Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Prodotti tat-Tabakk: Il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar konsultazzjoni li ġġenerat 85 000 rispons

Brussell, 27 ta' Lulju 2011 – Illum id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tas-Saħħa u l-Konsumaturi se jippubblika r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Il-konsultazzjoni pubblika ġġenerat rispons ta' 85 000 li huwa bla preċedent. Il-maġġoranza kbira tal-kontributi ġew minn ċittadini individwali, li juri l-interess kbir fil-politika tal-kontroll tat-tabakk tal-UE. Oħrajn li wieġbu kienu jirrappreżentaw l-industrija, organizzazzjonijiet mhux governattivi, gvernijiet u awtoritajiet pubbliċi.

Fl-Unjoni Ewropea t-tabakk huwa l-akbar kawża ta' mard li jista' jiġi evitat u huwa stmat li 'l fuq minn 650 000 ruħ fis-sena fl-Unjoni Ewropea jmutu minħabba fih. Fil-livell globali, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li l-użu tat-tabakk se joqtol kważi sitt miljun ruħ f'din is-sena biss. Din iċ-ċifra tista' tilħaq it-tmien miljun sas-sena 2030 jekk ma jittiħdux passi biex din it-tendenza titreġġa' lura. Il-bżonn għall-azzjoni fil-livell tal-UE għalhekk huwa pjuttost ċar.

Fil-Ħarifa li għaddiet, tniedet konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk li fiha r-rispondenti ġew mistoqsija jagħtu l-fehma tagħhom fuq għadd ta' għażliet politiċi bħal:

  • Twissijiet madantorji dwar is-saħħa permezz ta' stampi – jew permezz ta' immaġini grafiċi – fuq il-pakketti tat-tabakk.

  • Ippakkjar sempliċi jew ġeneriku:

  • Ir-regolamentazzjoni ta' sustanzi attraenti u ta' ħsara fil-prodotti tat-tabakk; kif ukoll

  • Ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni ta' bejgħ tal-prodotti tat-tabakk fuq l-internet u mill-magni awtomatiċi.

Il-kontributi varjaw b'mod sinifikanti. Pereżempju, dawk favur it-twissijiet mandatorji dwar is-saħħa permezz tal-istampi u l-ippakkjar sempliċi saħqu li dawn il-miżuri jistgħu jdgħajfu b'mod sinifikanti l-effetti tar-riklamar tal-pakketti u jipprovdu protezzjoni xorta għaċ-ċittadini Ewropej. Dawk kontra din it-tip ta' twissija, min-naħa l-oħra qajmu tħassib ta' natura legali li jgħid li dawn il-miżuri jista' jkollhom ftit li xejn jew l-ebda impatt fuq li wieħed jibda jpejjep.

Dawk favur li l-ingredjenti jiġu rregolati qalu li r-restrizzjoni ta' ċerti addittivi flimkien ma' togħmiet ta' ħlewwa, ta' frott, ta' fjuri jew ta' ħelu tista' tipprevjeni xi żgħażagħ milli jibdew ipejpu u tiffaċilita l-kummerċ fi ħdan l-UE billi iġġib f'konformità regolamenti nazzjonali eżistenti dwar l-ingredjenti. Dawk kontra argumentaw li r-regolamentazzjoni tal-ingredjenti u addittivi ftit li xejn se tipprevjeni liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu u tista' tiddiskrimina kontra ċerti varjetajiet u marki ta' tabakk.

John Dalli, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Nixtieq nirringrazzja lil kull min ta l-fehma tiegħu. Ir-riżultati ta' dan id-dibattitu pubbliku wiesa' se jgħin biex infasslu xogħlna biex nittrattaw il-ħsara li ssir permezz tat-tabakk u, kruċjalment biex nżommu liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu."

Ir-rapport huwa ppubblikat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa u l-Konsumaturi. Ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni se jitqiesu fl-evalwazzjoni tal-impatt li għaddejja bħalissa li tindirizza l-impatti ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa kif ukoll il-fattibilità ta' diversi għażliet politiċi. Ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-impatt se jiġi ppreżentat flimkien ma' proposta leġiżlattiva li għandha toħroġ is-sena d-dieħla.

Sustanza

It-tabakk huwa l-ikbar kawża ta' mewt li tista' tiġi evitata fl-Unjoni Ewropea, b'madwar 650 000 mewta prematura attribwita għalih.

Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (2001/37/KE) kurrenti bdiet fl-2001. Minn dak iż-żmien, kien hemm progress xjentifiku sinifikanti u żviluppi internazzjonali. B'mod partikolari, l-UE u 26 mill-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tad-WHO (FCTC) li daħlet fis-seħħ fi Frar 2005.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk hija rispons għal dan l-iżvilupp. Xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva issa m'għadhomx validi, u dan irriżulta f'diverġenza sinifikanti bejn il-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk.

Ir-reviżjoni hija wkoll rispons għal rikjesti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni stess dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk ta' Novembru 2007, li jidentifika l-oqsma potenzjali għat-titjib.

Il-konsultazzjoni pubblika damet mill-24 ta' Settembru 2010 sas-17 ta' Diċembru 2010. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jwieġbu għal għażliet ta' politiki possibbli u jagħtu l-fehma tagħhom fuq sitt oqsma ewlenin: firxa, tabakk mingħajr duħħan, informazzjoni tal-konsumatur, ir-rappurtar tal-ingredjenti, ir-regolamentazzjoni tal-ingredjenti u l-aċċess għall-prodotti tat-tabakk.

Il-Proċedura / Xi jmiss?

Ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika iservi bħala reazzjoni utli għall-proċess li għaddej bħalissa dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Prodotti tat-Tabakk.

Bosta parteċipanti pprovdew tweġibiet ddettaljati ħafna, u xi wħud minnhom inkludew sorsi ġodda ta' informazzjoni. Il-biċċa l-kbira minn dan ix-xogħol se titqies fl-evalwazzjoni tal-impatt li għaddejja bħalissa li tindirizza l-impatti ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa kif ukoll il-fattibilità legali ta' diversi għażliet politiċi. Ir-riżultat ta' din l-analiżi se jiġi ppreżentat flimkien mal-proposta leġiżlattiva, li hija mistennija li ssir tul is-sena li ġejja.

Għal iktar tagħrif:

Rapport li jagħti taqsira tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk:

http://ec.europa.eu/health/tobacco/consultations/tobacco_cons_01_en.htm

Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (2001/37/KE) kurrenti:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2001:194:0026:0034:EN:PDF

Il-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tad-WHO:

http://whqlibdoc.who.int/publications/2003/9241591013.pdf

It-Tieni Rapport dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk

http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/Tobacco/Documents/tobacco_products_mt.pdf

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Green Paper bit-titlu "Lejn Ewropa ħielsa mid-duħħan tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell tal-UE",

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2007-0471+0+DOC+XML+V0//MT

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ambjenti ħielsa mid-duħħan:

http://www.europarl.europa.eu/oeil/FindByProcnum.do?lang=en&procnum=RSP/2009/2751

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri dwar Ambjenti Ħielsa mid-Duħħan:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2009:296:0004:0014:MT:PDF

Contacts :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site