Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa
Antitrust: Ir-rapport dwar il-prezzijiet tal-karozzi juri li d-differenzi fil-prezz ta’ karozzi ġodda fl-UE naqsu fl-2010
Brussell, 26 ta’ Lulju 2011 – L-iktar rapport riċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prezzijiet tal-karozzi juri li l-prezzijiet tal-karrozzi naqas bi 2.5% f’termini reali fl-2010 fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Kien hemm ukoll konverġenza żgħira fil-prezzijiet tal-katalgu tal-karozzi ġodda. Dawn it-tendenzi tal-prezzijiet fuq perjodu ta' żmien twil isaħħu d-deċiżjoni li l-Kummissjoni ħadet is-sena l-oħra, jiġifieri li m’għadhux ġustifikat li jkun hemm regoli speċifiċi dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-bejgħ tal-karrozzi.
Joaquín Almunia, il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika dwar il-kompetizzjoni qal li “Hija xi ħaġa tajba li l-konsumaturi fl-Ewropa qed jibbenefikaw mill-kompetizzjoni fis-swieq tal-bejgħ ta’ karozzi ġodda u qed ikomplu jgawdu minn prezzijiet li qed jonqsu b’mod sinifikattiv f’termini reali. Il-fatt li d-differenzi fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri naqsu iktar huwa indikatur pożittiv ta’ kompetizzjoni transkonfinali. Bi pjaċir qed nara wkoll li għall-ewwel darba f’għaxar snin il-prezzijiet reali madwar l-UE kollha għas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ma komplewx jiżdiedu, u dan hu sinjali li s-settur fehem ir-regoli l-ġodda tal-logħba” .
Globalment, id-differenzi fil-prezzijiet tal-karozzi tal-passiġġieri bejn l-Istati Membri naqsu, kif jidher fil-katalogi tal-prezzijiet tal-manifatturi. Imma f’xi każijiet id-differenzi baqgħu kbar b’indikazzjoni li l-konsumaturi jiffrankaw ħafna jekk jixtru minn pajjiż ieħor ġar tagħhom. Fiż-żona tal-euro, l-indikatur tad-differenzi fil-prezzijiet ma nbidilx (ara t-tabella nru 1.)
L-indiċi tal-prezz tal-UE għall-karozzi (li jirrifletti l-prezzijiet nominali mħallsa mill-konsumaturi, inkluż roħs, VAT u taxxi ta’ reġistrazzjoni) żdied b'0.3% biss, kontra żieda ta' 2.8% fil-prezzijiet globali tal-konsumaturi, li jirriżulta f’waqa' ta' 2.5% fil-prezzijiet reali tal-karozzi.
Ġie rreġistrat tnaqqis fil-prezzijiet reali tal-karozzi f'total ta' 24 pajjiż tal-UE (ara t-Tabella 1). Il-prezzijiet kienu stabbli f’żewġ pajjiżi oħra (+0.2% fl-Italja u f’Malta) filwaqt li żdiedu fil-Portugall (+2.6%). Madankollu, fil-każ tal-aħħar tajjeb li wieħed jinnota li fis-sena ta’ qabel ix-xerrejja bbenefikaw minn tnaqqis fil-prezzijiet reali tal-karozzi li kien ogħla mill-medja (-6.7%)
It-tnaqqis fil-prezzijiet reali kien partikolarment qawwi fl-Islovakkja (-17.4%), fil-Bulgarija (-13.5%), fis-Slovenja (-11.6%) u fir-Repubblika Ċeka (-9.0%). Fil-Polonja naqsu b’5.6%. Fost is-swieq il-kbar, il-prezzijiet reali naqsu l-aktar fir-Renju Unit (-3.7%), filwaqt li fil-Ġermanja, fi Spanja u fi Franza esperjenzaw tnaqqis fil-prezzijiet aktar moderat (-1.9%, -1.6% u -0.9% rispettivament).
It-tnaqqis fil-prezzijiet reali tal-karozzi fil-pajjżi tal-UE huwa tkomplija ta' tendenza li ġiet osservata għal iktar minn għaxar snin, li tindika li l-kompetizzjoni bejn il-manifatturi tal-karozzi fis-suq tal-karozzi l-ġodda qiegħda taħdem.
Il-prezzijiet reali għat-tiswija u l-manutenzjoni, li f’dawn l-aħħar għaxar snin kienu żdiedu b’rata ogħla mill-livell ġenerali tal-inflazzjoni, fl-2010 ma żdiedux.
Ir-rapport dwar il-prezzijiet tal-karozzi.
Ir-rapport dwar il-prezzijiet tal-karozzi hu parti mill-monitoraġġ tal-Kummissjoni tas-settur tal-vetturi bil-mutur. Huwa jagħti ħarsa ġenerali lejn il-prezzijiet tal-katalgu tad-89 karozza li l-aktar jinbiegħu u li jirrappreżentaw 26 ditta madwar l-UE kollha. Ir-rapport jippermetti lill-konsumaturi li jqabblu l-prezzijiet tal-karozzi madwar l-Ewropa kollha u li japprofittaw mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku tal-UE.
Memorandum b’analiżi ulterjuri dwar l-iżviluppi fil-prezzijiet huwa disponibbli fuq:
http://ec.europa.eu/competition/sectors/motor_vehicles/prices/report.html
Regoli dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-karozzi
F’Ġunju 2010 daħal fis-seħħ qafas ġdid tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għas-settur tal-karozzi (ara IP/10/619 and MEMO/10/217). L-għan prinċipali tar-riforma huwa li jiġi żgurat li jkun hemm iktar kompetizzjoni u kompetizzjoni aħjar fis-swieq ta' wara l-bejgħ, jiġifieri t-tiswija u l-manutenzjoni li jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-ispejjeż għas-sidien tal-karozzi u dan tul il-ħajja kollha tal-karozza. Permezz tar-regoli l-ġodda huwa iktar faċli li jiġu trattati l-prattiki bħan-nuqqas ta’ rilaxx ta’ informazzjoni teknika lill-garaxxijiet indipendenti tat-tiswija jew l-użu ħażin tal-garanziji. Il-manifatturi tal-karozzi jistgħu, min-naħa l-oħra, jorganizzaw in-netwerks ta' bejgħ tagħhom bl-aħjar mod għalihom, filwaqt li jesperjenzaw manifestazzjonijiet ta' kompetizzjoni qawwija bejn id-ditti.
TABELLA 1
Id-differenzi fil-prezzijiet għal għażla tal-iktar karozzi li jinbiegħu
(Id-differrenza fil-prezz hija espressa bħala % tal-prezzijiet bl-euro qabel it-taxxa, billi tqabblu l-ogħla pajjiż mal-orħos pajjiż fis-suq taż-Żona tal-Euro fl-1 ta' Jannar 2011). Sors: Listi tal-prezzijiet tal-manifatturi
Kategorija ta’ daqs żgħir A u B: | 1/01/2011 | 1/01/2010 | 1/01/2009 |
Peugeot 207 | 36.9% | 39.7% | 32.7% |
Renault Clio | 39.5% | 32.3% | 44.9% |
Fiat Grande Punto/Punto | 44.3% | 29.2% | 30.4% |
VW Polo | 34.4% | 28.1% | 26.8% |
Ford Fiesta | 25.4% | 24.3% | 17.9% |
Daqs mejdu Kategorija C: | 1/01/2011 | 1/01/2010 | 1/01/2009 |
Peugeot 308 | 36.1% | 36.0% | 31.7% |
VW Golf | 24.4% | 27.4% | 25.8% |
Ford Focus | 23.8% | 27.9% | 28.7% |
Renault Mégane | 30.3% | 26.8% | 51.6% |
Audi A3 | 23.4% | 18.1% | 17.4% |
Karozzi ta’ daqs kbir Kategorija D, E u F: | 1/01/2011 | 1/01/2010 | 1/01/2009 |
VW Passat | 31.8% | 28.1% | 24.1% |
Mercedes C | 17.3% | 14.2% | 12.8% |
Audi A4 | 14.0% | 13.1% | 17.0% |
BMW 320D | 8.7% | 10.6% | 10.3% |
TABELLA 2
Il-bidla fl-indiċi tal-prezz minn sena għal oħra u l-prezz reali tal-karozzi espress f'%
(Jannar 2011 imqabbel ma’ Jannar 2010)
Il-prezzijiet tal-karozzi huma espressi bil-munita lokali, billi tqies ir-roħs u ġew inklużi t-taxxi. Sors: Eurostat
Il-Pajjiżi taż-Żona tal-Euro | Prezz nominali tal-karozzi | Inflazzjoni viżibbli | Prezzijiet reali tal-karozzi |
l-Awstrija | 0,9 | 2,5 | -3,4 |
il-Belġju | 0,7 | 3,7 | -3,0 |
Ċipru | -1,6 | 3,0 | -4,5 |
l-Estonja | -0.1 | 5.1 | -5.2 |
il-Finlandja | 1,2 | 3,1 | -1,9 |
Franza | 1,1 | 2,0 | -0,9 |
il-Ġermanja | 0,1 | 2,0 | -1,9 |
il-Greċja | 1,1 | 4,9 | -3,8 |
l-Irlanda | -5,5 | 0,2 | -5,7 |
l-Italja | 2,1 | 1,9 | 0,2 |
il-Lussemburgu | 0,9 | 3,4 | -2,5 |
Matla | 3,5 | 3,3 | 0,2 |
il-Pajjiżi l-Baxxi | -1,7 | 2,0 | -3,7 |
il-Portugall | 6,2 | 3,6 | 2,6 |
is-Slovakkja | -14,2 | 3,2 | -17,4 |
is-Slovenja | -9,3 | 2,3 | -11,6 |
Spanja | 1,4 | 3,0 | -1,6 |
Żona tal-Euro | 0,8 | 2,3 | -1,5 |
Pajjiżi barra ż-Żona tal-Euro | Prezz nominali tal-karozzi | Inflazzjoni viżibbli | Prezzijiet reali tal-karozzi |
il-Bulgarija | -9,2 | 4,3 | -13,5 |
ir-Repubblika Ċeka | -7,1 | 1,9 | -9,0 |
id-Danimarka | -1,0 | 2,6 | -3,6 |
l-Estonja | -0,1 | 5,1 | -5,2 |
l-Ungerija | -2,5 | 4,0 | -6,5 |
il-Latvja | -2,6 | 3,5 | -6,1 |
il-Litwanja | -4,4 | 2,8 | -7,2 |
il-Polonja | -2,1 | 3,6 | -5,6 |
ir-Rumanija | 4,7 | 7,0 | -2,3 |
l-Isvezja | 0,3 | 1,4 | -1,1 |
ir-Renju Unit | 0,3 | 4,0 | -3,7 |
UE | Prezz nominali tal-karozzi | Inflazzjoni viżibbli | Prezzijiet reali tal-karozzi |
0,3 | 2,8 | -2,5 |
Persuni ta’ kuntatt : Amelia Torres (+32 2 295 46 29) Marisa Gonzalez Iglesias (+32 2 295 19 25) |