Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni – migranti integrati tajjeb jarrikkixxu lill-UE ekonomikament u kulturalment

Brussel, l-20 ta’ Lulju 2011 – Il-Kummissjoni llum adottat ‘Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’pajjiżi terzi’ biex ittejjeb il-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-migrazzjoni fl-Ewropa. L-Aġenda tenfasizza l-parteċipazzjoni sħiħa tal-immigranti fl-aspetti kollha tal-ħajja kollettiva u tenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali.

Cecilia Malmström, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni, qalet: "Integrazzjoni b’suċċess timplika li l-migranti jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-komunitajiet il-ġodda tagħhom. It-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż riċevitur, l-aċċess għall-impjiegi u l-edukazzjoni u l-kapaċità soċjo-ekonomika li jmantnu lilhom infushom huma elementi kruċjali għal integrazzjoni b’suċċess. Sal-lum, l-integrazzjoni tal-migranti fl-Ewropa ma kinitx xi suċċess kbir. Kollha kemm aħna rridu nagħmlu aktar – għall-benefiċċju tan-nies li ġejjin hawnhekk, iżda wkoll għax migranti integrati sew huma ta’ siwi għall-UE, peress li jarrikkixxu s-soċjetajiet tagħna kulturalment u ekonomikament ".

Illum ġie ppreżentat ukoll Eurobarometer kwalitattiv dwar l-integrazzjoni, li sar din ir-rebbiegħa. Huwa jippermetti skambju miftuħ ta’ opinjonijiet kemm ta’ ċittadini tal-UE kif ukoll tal-migranti u juri li dawn jikkondividu għadd ta’ fehmiet dwar l-integrazzjoni. Hemm qbil wiesa’ dwar l-importanza tal-interazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fl-iskejjel u dwar il-kontribut pożittiv tal-migranti lejn kultura lokali. Iż-żewġ gruppi jaqblu dwar il-fatturi li bis-saħħa tagħhom tista' tiffunzjona l-integrazzjoni: li wieħed jitkellem il-lingwa, isib xogħol u biex jifhem il-kultura lokali. Iċ-ċittadini u l-migranti tal-UE li pparteċipaw fl-istħarriġ jaqblu wkoll li jinħtieġu sforzi akbar min-naħat kollha sabiex jibbenefikaw mill-immigrazzjoni. In-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi u s-segregazzjoni tal-migranti f’distretti żvantaġġati huma perċepiti bħala l-ostakli ewlenin għall-integrazzjoni. Dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu azzjoni determinata u konsistenti minn kulħadd.

Ikompli

Sfond

Id-diversità li ġġib il-migrazzjoni, jekk tiġi amministrata sew, tista’ tkun ta’ vantaġġ kompetittiv u sors ta' dinamiżmu għall-ekonomiji Ewropej. Jekk l-UE għandha tilħaq il-mira tagħha biex iġġib il-livell tal-impjieg għal 75% sa l-2020, huwa essenzjali li jitneħħew l-ostakoli li hemm quddiem il-migranti għal aċċess għall-impjiegi - mhux l-anqas billi l-forza tax-xogħol Ewropea qed tiċkien bħala konsegwenza tal-isfida demografika li l-UE qiegħda tiffaċċja. Is-saħħa lavorattiva tal-Unjoni Ewropea se tonqos b’bejn wieħed u ieħor 50 miljun sal-2060, meta mqabbla mal-2008 – fl-2010 kien hemm 3.5 persuna ta’ età li taħdem (20-64) għal kull persuna ta’ 65 sena jew aktar; fl-2060 il-proporzjon mistenni li jkun 1.7 għal 1. Pereżempju, fejn tidħol id-domanda fil-futur għal karrieri għall-anzjani, l-Aġenda 2010 tal-Kummissjoni għal ħiliet u impjiegi ġodda tistma li sal-2020 se jkun hemm nuqqas ta' madwar miljun professjonist fis-settur tas-saħħa - u sa żewġ miljuni jekk jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-professjonijiet anċillari fil-kura tas-saħħa.

Li jiġi żgurat li l-immigranti jgawdu l-istess drittijiet u li jkollhom l-istess responsabbiltajiet bħal ċittadini tal-UE hija fil-qalba tal-proċess ta' integrazzjoni. Id-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-edukazzjoni u l-esperjenza akkwistata barra l-UE huma xi wħud mill-ostakli li minħabba fihom il-migranti qegħdin fir-riskju tal-qgħad, ta’ limitazzjonijiet fl-impjegar, u tal-isfruttament.

L-integrazzjoni għandha tibda fejn in-nies jiltaqgħu ta’ kuljum (postijiet tax-xogħol, skejjel, żoni pubbliċi, eċċ.). Miżuri biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika għandhom jinkludu taħriġ u mentors, faċilitazzjoni biex il-migranti jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali, il-ħolqien ta’ korpi konsultattivi lokali, reġjonali u nazzjonali, jew l-inkoraġġiment tal-imprenditorija, il-kreattività u l-innovazzjoni.

Il-ħiliet lingwistiċi jwasslu għal opportunitajiet aħjar ta’ xogħol, jgħinu fil-bini tal-kuntatti soċjali, u jagħtu l-indipendenza lill-migranti. Dan huwa ta’ importanza partikolari għan-nisa migranti li altrimenti jistgħu jkunu pjuttost iżolati. L-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni tenfasizza li t-taħriġ tal-ilsna u l-programmi ta’ introduzzjoni għandhom ikunu finanzjarjament u ġeografikament aċċessibbli.

Il-proċess ta’ integrazzjoni jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-gvernijiet nazzjonali, li jibqgħu responsabbli biex jiddefinixxu l-politiki tal-integrazzjoni tagħhom, u l-awtoritajiet lokali jew reġjonali u l-atturi mhux statali, li jkun qed jimplimentaw fil-konkret il-miżuri ta’ integrazzjoni. L-UE tappoġġja dawn il-miżuri permezz tal-istrumenti tagħha u l-iffinanzjar futur tal-UE għandu jkun iffokat aktar fuq il-promozzjoni tal-integrazzjoni fil-livell lokali.

Sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni u l-iskambju tal-għarfiena, il-Kummissjoni qed tiżviluppa sett ta’ strumenti flessibbli Ewropej, li jikkonsistu minn moduli ta’ integrazzjoni biex jiġu appoġġjati politiki u prattiċi fl-Istati Membri. Dawn jibnu fuq l-esperjenzi ta’ x’jaħdem u x’ma jaħdimx bħala appoġġ għall-integrazzjoni, pereżempju l-organizzazzjoni ta’ korsijiet introduttorji u tal-lingwa, jiżguraw impenn qawwi min-naħa tas-soċjetà riċeventi u jtejjbu l-parteċipazzjoni tal-migranti. Dawn il-moduli jistgħu jiġu addattati għall-bżonnijiet tal-Istati Membri, reġjuni u bliet. Ġew ukoll identifikati indikaturi komuni Ewropej biex jimmonitorjaw ir-riżultati tal-politiki ta’ integrazzjoni.

Din il-komunikazzjoni tirrispondi għal talba fil-programm ta’ Stokkolma, li jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-koordinazzjoni u ttejjeb l-istrumenti u l-istrutturi għal skambju ta’ għarfien fil-qasam tal-integrazzjoni.

Hija tibni fuq il-bażi legali l-ġdida introdotta fit-Trattat ta’ Lisbona għal inċentivi u appoġġ lill-azzjonijiet tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legali, eskluża l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Għal iktar informazzjoni

MEMO/11/529

MEMO/11/530

Il-websajt ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-websajt ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index.html

Il-websajt Ewropew dwar l-integrazzjoni:

http://ec.europa.eu/ewsi

Rapport kwalitattiv tal-Eurobarometer

http://ec.europa.eu/public_opinion/whatsnew2011_en.htm

Rapport min-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni: Satisfying Labour Demand through Migration

http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/immigration/docs/Satisfying_Labour_Demand_Through_Migration_FINAL_20110708.pdf

Kuntatti :

Marcin Grabiec (+32 2 298 10 45)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site