Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-kumpaniji ewlenin Ewropej li jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp beħsiebhom iżidu l-isforzi tagħhom fl-innovazzjoni b’5 % fis-sena

Brussell. Id-10 ta’ Awwissu 2011 - Il-kumpaniji ewlenin li jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp li huma bbażati fl-UE jistennew li l-investimenti tagħhom fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp se jikbru b’5 % fis-sena mill-2011 sal-2013. Dan l-ammont huwa iktar mid-doppju ta’ dak li kien mistenni s-sena l-oħra u jirrappreżenta żvilupp pożittiv sinifikanti meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ 2.6 % fl-investimenti fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp li dawn il-kumpaniji kienu implimentaw fl-2009. Il-kumpaniji li ħadu sehem fl-istħarriġ żvelaw ukoll li madwar 27 % tal-bejgħ tagħhom fis-sena ġej minn prodotti innovattivi li ddaħħlu fis-suq f’dawn l-aħħar tliet snin. Dan reġa’ wera li l-innovazzjoni hija l-qofol tas-suċċess kummerċjali u tal-ħolqien tal-impjiegi.

Dawn iċ-ċifri ġew ippubblikati llum mill-Kummissjoni Ewropea fis-sitt Stħarriġ tal-UE dwar ix-xejriet tal-kummerċ marbutin mal-investiment fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, stħarriġ tal-aspettattivi tal-investiment fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fost l-elf kumpanija Ewropea li jinvestu l-iktar fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp. 205 kumpaniji bagħtu t-tweġibiet tagħhom u b’hekk il-kampjun kien wieħed sostanzjali.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “L-istħarriġ jipprovdi aħbarijiet ekonomiċi pożittivi milqugħin tajjeb ħafna. Permezz tiegħu nistgħu nkunu ottimisti għat-terminu medju taż-żmien, minkejja li għandna nibqgħu kawti dwar dan, minħabba li r-riċerka u l-iżvilupp fil-kummerċ huma fattur ewlieni li jwassal għal tkabbir sostenibbli u għall-ħolqien tal-impjiegi. Iżda jekk irridu nilħqu l-miri tagħna tal-istrateġija msejħa “Ewropa 2020”, fosthom li nżidu l-investiment fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fl-UE għal ammont li jkun ilaħħaq sa 3 % tal-PDG, jeħtieġ li dawn l-investimenti li mistennija jkun hemm mill-2011 sal-2013 iseħħu fil-prattika. Se jkollna bżonn ukoll ta’ żidiet oħrajn fir-rata tat-tkabbir tal-investiment privat fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fis-snin ta’ wara, kemm mill-kumpaniji l-kbar koperti minn dan l-istħarriġ kif ukoll mill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, se jkollna bżonn noħolqu Unjoni tal-Innovazzjoni fl-Ewropa sabiex ikun iktar attraenti li wieħed jinvesti fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa milli x’imkien ieħor.”

Il-kumpaniji li ħadu sehem fl-istħarriġ jistennew li l-investimenti tagħhom fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fl-UE se jikbru bi 3 % fis-sena matul it-tliet snin li ġejjin. Għalkemm din ir-rata hija inqas mit-tkabbir mistenni fl-investiment tagħhom fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp f’partijiet oħra tad-dinja, dawn il-kumpaniji xorta qed jistennew li jagħmlu 75 % tal-investimenti tagħhom fl-UE. Huma qed jistennew li jagħmlu l-ikbar żidiet fil-perċentwali tal-investiment fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fiċ-Ċina (25 %), fil-Ġappun (17 %), f’pajjiżi Ewropej oħrajn (8 %), fl-Indja (8 %) u fl-Istati Uniti tal-Amerika u fil-Kanada (5 %).

Din ix-xejra – li hija bħal dik li ħarġet tliet darbiet mill-aħħar erba’ darbiet li sar l-istħarriġ — turi li l-kumpaniji bbażati fl-UE jridu jibbenefikaw mit-tkabbir fl-ekonomiji emerġenti, filwaqt li, b’mod ġenerali, jibqgħu ffukati bis-sħiħ fuq l-UE. Iċ-ċifri tal-ammonti tal-investiment nominali fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ dawn il-kumpaniji, li huma mistennija jiżdiedu b’EUR 2.2 biljun fit-tliet snin li ġejjin fl-UE u b’EUR 2.7 biljun ’il barra mill-UE, jikkonfermaw dan.

Il-fatturi ewlenin li ntqal li kellhom effetti pożittivi fuq l-innovazzjoni kienu d-disponibbiltà tal-persunal ikkwalifikat u d-disponibbiltà tal-appoġġ pubbliku bħas-sovvenzjonijiet u l-inċentivi fiskali. Ta’ importanza wkoll kienet il-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra, bħall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

L-ispejjeż tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ż-żmien meħtieġ biex tinkiseb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kienu fatturi li tqiesu bħala negattivi għas-setturi kollha. Dan jenfasizza kemm huwa importanti li wieħed irawwem skema tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-proposta għal privattiva unitarja tal-UE se tkun pass importanti ferm ’il quddiem f’dan ir-rigward.

F’Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea se tippubblika l-klassifika li jmiss tagħha tal-investiment industrijali fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fl-UE, li fiha jiġu kklassifikati l-ikbar elf kumpanija tal-UE u l-ikbar elf kumpanija barra mill-UE li jkunu qed jinvestu fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp abbażi tal-investimenti reali tagħhom fl-2010.

Il-kuntest:

L-istħarriġ tal-UE dwar ix-xejriet tal-kummerċ marbutin mal-investiment fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp

L-istħarriġ tal-UE dwar ix-xejriet tal-kummerċ marbutin mal-investiment fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp twettaq mis-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni Ewropea, miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka u mid-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Ir-riżultati tal-istħarriġ huma bbażati fuq 205 tweġibiet mogħtija minn kumpaniji li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma kumpaniji kbar minn fost l-elf kumpanija bbażati fl-UE li jinsabu fil-klassifika tal-investiment industrijali fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fl-UE tal-2010.

Meħudin flimkien, dawn il-205 kumpanija huma responsabbli għal investimenti fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp li jiswew kważi EUR 40 biljun, li jiffurmaw madwar 30 % tal-investiment kollu fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp magħmul mill-kumpaniji li jinsabu fil-klassifika tal-UE t’elf kumpanija. Dan jirrappreżenta sehem importanti mill-investiment kollu tal-kumpaniji Ewropej fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp.

Ir-rapport kollu jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://iri.jrc.es/reports.htm .

Għal aktar tagħrif dwar il-klassifika tal-investiment industrijali fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp fl-UE ara d-dokument li ġej: IP/10/1379.

Kuntatti:

Mark English (+32 2 296 24 10)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site