Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea ser tgħin lin-negozji jirkupraw ammont ieħor ta' EUR 600 miljun fi djun transkonfinali

European Commission - IP/11/923   25/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea ser tgħin lin-negozji jirkupraw ammont ieħor ta' EUR 600 miljun fi djun transkonfinali

Brussell, il-25 ta' Lulju tal-2011 – Kumpanija żgħira Taljana li tipproduċi l-ġobon tforni l-mozzarella lil kumpanija li tagħmel pizez iffriżati fi Franza. Wara li l-kumpanija Franċiża taqa' lura fil-pagamenti, id-ditta Taljana ma tibqax tibgħat kunsinni, iżda għadha trid tiġbor eluf ta' euro f'kontijiet mhux imħallsa. Il-kumpanija Taljana kif ser jirnexxielha tiġbor id-dejn? Illum ma hemm l-ebda tweġiba faċli għal mistoqsija bħal din. Mhuwiex diffiċli li l-persuni li jwettqu frodi jibagħtu flus minn Stat Membru għal ieħor, u jwarrbu fondi f'diversi kontijiet f'għadd ta' pajjiżi. Iċ-ċittadini jintlaqtu wkoll meta l-prodotti li jixtru onlajn jibqgħu ma jaslux jew meta ġenitur jonqos milli jħallas il-manteniment minn pajjiż barrani. Bħalissa, huwa f'idejn il-liġi nazzjonali li titlob bank iħallas il-flus mill-kont tal-bank ta' klijent lil kreditur. Is-sitwazzjoni ta' bħalissa fis-27 Stat Membru hija waħda legalment ikkumplikata, tinvolvi ħafna ħela ta' ħin filwaqt li tiswa ħafna mil-lat finanzjarju. Madwar miljun negozju żgħir jiffaċċjaw problemi marbuta ma' djun transkonfinali u, kull sena, jiġu kkanċellati sa EUR 600 miljun bla bżonn għaliex in-negozji jsibuha diffiċli wisq li jiftħu kawżi għoljin, u li joħolqu konfużjoni, f'pajjiżi barranin. Illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi ordni ta' inibizzjoni biex jiġi ffaċilitat l-irkupru ta' djun transkonfinali kemm għaċ-ċittadini u kif ukoll għan-negozji.

Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja qalet, "Irrid li l-irkupru ta' djun transkonfinali jsir faċli daqs l-irkupru ta' djun fil-livell domestiku. Il-kumpaniji jitilfu madwar 2.6% tal-fatturat tagħhom ta' sena minħabba djun imħassra. Din hija dgħufija fis-suq uniku tagħna li għandha tiġi rrimedjata bil-ħeġġa u mill-aktar fis! In-negozji jeħtieġu soluzzjoni sempliċi – ordni ta' inibizzjoni li jkollha effett madwar l-Ewropa – biex b'hekk il-flus jibqgħu fejn ikunu sakemm ma l-qorti tkun ħadet deċiżjoni dwar il-ħlas lura tal-fondi. F'dawn iż-żminijiet ekonomiċi diffiċli l-kumpaniji għandhom bżonn tweġibiet malajr kemm jista' jkun. Kull euro jgħodd, speċjalment għan-negozji ż-żgħar."

L-impriżi żgħar u medji (IŻM) jirrapreżentaw 99% tan-negozji fl-UE. Madwar miljun minnhom iħabbtu wiċċhom ma’ djun transkonfinali. Il-proċeduri għall-irkupru ta' djun minn ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiż ieħor huma kumplessi, u jimmultiplikaw l-ispejjeż għal dawk in-negozji li jixtiequ jagħmlu negozju f'pajjiżi differenti tal-UE. L-aktar problemi tipiċi jvarjaw bejn differenzi fil-liġi nazzjonali għal spejjeż marbuta ma' avukati addizzjonali u t-traduzzjoni ta' dokumenti. L-individwi jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet simili meta jippruvaw jieħdu flushom lura mingħand negozjanti qarrieqa jew mingħand parti f'kontumaċja f'pajjiż ieħor tal-UE.

L-inizjattiva leġiżlattiva tal-lum għandha l-għan li tiffaċilita l-pretensjonijiet transkonfinali filwaqt li tagħti aktar ċertezza lill-kredituri li jirkupraw id-dejn tagħhom, u għalhekk iżżid il-fiduċja fil-kummerċ fi ħdan is-suq uniku tal-UE. Din hija parti mill-aġenda tal-Kummissjoni "ġustizzja għal tkabbir", li tipprova tagħmel l-aħjar użu miż-żona komuni tal-UE ta' ġustizzja għan-negozju u t-tkabbir.

Sfond

Bir-Regolament tiġi stabbilita Ordni Ewropea ta' Inibizzjoni fuq Kontijiet li tippermetti lill-kredituri jżommu l-ammont dovut lilhom fil-kont tal-bank tad-debitur. Din l-ordni tista' tkun ta' importanza kruċjali fi proċedimenti ta' rkupru ta' dejn għaliex ma tħallix li d-debituri jċaqilqu jew iberbqu l-assi tagħhom matul dak iż-żmien meħtieġ biex tinkiseb, jew li tiġi infurzata, sentenza fir-rigward tal-merti. Dan kollu ser iżid il-prospetti li l-irkupru ta' dejn transkonfinali jsir b'suċċess.

L-ordni Ewropea ġdida ser tippermetti lill-kredituri jżommu fondi f'kontijiet bankarji taħt l-istess kundizzjonijiet fl-Istati Membri kollha tal-UE. Fatt importanti huwa dak li mhija ser issir l-ebda bidla fis-sistemi nazzjonali ta' żamma ta' fondi. Il-Kummissjoni qiegħda sempliċement iżżid proċedura Ewropea li tista' tintuża mill-kredituri biex jirkupraw il-pretensjonijiet tagħhom f'pajjiżi oħrajn tal-UE. Il-proċedura l-ġdida hija proċedura ta' protezzjoni interim. Biex fil-fatt jieħdu l-flus tagħhom lura, il-kredituri ser ikollhom jiksbu sentenza finali dwar il-każ skont il-liġi nazzjonali jew permezz tal-użu ta' waħda mill-proċeduri ssimplifikati Ewoprej, bħal pereżempju l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

L-Ordni Ewropea ta' Inibizzjoni fuq Kontijiet ser tkun tista' tintuża mill-kredituri bħala alternattiva għal strumenti li diġà jinsabu fis-seħħ fil-liġi nazzjonali. Din ser tkun ta' natura protettiva, li jfisser li ser tkun qiegħda timblokka biss il-kont tad-debitur u mhux li tippermetti li jsir ħlas lill-kreditur. L-istrument ser japplika biss f'każijiet transkonfinali. L-Ordni Ewropea ta' Inibizzjoni fuq Kontijiet tinħareġ fi proċedura ex parte. Dan ifisser li tkun tinħareġ mingħar ma d-debitur jkun jaf xejn dwarha, u għalhekk tagħti "effett ta' sorpriża". L-istrument jipprovdi regoli komuni dwar il-ġuriżdizzjoni, il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-ħruġ ta' ordni; ordni ta' żvelar relatata ma' kontijiet tal-bank; kif din għandha tiġi infurzata mill-qrati u mill-awtoritajiet nazzjonali; u rimedji għad-debitur u elementi oħrajn ta' protezzjoni tal-konvenut.

Issa r-Regolament Ewropew dwar Ordni ta' Inibizzjoni fuq Kontijiet ser jgħaddi għand il-Parlament Ewropew u għand il-Kunsill tal-UE sabiex jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u b'maġġoranza kkwalifikata.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – Il-kamra tal-aħbarijiet tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom

Il-Kummissjoni Ewropea – ġustizzja ċivili:

http://ec.europa.eu/justice/civil

Il-websajt ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Memo/11/540

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website