Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Restrizzjonijiet aktar stretti għall-użu tal-kreożot

Commission Européenne - IP/11/925   26/07/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-Ambjent: Restrizzjonijiet aktar stretti għall-użu tal-kreożot

Brussell, is-26 ta’ Lulju 2011 – Mill-1 ta’ Mejju 2013 ser jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet stretti għall-użi industrijali tal-kreożot, sustanza kimika tossika magħrufa għall-użu tagħha fit-travi tal-injam għal-linji tal-ferroviji, l-arbli tal-elettriku u fiċ-ċnut tal-injam, wara li l-Kummissjoni Ewropea rrestrinġiet ir-regoli. Il-kreożot, li huwa sustanza karċinoġenika, ma jistax jibqa’ jitqiegħed fis-suq tal-UE sakemm kumpanija ma tkunx ġabet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni biex tagħmel dan. L-użu tal-kreożot mill-konsumaturi ilu pprojbit mill-2003.

Id-deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni temenda d-Direttiva dwar il-Bijoċidi u żviluppat minn valutazzjoni tar-riskji dwar l-effetti tal-kreożot fuq is-saħħa umana u l-ambjent. Il-kreożot huwa karċinoġen fi kwalunkwe livell, u jeżistu riskji ambjentali sinifikanti meta l-injam ittrattat bil-kreożot jiġi f'kuntatt dirett mal-ħamrija jew l-ilma.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik qal: "Id-deċiżjoni tal-lum ser tikkontribwixxi biex jinħoloq ambjent aktar sikur għal kulħadd. Ċerti użi tal-kreożot ser jitkomplew, iżda dawn ir-restrizzjonijiet ser jiżguraw li s-sikurezza tkun prijorità fil-kuntesti kollha. L-industrija issa għandha żżid l-isforzi tagħha biex issib alternattivi vijabbli u li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent."

Il-kreożot huwa trattament industrijali li jipproteġi l-injam li ilu jintuża għal aktar minn mitt sena, iżda t-tħassib dwar it-tossiċità tiegħu kiber. Il-kreożot huwa taħlita kumplessa ta’ mijiet ta’ sustanzi distinti, inklużi l-idrokarburi biċikliċi u poliċikliċi aromatiċi (PAHs) li jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent u li jippreżentaw riskji inaċċettabbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

It-travi tal-injam trattati bil-kreożot għadhom jintużaw ħafna mill-kumpaniji tal-ferroviji, speċjalment f’żoni rurali jew f’postijiet li jkunu diffiċli biex jintlaħqu. Barra minn dan, l-arbli tal-injam li jintużaw għad-distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-wajers tat-telekomunikazzjoni huma magħrufa għall-użu tal-kreożot. Iċ-ċnut agrikoli u industrijali huma wkoll suq kbir għall-injam trattat bil-kreożot.

Analiżi dwar iċ-ċiklu tal-ħajja turi li f’ċerti każi ma teżisti l-ebda alternattiva xierqa. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-prodott jitqiegħed fis-suq għal użi li jkunu definiti b’mod ċar meta ma jkun hemm disponibbli l-ebda alternattiva oħra li tagħmel anqas ħsara lill-ambjent. F’dawn il-każi, għandhom japplikaw kundizzjonijiet stretti, inklużi miżuri biex jipproteġu lill-ħaddiema minn esponiment waqt it-trattament u x-xogħol fuq l-injam ittrattat. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, li kienet parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, indikat li hemm benefiċċji soċjoekonomiċi konsiderevoli meta l-kreożot jintuża f’ċerti applikazzjonijiet.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw liġijiet nazzjonali li jkunu konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2012. Il-leġiżlazzjoni tibda tapplika mill-1 ta’ Mejju 2013.

Sfond

Teknikament, il-miżura tal-lum hija emenda għad-Direttiva dwar il-Bijoċidi, billi żżid il-kreożot fl-Anness 1, il-lista tas-sustanzi attivi bir-rekwiżiti maqbula f’livell Komunitarju biex jiġu inklużi fil-prodotti bijoċidali. Id-Direttiva dwar il-Bijoċidi għandha l-għan li tarmonizza s-suq Ewropew għall-prodotti bijoċidali u s-sustanzi attivi tagħhom, bil-ħsieb li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni għall-bnedmin, l-annimali u l-ambjent.

Aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/environment/biocides/index.htm

http://ec.europa.eu/environment/biocides/creosote.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site