Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni trid banek aktar b'saħħithom u responsabbli

Brussell, l-20 ta' Lulju 2011 – Il-Banek kienu fiċ-ċentru tal-kriżi finanzjarja li l-ekonomija globali ilha taffronta mill-20081. Għaldaqstant, iridu jinkisbu xi tagħlimiet minn din l-esperjenza u ma għandhomx jiġu ripetuti l-iżbalji tal-passat. Għalhekk illum il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq proposti li jbiddlu l-imġiba ta' 8000 bank li joperaw fl-Ewropa. L-għan prinċipali ta' din il-proposta huwa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE filwaqt li jiġi żgurat li l-banek ikomplu jiffinanzjaw l-attitività ekonomika u t-tkabbir. Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom tliet miri.

1. Il-proposta se tesiġi li l-banek iżommu aktar kapital u kapital aħjar sabiex ikunu jistgħu jirreżistu waħedhom għal xokkijiet futuri. L-istituzzjonijiet daħlu fl-aħħar kriżi b'kapital li kien insuffiċjenti kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità li wassal għal appoġġ mingħajr preċedent mill-awtoritajiet nazzjonali. Bil-proposta tagħha, il-Kummissjoni qed timplimenta, fl-Ewropa, l-istandards internazzjonali dwar il-kapital tal-banek li ġew miftiehma fuq livell ta' G20 (magħrufa aħjar bħala l-ftehim ta' Basel III). L-Ewropa se tkun minn ta' quddiem f'din il-kwistjoni hekk kif se tapplika dawn ir-regoli għal aktar minn 8000 bank, li jammontaw għal 53 % tal-assi globali.

2. Il-Kummissjoni tixtieq tistabbilixxi wkoll qafas ta' governanza ġdid li jagħti setgħat ġodda lis-superviżuri biex jimmonitorjaw il-banek aktar mill-qrib u jieħdu azzjoni permezz ta' sanzjonijiet possibbli meta jidentifikaw riskji, bħat-tnaqqis tal-kreditu meta jidher li jkun qed jikber f'bużżieqa.

3. Billi tiġbor flimkien il-leġiżlazzjoni kollha applikabbli fuq din il-kwistjoni, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi Ġabra Unika ta' Regoli għar-regolazzjoni bankarja. Dan se jtejjeb kemm it-trasparenza kif ukoll l-infurzar.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal li "Il-kriżi finanzjarja laqtet b'mod qawwi lill-familji u n-negozji Ewropej. Ma nistgħux nippermettu li terġà sseħħ kriżi bħal din u lanqas li il-prosperità tagħna tiġi pperikolata milll-azzjonijiet ta' xi wħud fid-dinja finanzjarja. Għalhekk illum, qed inressqu proposti li jsaħħu aktar 8,000 bank li huma attivi fl-Ewropa. Is-settur bankarju se jkollu jżomm aktar kapital u kapital ta' kwalità aħjar kull darba li jieħu riskju. Huwa pass 'il quddiem mill-aktar importanti sabiex inkunu nistgħu nitgħallmu mill-kriżi u nadottaw approċċ ġdid għar-riskju. Huwa pjaċir tiegħi li ninnota li l-Ewropa għadha minn ta' quddiem u hija l-ewwel ġurisdizzjoni fuq livell globali li se tittrasponi l-impenji tal-G20. Huwa biss meta jkunu fis-seħħ dawn ir-regoli kollha li nkunu nistgħu verament ngħidu li ksibna bis-sħiħ it-tagħlimiet ipprovduti mill-kriżi."

Sfond

Il-proposta għandha żewġ partijiet: direttiva li tirregola l-aċċess għall-attivitajiet tat-teħid tad-depożiti u regolament li jirregola kif jitwettqu l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti ta' investiment. Iż-żewġ strument legali jiffurmaw pakkett wieħed u għandhom jitqiesu flimkien. Il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt li turi li din ir-riforma se tnaqqas, b'mod sinifikanti, il-probabbiltà ta' kriżi bankarja sistemika.

1. Ir-Regolament jinkludi rekwiżiti prudenzjali dettaljati għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti ta' investiment u jkopri:

  • il-kapital: Il-proposta tal-Kummissjoni żżid l-ammont ta' fondi proprji li jridu jinżammu mill-banek kif ukoll il-kwalità ta' dawk il-fondi. Tarmonizza t-tnaqqis mill-fondi proprji sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta' kapital regolatorju li jkun prudenti li jiġi rikonoxxut għall-finijiet regolatorji.

  • il-likwidità; Sabiex titjieb ir-reżiljenza tal-profil tar-riskju tal-likwidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta' Proporzjon ta' Kopertura tal-Likwidità (Liquidity Coverage Ratio - LCR) fejn il-kompożizzjoni u l-ikkalibrar eżatti tiegħu jridu jiġu ddeterminati fl-2015 wara perjodu ta' osservazzjoni u analiżi.

  • il-proporzjon tal-ingranaġġ: Sabiex tiġi limitata żieda eċċessiva fl-ingranaġġ fuq il-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti ta' investiment, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li proporzjon ta' ingranaġġ ikun soġġett għal reviżjoni superviżorja. L-implikazzjonijiet ta' proporzjon ta' ingranaġġ se jkunu mmonitorjati mill-qrib qabel possibbilment isir rekwiżit vinkolanti fl-1 ta' Jannar 2018.

  • ir-riskju tal-kreditu tal-kontraparti: b'konsistenza mal-politika tal-Kummissjoni fir-rigward tad-derivattivi barra l-borża (OTC - over the counter) (IP/10/1125), it-tibdiliet se jsiru sabiex il-banek jiġu mħeġġa jikklerjaw id-derivattivi OTC fuq kontropartijiet ċentrali (CCPs -central counterparties).

  • il-ġabra unika ta' regoli: il-kriżi finanzjarja enfasizzat il-periklu ta' regoli nazzjonali diverġenti. Suq uniku jeħtieġ ġabra unika ta' regoli. Ir-regolament huwa direttament applikabbli mingħajr il-ħtieġa ta' traspożizzjoni nazzjonali u jelmina, kif xieraq, sors wieħed ta' tali diverġenza. Ir-Regolament jistipula ukoll sett uniku ta' regoli kapitali..

2. Id-Direttiva ġdida tkopri l-oqsma tad-Direttiva attwali dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital fejn id-dispożizzjonijiet tal-UE jeħtieġu li jiġu trasposti mill-Istati Membri b'mod adattat għall-ambjent tagħhom, bħar-rekwiżiti għall-aċċess għall-attività bankarja u l-eżerċitar ta' tali attività, il-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u d-definizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-prinċipji li jirregolaw is-superviżjoni prudenzjali.

Elementi ġodda fid-direttiva huma:

  • governanza msaħħa: il-proposta ssaħħaħ ir-rekwiżiti fir-rigward tal-arranġamenti u l-proċeduri tal-governanza korporattiva u tintroduċi regoli ġodda bil-għan li tiżdied l-effikaċja tas-sorveljanza tar-riskju mill-bordijiet, jitjieb l-istatus tal-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju u jiġi żgurat monitoraġġ effikaċi mis-superviżuri tal-governanza tar-riskju.

  • sanzjonjiet: Jekk l-istituzzjonijiet jiksru r-rekwiżiti tal-UE, il-proposta se tiżgura li s-superviżuri kollha jistgħu japplikaw sanzjonijiet li huma verament dissważivi, iżda wkoll effikaċi u proporzjonati – pereżempju, multi amministrattivi sa 10 % tal-fatturat annwali, jew projbizzjonijiet temporanji fuq il-membri tal-korp ta' ġestjoni tal-istituzzjoni.

  • riżervi tal-kapital (capital buffers): tintroduċi riżervi tal-kapital li jiġu miżjuda mar-rekwiżiti minimi ta' kapital: riżerva ta' konservazzjoni kapitali identiku għall-banek kollha fl-UE u riżerva kapitali kontroċiklika li għandu tiġi stabbilita fuq livell nazzjonali.

  • superviżjoni msaħħa: il-Kummissjoni tipproponi li tiġi rrinfurzata s-sistema superviżjorja b'tali mod li tesiġi tħejjija annwali ta' programm superviżorju għal kull istituzzjoni li tiġi sorveljata abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju, użu akbar u aktar sistematiku tal-verifiki superviżorji fuq il-post, standards aktar b'saħħithom u valutazzjonijiet superviżorji aktar fil-fond u li jħarsu 'il quddiem.

Fl-aħħarnett, il-proposta tipprova tnaqqas, safejn tista', id-dipendenza min-naħa tal-istituzzjonijiet ta' kreditu fuq klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu billi: a) tesiġi li d-deċiżjonijiet kollha tal-banek dwar investimenti jkunu bbażati mhux biss fuq il-klassifikazzjonijiet iżda wkoll fuq l-opinjoni interna tagħhom dwar il-kreditu, u b) banek b'għadd materjali ta' skoperturi f'portafoll partikolari jiżviluppaw klassifikazzjonijiet interni tal-kreditu minflok jiddependu fuq klassifikazzjonijiet esterni għall-ikkalkular tar-rekwiżiti ta' kapital tagħhom.

Il-proposta ta' llum tissostitwixxi d-Direttiva preċedenti dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (2006/48/EC u 2006/49/EC) b'Regolament u Direttiva u tikkostitwixxi pass sinikanti ieħor lejn il-ħolqien ta' sistema finanzjarja Ewropea aktar soda u sikura.

Sfond ulterjuri

Sabiex terġà tintlaħaq l-istabbiltà fis-settur bankarju u jiġi żgurat li l-kreditu jkompli jasal sal-ekonomija reali, kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha adottaw firxa wiesgħa ta' miżuri bla preċedent fejn, fl-aħħar mill-aħħar, il-kont relatat se jiġi mħallas mill-kontribwenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea approvat EUR 4.1 triljun f'miżuri ta' għajnuna mill-istat lill-istituzzjonijiet finanzjarji fejn aktar minn EUR 2 triljun ġew effettivament użati fl-2008 u l-2009.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/regcapital/index_en.htm

MEMO/11/527

Kuntatti :

Olivier Bailly (+32 2 296 81 17)

Chantal Hughes (+32 2 299 44 50)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)

1 :

Skont l-estimi tal-FMI, it-telf marbut mal-kriżi li ġġarrab mill-banek Ewropej bejn l-2007 u l-2010 jammonta għal kważi EUR 1 triljun jew 8 % tal-PDG tal-UE.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website