Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ambjent: Inqas riskji minn sustanzi perikolużi f'tagħmir elettriku u elettroniku

European Commission - IP/11/912   20/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ambjent: Inqas riskji minn sustanzi perikolużi f'tagħmir elettriku u elettroniku

Brussell, l-20 ta' Lulju 2011 – Il-projbizzjoni fuq metalli tqal u sustanzi kimiċi perikolużi oħrajn f'tagħmir elettriku u elettroniku, issa ġiet estiża għal firxa ħafna usa' ta' prodotti, u r-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ minn għada. Il-liġi l-ġdida se ttejjeb is-sikurezza ta' prodotti elettroniċi bħal termostati, apparat mediku u pannelli ta' kontroll, u se tipprevjeni r-rilaxx ta' sustanzi perikolużi fl-ambjent. L-Istati Membri għandhom 18-il xahar biex jittrasponu r-regoli l-ġodda.

Il-liġi l-ġdida hija reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva RoHS). Ser iżżom il-projbizzjoni fuq iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromu eżavalenti u r-ritardanti tan-nar bifenili polibromurati (PBB) u eteri tad-difenil polibromurat (PBDE). Id-Direttiva RoHs preċedenti kienet tkopri bosta kategoriji ta' tagħmir elettriku u elettroniku inklużi prodotti elettrodomestiċi, tagħmir tal-IT u tal-konsumaturi, iżda issa ġiet estiza għat-tagħmir elettroniku kollu, kejbils u spare parts. Għadhom jistgħu jingħataw eżenzjonijiet f'każijiet fejn ebda alternattiva sodisfaċenti mhija disponibbli. Il-lista ta' sustanzji projbiti ser tiġi riveduta fuq bażi regolari.

Il-Kummissjarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Fejn hemm alternattivi disponibbli mhux aċċettabbli li n-nies jew il-pjaneta jiġu esposti għal sustanzi perikolużi. Ilkoll kemm aħna ta' kuljum niġu f'kuntatt ma' prodotti u dawn ir-regoli l-ġodda jkomplu jżidu l-livell ta' sikurezza li nistgħu nistennew. Itejbu s-sikurezza tal-konsumatur, il-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent, u jtejbu wkoll il-mod li r-regoli ser jaħdmu fil-livell nazzjonali."

L-elementi prinċipali tad-Direttiva l-ġdida huma kif ġej:

  • Estensjoni gradwali tar-regoli għat-tagħmir elettriku u elettroniku kollu (EEE), il-kejbils u l-ispare parts, bil-għan li tintlaħaq konformità sħiħa sal-2019;

  • Reviżjoni tal-lista tas-sustanzi projbiti sa Lulju 2014, u perjodikament minn dakinhar 'il quddiem;

  • Regoli aktar ċari u aktar trasparenti għal għotja ta' eżenzjonijiet mill-projbizzjoni ta' sustanzi;

  • Koerenza mtejba mar-Regolament REACH dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH);

  • Kjarifika ta' definizzjonijiet importanti; kif ukoll

  • Immarkar b'"CE" li jindika konformità ma' normi Ewropej riżervati għal prodotti elettroniċi li jirrispettaw ukoll ir-rekwiżiti tar-RoHS.

Minħabba l-estensjoni sinifikanti tal-ambitu, id-Direttiva l-ġdida tintroduċi perjodi tranżizzjonali ta' mhux aktar minn 8 snin għall-prodotti l-ġodda affettwati mir-regoli.

Il-pannelli fotovoltajċi huma eżentati mid-Direttiva l-ġdida bi sforz li l-UE tkun megħjuna biex tilħaq l-għanijiet tagħha għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

L-implimentazzjoni u l-konformità huma aspetti importanti għar-regoli l-ġodda, li jinkludu mekkaniżmu biex jiffaċilita l-monitoraġġ ta' konfomità mill-Kummissjoni.

Il-Passi li Jmiss

Il-Kummissjoni qed tirsisti biex tiżgura tranżizzjoni mingħajr xkiel mid-Direttiva "il-qadima" għad-Direttiva RoHS "il-ġdida". Biex tkun iffaċilitata l-konformità għall-manifatturi, id-Dokument ta' gwida għal mistoqsijiet li jsiru l-iktar spiss dwar ir-RoHS ser jiġi aġġornat qabel id-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll l-artikoli koperti mill-bidla fl-ambitu bejn id-Direttiva l-qadima u dik ġdida, u li għadhom ma kinux soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt, bil-għan li jiġu inklużi fid-Direttiva.

Sfond

Id-Direttiva 2002/95/KE dwar ir-Restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti Sustanzi ta’ Riskju fit-Tagħmir Elettriku u Elettroniku (RoHS I) daħlet fis-seħħ fit-13 ta' Frar 2003. Din tistabbilixxi valuri ta' limitu stretti għaċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromu eżavalenti, il-bifenili polibromurati u l-eteri tad-difenil polibromurat f'tipi speċifiċi ta' tagħmir elettriku u elettroniku u għandha tiġi adattata regolarment. Il-leġiżlazzjoni evitat li eluf ta' tunnellati ta' sustanzi projbiti jiġu mormija u potenzjalment rilaxxati fl-ambjent. Wasslet għal tibdil importanti fid-disinn tal-prodotti fl-Unjoni Ewropea kif ukoll mad-dinja kollha, u serviet ukoll bħala mudell għal liġijiet simili barra miż-Żona Ekonomika Ewropea

Ir-reviżjoni tnediet fl-2008. Fl-2010 ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u d-Direttiva ġiet adottata f'Ġunju 2011. L-Istati Membri għandhom 18-il xahar għat-traspożizzjoni tad-Direttiva. Sa dakinhar, ir-RoHS tkompli tapplika.

Għal aktar tagħrif:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:174:0088:0110:MT:PDF

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/index_en.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website