Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ewrobarometru Standard tar-Rebbiegħa 2011: L-Ewropej iktar konfidenti dwar l-ekonomija

European Commission - IP/11/946   04/08/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

L-Ewrobarometru Standard tar-Rebbiegħa 2011: L-Ewropej iktar konfidenti dwar l-ekonomija

Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2011 – L-Ewropej qed jibdew ikunu iktar ottimisti dwar id-dehra tal-ekonomija, b’iktar nies li jgħidu li l-agħar tal-kriżi għadda, skont l-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa 2011, l-istħarriġ bi-anwali organizzat mill-Unjoni Ewropea. 43% tal-Ewropej jaħsbu li l-impatt tal-kriżi fuq is-suq tax-xogħol diġà laħaq il-quċċata tiegħu. (ara l-Anness). Dan huwa punt perċentwali iktar mill-istħarriġ preċedenti tal-ħarifa 2010 (MEMO/11/16) u 15-il punt perċentwali ogħla minn dak tar-rebbiegħa 2009. L-Ewropej qegħdin iktar ma jmur jitolbu għall-azzjoni tal-UE u għal kooperazzjoni Ewropea iktar b’saħħitha biex tiġi affrontata l-kriżi u jiġu evitati problemi fil-futur. Kważi 8 minn kull 10 Ewropej jaħsbu li koordinazzjoni iktar b’saħħitha tal-politika ekonomika fost l-Istati Membri tal-UE tkun effettiva biex tiġi affrontata s-sitwazzjoni ekonomika.

“L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru jikkonferma li l-Unjoni Ewropea ħierġa gradwalment mill-kriżi. In-nies jemmnu li l-UE qiegħda tieħu miżuri effettivi kontra l-kriżi u li erġajna fit-triq tal-irkupru," qalet Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea. “L-istħarriġ juri wkoll li l-maġġoranza tan-nies jemmnu li l-UE issa tinsab fit-triq it-tajba. Huma jistennew li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom ikomplu jikkonfrontaw l-isfida komuni li tikkonsisti fis-sosteniment tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Jekk naġixxu kollha b’mod responsabbli, l-Ewropa għandha ċans tajjeb li toħroġ mill-kriżi iktar b’saħħitha milli kienet qabel.”

Waqt li x-xejra ġenerali ta-UE hija pożittiva, għad hemm xi xettiċiżmu f’pajjiżi li għadhom qed jiffaċċjaw ir-riċessjoni u sitwazzjoni ta’ qgħad li dejjem qed jiżdied. Jeżistu differenzi bejn pajjiżi iktar "ottimisti” u dawk “pessimisti”. Il-maġġoranza tal-Istati Membri, partikolarment id-Danimarka (68%), l-Estonja (64%), u l-Awstrija (62%), jemmnu li l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-suq tax-xogħol diġà laħaq il-quċċata tiegħu. Hemm opinjoni kontrarja fil-pajjiżi li qegħdin jissiltu mal-kriżi, bħall-Portugal (80%) u l-Greċja (78%).

Inġenerali, l-Ewropej ikomplu jappoġġaw l-idea li “inkunu aktar b’saħħitna billi naħdmu flimkien” (ara l-Anness): 79% (+2 punti perċentwali fuq il-ħarifa 2010) huma favur “koordinazzjoni iktar b’saħħitha tal-politika ekonomika fost l-Istati Membri kollha”, 78% (+3) huma favur “superviżjoni iktar mill-qrib mill-UE meta jinħarġu fondi pubbliċi biex ikunu salvati banek u istituzzjonijiet finanzjarji, ” 78% (+3) jaħsbu li “koordinazzjoni iktar b’saħħitha tal-politiki ekonomiċi u finanzjarji fost il-pajjiżi taż-żona euro” tkun effettiva, 77% (+2) jappoġġaw “superviżjoni iktar mill-qrib mill-UE tal-attivitajiet ta’ gruppi finanzjarji kbar” u 73% (+2) jaħsbu li “rwol iktar importanti tal-UE fir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji” ikun effettiv.

Iċ-ċittadini jkomplu wkoll jaraw lill-UE bħala l-iktar attur effettiv – iktar mill-gvernijiet nazzjonali – biex jiffaċċja l-effetti tal-kriżi ekonomika (ara l-Anness). L-UE tibqa’ fl-ewwel post (22%, -1) u hija segwita mill-qrib mill-gvernijiet lokali (20%, ma kienx hemm bidla). Il-G20 (14%, -2) tilef it-tielet post, li issa huwa okkupat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (15%, ma kienx hemm bidla). L-Istati Uniti (7%, +1), għat-tielet darba konsekuttiva mill-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa 2010, jibqgħu wara l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

L-appoġġ pubbliku għall-Istrateġija tal-Ewropa 2020

Rigward l-Istrategija Ewropa 2020, li tistipula għadd ta' inizjattivi biex jittejjeb it-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi (ara IP/10/225), l-Ewropej ikklassifikaw is-seba’ inizjattivi kollha bħala “importanti” (ara l-Anness). L-appoġġ kien l-ogħla għal “l-għajnuna għall-foqra u dawk soċjalment esklużi u l-possibilità għalihom li jkollhom rwol attiv fis-soċjetà" (79%, +3), "l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol, bil-għan li jogħlew il-livelli tal-impjieg" (79%, +3) u "l-appoġġ għal ekonomija li tuża inqas riżorsi naturali u b’inqas emmissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra” (76%, +3). Il-maġġoranza tal-Ewropej jemmnu wkoll li l-objettivi tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 – it-trawwim tal-innovazzjoni u ż-żieda tal-kompetittività – huma realistiċi u jistgħu jinkisbu.

Finalment, il-maġġoranza tal-Ewropej huma ottimisti dwar il-futur, u jgħidu li l-Istrateġija tal-Ewropa 2020 tpoġġi lill-UE fit-triq it-tajba: 46% (ma kienx hemm bidla). Huma jikkondividu l-opinjoni li "l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex toħroġ mill-kriżi u tifaċċja l-isfidi dinjija ġodda." Dan il-ħsieb huwa kondiviż minn maġġoranzi netti ta’ 46% jew iktar f’21 mis-27 Stat Membru.

Sfond

L-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa 2011 sar permezz ta' intervisti wiċċ imbwiċċ bejn is-6 u s-26 ta’ Mejju 2011. Kienu intervistati total ta’ 31,769 persuna madwar is-27 Stat Membru u fil-ħames pajjiżi kandidati

Aktar tagħrif

L-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa 2011 (l-ewwel riżultati) huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb/eb75/eb75_en.htm

Għal iktar dettalji dwar ir-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropeja speċifikament għal kull pajjiż ara IP/11/685.

ANNESS

1. Il-bixra pożittiva fuq l-impatt tal-kriżi qiegħda tissaħħaħ

2. Differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-impatt tal-kriżi

3. L-UE qiegħda tieħu miżuri effettivi kontra l-kriżi

4. Inġenerali, l-Ewropej ikomplu jappoġġaw l-idea li “inkunu aktar bsaħħitna billi naħdmu flimkien”:

5. L-UE qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tieħu azzjoni effettiva kontra l-effetti tal-kriżi

6. L-Appoġġ għall-Inizjattivi tal-Ewropa 2020

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website