Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Iż-żieda fir-rati tal-kofinanzjament għall-fondi tal-UE - it-tisħiħ tal-irkupru ekonomiku Ewropew

Brussell, l-1 ta' Awwissu 2011 – Illum il-Kummissjoni Ewropea qablet dwar miżuri li għandhom jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti biex xi wħud mill-ekonomiji tal-UE f'diffikultà jerġgħu jiġu fuq saqajhom.

Skont il-proposta, sitt pajjiżi se jintalbu sabiex jikkontribwixxu inqas għall-proġett li bħalissa qegħdin jikkofinanzjaw mal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli kofinanzjament addizzjonali tal-UE għall-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Latvja u l-Ungerija. Dan huwa importanti ħafna għall-proġetti tat-tkabbir u t-tħeġġiġ tal-kompetittività f'kull wieħed minn dawn il-pajjiżi. Għalhekk, dawn se jkollhom isibu inqas match-funding nazzjonali f'mument meta l-baġits domestiċi tagħhom huma taħt pressjoni konsiderevoli u għalhekk il-programmi li ma jkunux għadhom twettqu s'issa minħabba n-nuqqas ta' finanzjament nazzjonali jistgħu jitniedu u jġibu magħhom il-flus fl-ekonomija.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José-Manuel Barroso, stqarr: "Dawn il-proposti huwa risposta eċċezzjonali għal ċirkostanzi eċċezzjonali. L-aċċelerazzjoni ta' dawn il-fondi, flimkien mal-programmi ta' għajnuna finanzjarja, juru d-determinazzjoni tal-Kummissjoni biex tħeġġeġ il-prosperità u l-kompetittività fil-pajjiżi li ġew affettwati l-aktar wara l-kriżi finanzjarja - u b'hekk tkun qed tikkontribwixxi għal tip ta' "Pjan Marshall" għall-irkupru ekonomiku. Din id-deċiżjoni se tagħti l-finanzjament essenzjali lill-ekonomiji nazzjonali, filwaqt li tnaqqs il-pressjoni għall-kofinanzjament tal-proġetti mill-baġits nazzjonali. Qed nitlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw id-deċiżjoni b'mod urġenti, sabiex l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli fil-bidu tas-sena d-dieħla."

Il-miżura ma tirrappreżentax finanzjament ġdid jew addizzjonali iżda tippermetti rimborż aktar kmieni tal-fondi li diġà ġew impenjati skont il-politika ta' koeżjoni tal-UE, l-iżvilupp rurali u s-sajd. Il-kontribut tal-UE se jiżdied sa massimu ta' 95% jekk dan jintalab minn Stat Membru kkonċernat. Dan għandu jsir flimkien ma' prijoritizzazzjoni tal-proġetti li jiffukaw fuq it-tkabbir u l-impjiegi, bħal pereżempju t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, l-istabbiliment ta' raggruppamenti tan-negozju jew l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport. B'dan il-mod ikun jista' jiżdied il-livell ta' twettiq, tiżdied il-kapaċità ta' assorbiment u jiddaħħlu aktar flus fl-ekonomija aktar malajr.

Dan jikkonċerna l-Istati Membri li ġew l-aktar affettwati mill-kriżi u li rċevew appoġġ finanzjarju permezz ta' programm mill-mekkaniżmu għall-Bilanċ tal-Pagamenti għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-ewro (ir-Rumanija, il-Latvja u l-Ungerija) jew mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja għall-pajjiżi fiż-żona tal-ewro (il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall).

Il-Kummissjoni se titlob lill-Kunsill u lill-Parlamenti Ewropew biex jadottaw il-proposta permezz ta' proċedura leġiżlattiva rapida sal-aħħar tal-2011 sabiex il-proġetti vitali jinbdew malajr kemm jista' jkun.

Iż-żieda hija miżura temporanja eċċezzjonali, li tintemm malli l-Istati Membri jieqfu jirċievu l-appoġġ permezz tal-programmi ta' għajnuna finanzjarja.

Sabiex tingħata għajnuna lill-assorbiment tal-fondi, il-Kummissjoni qed tikkoopera mal-Istati Membri kkonċernati sabiex jitneħħew l-ostakoli, biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħhom u sabiex jiġu aċċellerati l-implimentazzjoni u l-infiq tal-flus. Fil-każ speċifiku tal-Greċja, il-Kummissjoni waqqfet Task Force li se tgħinha timplimenta l-miżuri previsti fil-programm ta' aġġustament ekonomiku u sabiex tieħu l-passi meħtieġa kollha biex tiżgura t-teħid aktar rapidu tal-fondi tal-UE.

Sfond

Il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jaddattaw is-sistema attwali tal-kofinanzjament tal-UE fil-politiki ta' koeżjoni, tas-sajd u tal-iżvilupp rurali għall-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Latvja u l-Ungerija. Kull Stat Membru se jkollu jressaq talba biex jibbenefika minn din is-sistema l-ġdida. L-impatt massimu mistenni espress f'Miljuni ta' Ewro qed jingħata fit-tabella hawn taħt.

Stat Membru

Total

Għas-sitt Stati Membri kollha

2,884

Sitwazzjoni skont l-Istat Membru

Il-Greċja

879

L-Ungerija

308

L-Irlanda

98

Il-Latvja

255

Il-Portugall

629

Ir-Rumanija

714

Liema fondi huma kkonċernati u liema huma l-għanijiet tagħhom?

Il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)

L-ERDF għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea. Huwa jindirizza l-iżbilanċi reġjonali u jappoġġa l-programmi dwar l-iżvilupp reġjonali, il-bidla ekonomika, il-kompetittività msaħħa u l-kooperazzjoni territorjali madwar l-Unjoni kollha. Il-Fond jipprova jtejjeb l-infrastruttura, isaħħaħ il-kompetittività, jistimola r-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp reġjonali sostenibbli. Huwa jinvesti fi proġetti li jiffukaw fuq, pereżempju, l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien, l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskji, l-effiċjenza tal-enerġija u l-interkonnettività tat-trasport u t-telekomunikazzjoni.

Il-Fond ta’ Koeżjoni (CF)

Il-Fond ta' Koeżjoni jiffoka fuq l-infrastruttura tat-trasport u tal-ambjent, kif ukoll fuq l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija li tiġġedded għal dawk l-Istati Membri b'Introjtu Nazzjonali Gross (ING) aktar baxx minn 90% tal-medja tal-UE. Dan jgħin biex jiġi eliminat kemm jista' jkun in-nuqqas ekonomiku u soċjali tagħhom, kif ukoll biex tiġi stabbilizzata l-ekonomija tagħhom. Il-Fond jinvesti fi proġetti li jiżviluppaw it-trasport trans-Ewropew u n-netwerks tal-enerġija, li jappoġġaw l-effiċjenza tal-enerġija u l-użu tal-enerġija li tiġġedded u li jsaħħu t-trasport pubbliku.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)

Il-Fond Soċjali Ewropew jappoġġa programmi li huma ddedikati lill-kisba ta' livelli ogħla ta' impjiegi u l-inklużjoni soċjali fl-UE. Dan jgħin lill-Istati Membri biex jiffurmaw il-forza tax-xogħol tal-Ewropa u lill-kumpaniji biex ikunu mgħammra aħjar biex jiffaċċjaw l-isfidi dinjija ġodda. Il-Fond jgħin, pereżempju, lill-ħaddiema biex jiksbu ħiliet ġodda jew lin-negozji biex isiru tibdiliet fihom.

Il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES)

L-għan tal-Fond Ewropew għas-Sajd huwa li jipprovdi għajnuna finanzjarja biex jippromwovi bilanċ sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-kapaċità tas-sajd tal-flotta tal-UE, jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd fl-ilmijiet interni, isaħħaħ il-kompetittività tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, jipproteġi u jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent marbut mal-attivitajiet tas-sajd jew tal-akkwakultura, iħeġġeġ l-iżvilupp sostenibbli u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni b'attivitajiet fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għandu l-għan li jsaħħaħ il-politika tal-iżvilupp rurali tal-UE. Il-Fond jikkontribwixxi għat-titjib ta' (1) il-kompetittività tal-agrikoltura u l-forestrija (2) l-ambjent u l-pajżaġġ u (3) il-kwalità tal-ħajja u l-immaniġġar tal-attività ekonomika fiż-żoni rurali. Il-Fond huwa ta' appoġġ għall-azzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet tal-Komunità.

Aktar tagħrif:

Mekkaniżmi ta' Għajnuna Finanzjarja

Mekkaniżmu għall-Bilanċ tal-Pagamenti (BoP) għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-ewro

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/balance_of_payments/index_en.htm

Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) għall-pajjiżi fiż-żona tal-ewro

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/efsm/index_en.htm

Kuntatti:

Karolina Kottova (+32 2 298 70 19)

Ton Van Lierop (+32 2 296 65 65)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website