
Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa
Żieda fl-appoġġ għas-settur tal-ħaxix wara l-kriżi tal-E. coli
Brussell, it-28 ta' Lulju 2011 – l-Istati Membri qablu fuq proposta tal-Kummissjoni biex l-appoġġ tal-UE skont il-pjan ta' emerġenza għall-produtturi tal-ħaxix milquta mill-kriżi tal-E. coli jiżdied minn EUR 210 miljun għal EUR 227 miljun. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tħallas 100 % tat-talbiet għal kumpens mid-diversi Stati Membri.
Abbażi tan-notifikazzjonijiet mill-Istati Membri kollha dwar l-appoġġ tal-UE mitlub għall-miżuri eċċezzjonali kollha, jiġifieri l-irtirar tal-prodotti mis-suq, il-ħsad bikri jew in-nuqqas ta' ħsad, jidher li l-impatt finanzjarju tal-miżuri li ttieħdu fil-kuntest ta' din il-kriżi tal-E. coli kien kemxejn ikbar milli mistenni. Minħabba t-tfixkil sinifikanti fis-suq tal-frott u l-ħaxix u l-ħsara kkawżata fis-settur tal-frott u l-ħaxix, il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun għalhekk xieraq li żżid il-baġit għal EUR 227 miljun.
Dacian Cioloș, il-Kummissjarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-UE qal: "L-użu tal-fondi tal-PAK jeħtieġ li jkun iġġustifikat bis-sħiħ. Il-ġimgħa l-oħra bosta Stati Membri provdew infomazzjoni kumplimentari dwar it-talba tagħhom għall-kumpens. Illum, għandna stampa ċara tat-total tat-talbiet għall-kumpens. Jien qed nipproponi żieda fil-baġit disponibbli sabiex ikun possibbli li jitħallsu it-talbiet kollha. Dan se jiżgura li aħna nappoġġaw kif xieraq lill-produtturi tal-ħaxix tagħna f'dawn iż-żminijiet ekonomiċi diffiċli għas-settur u jippermetti rimborż għat-talbiet kollha tal-Istati Membri għall-perjodu mis-26 ta' Mejju sat-30 ta' Ġunju. Sa mill-bidu tal-kriżi jien għedt li kont ħerqan ħafna biex nuri li l-Ewropa tista' tirreaġixxi fil-pront meta jkun meħtieġ. Se nipproponi issa lill-Kulleġġ sabiex japprova din iż-żieda fil-baġit fl-iqsar żmien possibbli sabiex nippermettu li l-Istati Membri jħallsu f'malajr dan l-appoġġ tal-UE lill-produtturi intitolati għalih.
Sfond
Fis-17 ta' Ġunju kien hemm qbil mill-Kummissjoni dwar pakkett ta' għajnuna f'każ ta' emerġenza li jiswa EUR 210 miljun, għal min ikabbar il-ħaxix frisk. Din l-iskema ppermettiet li l-UE tħallas lill-produtturi tal-ħjar, tadam, ħass, qargħa bagħli u bżar ħelu li rtiraw mis-suq bejn is-26 ta' Mejju u l-aħħar ta' Ġunju bħala riżultat tal-epidemija tal-E. coli. Id-deċiżjoni tipprevedi rata ta' ħlas minimu ta' 50 % (70 % għall-membri ta' Organizzazzjonijiet tal-Produtturi) tal-prezz normali tal-produtturi għal dawn il-prodotti differenti matul ix-xahar ta' Ġunju.
L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw l-aħħar talbiet tagħhom għall-kumpens sat-18 ta' Lulju. Madankollu, kienet meħtieġa u mitluba informazzjoni komplimentari minn xi Stati Membri fir-rigward tan-notifikazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni rċeviet u analizzat dawn l-informazzjonijiet kumplimentari, u f'xi każijiet aġġornat in-notifikazzjonijiet mill-Istati Membri konċernati. Issa għandha stampa ċara tat-total tat-talbiet.
L-appoġġ totali tal-UE għal kull Stat Membru għall-operazzjonijiet li saru bejn is-26 ta' Mejju u t-30 ta' Ġunju huwa stabbilit fit-tabella annessa.
Appoġġ tal-UE għal kull Stat Membru – f'EUR | |
Stat Membru | TOTAL - EUR |
AT | 2.234.103 |
BE | 3.605.663 |
BG | 2.562.748 |
CY | N.C. |
CZ | 261.935 |
DE | 16.003.721 |
DK | 858.423 |
EE | 1.321 |
EL | 7.788.420 |
ES | 70.971.314 |
FI | N.C. |
FR | 1.655.415 |
HU | 1.515.586 |
IE | 13.159 |
IT | 34.624.639 |
LT | N.C. |
LU | N.C. |
LV | 57.381 |
MT | N.C. |
NL | 27.180.632 |
PL | 46.395.480 |
PT | 5.243.752 |
RO | 3.745.035 |
SE | 112.872 |
SI | 192.675 |
SK | 536.107 |
UK | 649.175 |
TOTAL | 226.209.556 |
Kuntatti : Roger Waite (+32 2 296 14 04) Johan Reyniers (+32 2 295 67 28) |