Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwimiet transkonfinali

European Commission - IP/11/919   22/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwimiet transkonfinali

Brussell, 22 ta’ Lulju 2011 – Ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim permezz tal-qrati spiss huwa proċess li jiswa l-flus u li jieħu l-ħin. Il-kawżi transkonfinali huma partikolarment kumplessi minħabba l-liġijiet nazzjonali differenti kif ukoll minħabba kwistjonijiet prattiċi bħall-ispejjeż jew il-lingwa. Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Medjazzjoni – li ġiet adottata fit-21 ta’ Mejju 2008 (IP/08/628) u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Mejju 2011 – tapplika meta żewġ partijiet involuti f’tilwima transkonfinali jiddeċiedu b’mod volontarju li jsolvu t-tilwima tagħhom permezz ta' medjatur. Issa l-Istati Membri kollha tal-UE għandu jkollhom miżuri fis-seħħ li permezz tagħhom issir it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, disa’ pajjiżi għadhom ma nnotifikawx il-miżuri nazzjonali kollha meħtieġa biex id-Direttiva tiġi implimentata bis-sħiħ. B’riżultat ta’ dan il-Kummmissjoni Ewropea bidet proċeduri legali billi bagħtet “ittri ta’ notifika formali” lill-pajjiżi li ġejjin : Ir-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, Ċipru, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja, l-Islovakkja u r-Renju Unit. Il-pajjiżi għandhom xahrejn biex jirrispondu.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja qalet li “l-aċċess għall-ġustizzja huwa l-pedament taż-żona Ewropea ta’ ġustizzja. Il-medjazzjoni hija alternattiva importanti għall-kawżi fil-qrati fil-każ ta’ tilwim transkonfinali u tista’ tgħin lill-partijiet biex jilħqu ftehim amikevoli. “Il-medjazzjoni hija alternattiva importanti għall-kawżi fil-qrati fil-każ ta’ tilwim transkonfinali u tista’ tgħin lill-partijiet biex jilħqu ftehim amikevoli. Il-medjazzjoni tiffranka l-ħin, il-flus u tevita li l-partijiet involuti f’kawżi marbuta ma’ kwistjonijiet familjari, li diġà minnhom infushom huma emozzjonali, jgħaddu mit-trawma li jidħlu l-qorti. Nistieden lid-disa' Stati Membri li baqa' biex jiffinalizzaw b'urġenza t-traspożizzjoni sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom.”

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ftehimiet li jirriżultaw minn medjazzjoni jkunu jistgħu jiġu infurzati. Skont studju ffinanzjat mill-UE, huwa stmat li fl-UE ż-żmien li jinħela f’kull każ meta ma tintużax il-medjazzjoni jammonta għal medja ta’ bejn 331 u 336 jum aktar, filwaqt li jkun hemm bejn €12,471 u €13,738 spejjeż legali żejda għal kull każ.

Sfond

Id-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali ġiet adottata fit-23 ta’ April 2008 (IP/08/628). Il-Kummissjoni ressqet il-Proposta għad-Direttiva f’Ottubru 2004 (IP/04/1288).

Il-medjazzjoni tista’ ssolvi problemi bejn negozji, bejn dawk li jħaddmu u l-impjegati tagħhom, bejn is-sidien u l-inkwilini, jew il-familji, sabiex dawn ikunu jisgħu jżommu u saħansitra jsaħħu r-relazzjoni tagħhom b'mod kostruttiv – riżultat li mhux dejjem jista’ jinkiseb permezz ta’ proċeduri fil-qrati. Ir-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet barra l-qrati jiffranka mill-użu tar-riżorsi tas-sistemi tal-ġustizzja u jista’ potenzjalment inaqqas l-ispejjeż legali. Il-fiduċja fil-proċess hija element kruċjali f’kull medjazzjoni, b'mod speċjali meta ż-żewġ partijiet ikunu ġejjin minn pajjiżi differenti. Għaldaqstant ir-regoli tal-UE jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex jipprovdu kontroll tal-kwalità, biex jistabbilixxu kodiċijiet ta’ imġieba u biex iħarrġu lill-medjaturi biex ikun żgurat li jkun hemm fis-seħħ sistema ta' medjazzjoni effettiva.

Mil-lum, 17-il Stat Membru poġġew fis-seħħ dawn ir-regoli tal-UE, filwaqt li d-Danimarka għażlet li ma tinfurżax dawn ir-regoli – prerogattiva li għandha skont il-protokoll anness mat-Trattati tal-UE. S’issa, disa' pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, Ċipru, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja, l-Islovakkja u r-Renju Unit) għadhom ma infurmawx il-Kummissjoni li stabbilixxew ir-regoli meħtieġa biex id-direttiva tiġi trasposta kompletament.

Il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li ma jwettqux transpożizzjoni korretta tal-liġi tal-UE jew li jonqsu milli jinnotifikaw li poġġew fis-seħħ miżuri nazzjonali biex jimplimentaw ir-regoli tal-UE. Il-proċedura ta' ksur tibda b’talba għal informazzjoni (“Ittra ta’ Notifika Formali”) lill-Istat Membru kkonċernat, li jeħtieġ li tingħata risposta għaliha f’perjodu speċifiku, ġeneralment xahrejn.

Jekk il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta bl-informazzjoni u tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat qed jonqos milli jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tibgħat talba formali għal konformità mal-liġi tal-UE ("Opinjoni Motivata"), fejn titlob lill-Istat Membru biex jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex ikun hemm konformità f'perjodu speċifiku, ġeneralment xahrejn.

Jekk Stat Membru jonqos milli jiżgura li jkun hemm konformità mal-liġi tal-UE, allura l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirreferi lill-Istat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Madankollu, f’iktar minn 90% tal-każijiet ta’ ksur, l-Istat Membru jikkonforma mal-obbligi tiegħu derivanti mil-liġi tal-UE qabel ma ssir referenza quddiem il-Qorti. Jekk il-Qorti tiddeċiedi kontra l-Istat Membru, l-Istat Membru jkun irid jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/justice/newsroom

Il-Kummissjoni Ewropea – ġustizzja ċivili: http://ec.europa.eu/justice/civil

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, il-Kummissarju tal-EU għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding.

Contacts :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website