Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: L-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja u Malta mwissija dwar nuqqasijiet fil-ħarsien tal-ibħra tagħhom

European Commission - IP/11/90   27/01/2011

Other available languages: EN FR DE SV FI EL ET

IP/11/90

Brussell, is-27 ta' Jannar 2011

L-Ambjent: L-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja u Malta mwissija dwar nuqqasijiet fil-ħarsien tal-ibħra tagħhom

Il-Kummissjoni qed titlob lill-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja u Malta biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE li tesiġi li huma jfasslu strateġiji marittimi biex iħarsu l-ibħra tagħhom. Dawn il-pajjiżi naqsu milli jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tald-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, li kellha tkun stabbilita sal-15 ta' Lulju 2010. It-talba tal-Kummissjoni, mibgħuta fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik, tieħu l-forma ta' opinjoni motivata skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Jekk fi żmien xahrejn, il-pajjiżi kkonċernati ma jinfurmawx lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, il-Kummissjoni tista' tirreferi l-każijiet lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

L-Ewropa ħadet l-impenn li tħares l-ekosistemi u l-bijodiversità. L-attivitajiet marittimi bħas-sajd, it-turiżmu u r-rikreazzjoni jiddependu fuq ilmijiet ta' kwalità tajba. L-ilmijiet marittimi tal-Ewropa (inkluż il-Baħar Mediterran, il-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed u l-Oċean Atlantiku tal-Grigal, bl-ilmijiet ta' madwar l-Ażori, il-Madejra u l-Gżejjer Kanarji) huma protetti minn parti ewlenija tal-leġiżlazzjoni Ewropea, Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima 2008/56/KE, li l-għan tagħha huwa li tiżgura li l-ibħra Ewropej jiksbu status ambjentali tajjeb sal-2020. Id-direttiva tesiġi li l-Istati Membri jfasslu strateġiji koordinati biex iħarsu u jirristawraw l-ekosistemi marittimi tal-Ewropa, u li jiżguraw is-sostenibbiltà ekoloġika tal-attivitajiet marbuta mal-ambjent marittimu. Dewmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva jnaqqas il-probabbiltà li jinkiseb status tajjeb fid-data tal-iskadenza, b'implikazzjonijiet li jistgħu jkunu serji għall-utenti tal-ibħra Ewropej.

L-Istati Membri jivvalutaw l-istatus ekoloġiku tal-ibħra marittimi tagħhom u l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem, qabel ma jiddeterminaw l-"istatus ambjentali tajjeb" ta' dawn l-ilmijiet abbażi ta' kriterji relatati mal-bijodiversità, il-preżenza ta' speċijiet mhux indiġeni, is-saħħa tal-istokk tal-ħut, il-katina tal-ikel, l-ewtrofikazzjoni, it-tibdil f'kundizzjonijiet idrografiċi u l-konċentrazzjonijiet ta' kontaminanti, l-ammont ta' ħmieġ marittimu u t-tniġġis bl-istorbju taħt l-ilma tal-baħar. Imbagħad jiġu stabbiliti miri u indikaturi biex jintlaħaq dan l-istatus ambjentali tajjeb, permezz ta' programm ta' miżuri biex jinkisbu l-għanijiet.

Aktar tagħrif

Għall-istatistika attwali ġenerali dwar il-ksur, ara:

http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_mt.htm

Aktar dettalji dwar il-politika ambjentali marittima:

http://ec.europa.eu/environment/water/marine/index_en.htm

MEMO/11/45


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website