanza, Viviane Reding. "Jekk l-Ewropej ma jafux x'inhuma jeddijiethom, ma jistgħux iħaddmuhom b'mod effettiv. Illum il-ġurnata, 48% tal-Ewropej iħossu li mhumiex mgħarrfin tajjeb dwar jeddijiethom. Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini tgħinna nibdlu din is-sitwazzjoni. Tkun opportunità tajba biex infakkru lin-nies x'tista' tagħmel l-Unjoni Ewropea għal kull wieħed u waħda minna."

Sfond

Il-libertà tal-moviment hija l-aktar jedd taċ-ċittadinanza tal-UE li huwa miżmum b'għożża (ara l-istqarrija għall-istampa Nru 14/2011). Tabilħaqq, kulma jmur aktar Ewropej qed igawdu minn dan il-jedd u qed imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE: huwa stmat li fl-2009 kien hemm 11.9 miljun ċittadin jgħixu fi Stat Membru li mhux dak tagħhom stess; fl-2010 din iċ-ċifra kibret għal 12.3 miljun (STAT/11/105). Grazzi għaċ-ċittadinanza tal-UE – li ma tiħux post iċ-ċittadinanza nazzjonali iżda tiżdied magħha – iċ-ċittadini tal-UE għandhom aċċess għal firxa wiesgħa ta' jeddijiet fl-Istati Membri tal-UE kollha kemm huma, inklużi jeddijiet li bħala konsumaturi jkollhom aċċess għal prodotti u servizzi fi Stati Membri oħrajn, u l-jedd li bħala ċittadini jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, jiksbu għarfien tal-kwalifiki professjonali tagħhom, ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa, jakkwistaw jew iżommu d-drittijiet marbutin mas-sigurtà soċjali jew il-jedd li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn ikunu joqogħdu.

Madanakollu, filwaqt li aktar minn terz (35%) tal-ħaddiema lesti jikkunsidraw li jmorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor, kważi wieħed minn kull ħamsa għadhom iħossu li hemm wisq ostakli biex jagħmlu dan fil-prattika. Minbarra d-diffikultajiet bil-lingwi, l-akbar xkiel għall-ivvjaġġar li jaqsam il-fruntieri huwa n-nuqqas kroniku ta' tagħrif. Stħarriġ li sar fl-2010 wera li għad baqa' wisq nies li għadhom ma jħossuhomx mgħarrfin biżżejjed dwar il-jeddijiet differenti li qegħdin hemm għalihom: huma biss 43% li jafu xi jfisser it-terminu "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" u kważi nofs iċ-ċittadini Ewropej (48%) jgħidu li "mhumiex mgħarrfin tajjeb" dwar jeddijiethom (ara l-Anness).

Barra minn dan, ir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza għall-2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) wera li, fil-fatt, għad fadal bosta barrieri li jxekklu jew jaqtgħu qalb in-nies milli jiċċaqilqu lejn pajjiż ieħor. Ir-rapport semma 25 azzjoni konkreta biex dawn l-ostakli li għad baqa' jitwarrbu. Waħda minn dawn hija li "ċ-ċittadini jkunu jafu aktar dwar l-istejtus tagħhom ta' ċittadini tal-UE, dwar jeddijiethom u dwar dawn xi jfissru fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, billi jiġi propost li l-2013 tiġi ddikjarata s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u billi matul din is-Sena jiġu organizzati avvenimenti mmirati dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u dwar il-linji politiċi li għandhom x'jaqsmu maċ-ċittadini". Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini se tkun ikkaratterizzata minn azzjoni ta' segwitu għar-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza: fl-2013 il-Kummissjoni se tippubblika pjan ta' azzjoni għat-tlestija tat-tneħħija tal-ostakli li fadal li jxekklu liċ-ċittadini milli jgawdu jeddijiethom bħala ċittadini tal-Unjoni.

Billi tiddikjara l-2013 is-sena Ewropea taċ-Ċittadini, il-Kummissjoni Ewropea qed taġixxi fuq il-wegħda li saret fir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza u qed twieġeb għall-appell li għamel il-Parlament Ewropew biex tiġi ddikjarata tali sena.

L-iskop tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini huwa li jiġi ffaċilitat l-eżerċitazzjoni miċ-ċittadini tal-Unjoni ta' jeddhom li jiċċaqilqu u joqogħdu b'mod ħieles fl-UE billi jiġi żgurat li jkollhom aċċess faċli għal tagħrif dwar jeddijiethom. B'mod aktar speċifiku, l-għan tas-Sena huwa li:

  • iċ-ċittadini jkunu jafu dwar jeddhom li joqogħdu b'mod ħieles fl-Unjoni Ewropea;

  • iċ-ċittadini jkunu jafu kif jistgħu jgawdu mill-jeddijiet u l-linji politiċi tal-UE u tiġi stimulata l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fit-tfassil tal-linji politiċi tal-Unjoni;

  • jiġi stimulat dibattitu dwar l-impatt u l-potenzjal tal-jedd tal-moviment ħieles, b'mod partikulari f'termini tat-tisħiħ tal-koeżjoni u tal-komprensjoni reċiproka bejn in-nies.

Sabiex tiġi ċċelabrata s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, se tiġi organizzata madwar l-UE firxa ta' avvenimenti, konferenzi u seminars fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali jew lokali. Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tkabbar il-viżibbiltà tal-portali multilingwi fuq l-internet Europe Direct u Your Europe bħala elementi ewlenin ta' sistema ta' informazzjoni fejn wieħed isib dak kollu li jrid dwar il-jeddijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll l-irwol u l-viżibbiltà tal-għodod għas-soluzzjoni tal-probblemi, bħas-SOLVIT, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar minn jeddijiethom u jiddefenduhom.

Il-baġit li qed jiġi propost għall-attivitajiet li se jsiru matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 huwa ta' EUR 1 miljun.

Id-Deċiżjoni tal-lum trid tiġi approvata mill-Parlament Ewropea u mill-Kunsill tal-Ministri skont il-"proċedura leġiżlattiva ordinarja" (kodeċiżjoni). Il-Kummissjoni tistenna li taħdem f'koperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE, notevolment mal-Parlament Ewropew, u mal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li s-Sena jkollha impatt qawwi u li jibqa'.

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding, fuq l-internet:

http://ec.europa.eu/reding

ANNESS

Sors: Flash Eurobarometer 294 "European Union Citizenship", Ottubru 2010

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site