Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Bulgarija u r-Rumanija: Meħtieġ iktar titjib fir-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Brussell, l-20 ta' Luju 2011 – Il-Bulgarija u r-Rumanija jeħtieġ jagħmlu iktar progress fir-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, fil-każ tal-Bulgarija, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata wkoll. Ir-rapporti jenfasizzaw b'mod partikolari li l-ġudikatura fiż-żewġ pajjiżi għandha tagħmel iktar sforzi favur ir-riforma. Il-Kummissjoni qed tagħmel sensiela ta' rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ulterjuri mill-Bulgarija u mir-Rumanija. Fis-sajf tal-2012, il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni ġenerali tal-progress li qed jagħmlu l-Bulgarija u r-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika mill-adeżjoni 'l hawn, u se tagħmel proposti xierqa fid-dawl ta' din l-analiżi. Dawn huma l-konklużjonijiet ewlenin tal-ħames rapport taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika mal-Bulgarija u r-Rumanija adottati llum mill-Kummissjoni.

Ir-rapport dwar il-progress fil-Bulgarija jindika rieda politika u impenn kostanti min-naħa tal-Gvern Bulgaru li jsegwi l-istrateġija tiegħu ta' riforma. Il-Bulgarija kompliet tirriforma s-sistema ġudizzjarja, issaħħaħ il-leġiżlazzjoni dwar il-kunflitt ta' interess u bdiet riforma strutturali fi ħdan il-pulizija u s-sistema tal-qorti kriminali. Fl-istess ħin, ir-rapport jinnota wkoll li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'livell għoli matul dawn l-aħħar tnax-il xahar ma wasslitx għal riżultati li jikkonvinċu u r-riżultat globali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jeħtieġ jitjieb sew. Id-direzzjoni tal-ġudikatura għad trid turi impenn veru favur ir-riforma ġudizzjarja. Ir-rapport jikkonkludi li hemm ħtieġa urġenti għal titjib konsiderevoli fl-obbligu ta' rendikont u fil-prattika professjonali fi ħdan il-ġudikatura u l-awtoritajiet investigattivi sabiex jinkisbu riżultati konvinċenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Ir-rapport dwar ir-Rumanija jindika lejn li passi sinifikanti li ħadet ir-Rumanija mill-aħħar rapport ta' Lulju 2010. Ir-Rumanija tejbet l-effiċjenza fost il-ġudikatura, stabbiliet mill-ġdid il-bażi legali tal-Aġenzija Nazzjonali dwar l-Integrità, kompliet it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-erba' kodiċi ġodda, varat tħejjijiet għal analiżi funzjonali tas-sistema ġudizzjarja u wettqet analiżi tal-politika tagħha kontra l-korruzzjoni. Fl-istess ħin, ir-rapport jinnota wkoll li l-konsistenza u r-riżultati f'għadd ta' oqsma għadhom joffru sfida u li l-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadha teħtieġ segwitu. Ir-rapport jikkonkludi li r-Rumanija teħtieġ tieħu azzjoni urġenti biex tħaffef il-proċċessi ġudizzjarji ta' korruzzjoni f'livell għoli u biex ma tippermettix li dawn jiġu preskritti minħabba li jkun skada ż-żmien tal-perjodi ta' preskrizzjoni skont il-liġi. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tibqa' prijorità ewlenija, b'appoġġ mill-Parlament, u għandhom jittieħdu miżuri urġenti biex jitjieb l-irkupru tar-rikavat minn attività kriminali, is-segwitu tal-ħasil tal-flus u l-protezzjoni kontra l-kunflitt ta' interess fil-ġestjoni tal-fondi pubbliċi.

Bħal ma ġara fir-rapporti preċedenti, l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq valutazzjoni tal-progress li sar mill-awtoritajiet Bulgari u Rumeni u fuq informazzjoni mill-Istati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali, esperti indipendenti u diversi sorsi oħra. Il-Kummissjoni wettqet diversi missjonijiet fil-Bulgarija u r-Rumanija, inkluż bl-appoġġ ta' esperti minn Stati Membri oħra. Ir-rapporti jqisu wkoll ir-risposti tal-Bulgarija u r-Rumanija għal kwestjonarji dettaljati mħejjija mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li twettaq valutazzjoni tal-progress taħt il-MKV mill-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fir-rapport ta' valutazzjoni li jmiss fis-sajf tal-2012. Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni l-Kummissjoni se tagħmel proposti xierqa. Ir-Rapport preżenti jinkludi għadd ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jgħinu liż-żewġ Stati Membri jħejju għal din il-valutazzjoni ġenerali.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-Bulgarija u r-Rumanija f'dan l-isforz u tipprovdi l-valutazzjoni li jmiss tal-progress fis-sajf tal-2012.

Sfond

Fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni stabbilixxiet Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika biex tivvaluta l-impenji li daħlu għalihom il-Bulgarija u r-Rumanija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u – għall-Bulgarija - il-kriminalità organizzata. Il-Kummissjoni ntalbet tirrapporta dwar progress f'dawn l-oqsma fuq bażi regolari. Il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel rapport tagħha fis-27 ta’ Ġunju 2007 u minn dak iż-żmien 'l hawn ħarġet rapporti darbtejn fis-sena. Ir-rapporti tal-Kummissjoni huma kkomplimentati minn dokument ta' ħidma tal-persunal li jistabbilixxi l-analiżi fid-dettal tal-Kummissjoni kontra kull punt ta' referenza stabbilit għall-MKV.

L-aħħar rapporti annwali kienu ppubblikati fl-20 ta' Lulju tal-2010. Dawn ġew issupplimentati permezz ta' rapporti interim ippubblikati fl-20 ta' Frar 2011.

Ħarsa aktar dettaljata tar-rapport dwar il-Bulgarija tinsab fil-MEMO/11/525.

Ħarsa aktar dettaljata tar-rapport dwar ir-Rumanija tinsab fil-MEMO/11/528.

Ħarsa aktar dettaljata lejn il-Mekkaniżmu għall-Koperazzjoni u l-Verifika tinstab f'MEMO/07/260.

Il-kopji tar-rapporti sħaħ jinstabu hawn:

http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/cvm/index_mt.htm

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)


Side Bar