Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

It-trasport bit-triq: regoli godda tat-takografu li ser jiffrankaw lill-kumpaniji aktar minn EUR 500 miljun kull sena

Brussell, id-19 ta’ Lulju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tirrevedi l-leġiżlazzjoni tat-takografu biex isir użu sħiħ tal-opportunitajiet teknoloġiċi ġodda bħall-pożizzjoni tas-satellita. Dan ser jagħmilha aktar diffiċli biex titwettaq il-frodi u ser itaffi l-piż amministrattiv. Dan mistenni li jiffranka EUR 515 miljun kull sena lill-kumpaniji. Billi tiġi żgurata konformità aħjar mar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ, ix-xufiera ser ikunu protetti aħjar, ser tiżdied is-sikurezza fit-toroq u tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta.

Sitt miljun trakk u xarabank Ewropej huma mgħammra bit-takografu sabiex ikun hemm kontroll tal-konformità tax-xufiera professjonali u l-impriżi tat-trasport mal-leġiżlazzjoni soċjali tat-trasport bit-triq1. Fl-2006, it-takografu diġitali sar obbligatorju għall-vetturi l-ġodda. Il-proposta preżenti għandha l-għan li taġġorna l-qafas legali li jmur lura għall-1985. Ir-regolament il-ġdid ser jgħin biex titnaqqas il-frodi u jtaffi l-piż amministrattiv marbut mal-użu tat-takografu.

Il-Viċi persident Siim Kallas qal: "Ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ qegħdin hemm biex jipproteġu lix-xufiera professjonali u l-utenti oħra tat-triq. Ir-regoli jiżguraw ukoll kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet tajbin ta’ xogħol għax-xufiera. It-takografu diġitali huwa għodda eċċellenti ta’ kontroll biex jiġi żgurat li jintlaħqu dawn l-għanijiet. Din il-proposta mhux biss hija importanti ħafna biex tinżamm l-affidabilità tat-takografu diġitali iżda tikkostitwixxi wkoll pass sinifikanti lejn l-introduzzjoni ta’ apparat intelliġenti li jkun integrat fit-trakkijiet li ser jgħin biex tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ta’ trasport fl-UE."

Il-proposta tipprovdi għal diversi novitajiet:

  • Sistema ta’ reġistrazzjoni tal-lok permezz ta’ pożizzjoni satellitari ser tippermetti li r-reġistrazzjonijiet manwali jinbidlu ma' dawk awtomatiċi. L-impriżi tat-trasport bit-triq u x-xufiera tagħhom ser jiffrankaw EUR 349 miljun kull sena. Ser tippermetti li jkun hemm monitoraġġ aħjar u tipprovdi informazzjoni importanti għall-organizzazzjoni tal-katina tal-loġistika.

  • Komunikazzjoni mill-bogħod li żżid l-effiċjenza tal-ispezzjonijiet mal-ġenb tat-triq li jistgħu jkunu mmirati lejn dawk il-vetturi li aktarx ma jkunux qed josservaw il-leġiżlazzjoni. Minħabba li x-xufiera li jkunu konformi jibdew jitwaqqfu anqas spiss, jista’ jkun hemm tnaqqis ta’ EUR 34.5 miljun kull sena tal-piż amministrattiv.

  • Interfaċċja speċifika li tippermetti integrazzjoni ma' sistemi intelliġenti ta’ trasport, filwaqt li tirrispetta l-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

  • Standards ogħla għall-ħwienet tax-xogħol li jkunu inkarigati biex jistallaw u jikkalibraw it-takografu ser inaqqsu l-frodi u l-manipulazzjoni.

  • L-amalgamazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan mal-kard tax-xufiera li għandhom jintużaw mat-takografu diġitali. Din ser tnaqqas il-piż amministrattiv fuq ix-xufiera b’EUR 100 miljun kull sena. L-amalgamazzjoni ser tnaqqas ukoll l-użu frodulenti tal-kard tax-xufiera, li llum jistgħu faċilment jingħataw lil xufiera oħrajn.

  • Aġġornament kontinwu tal-ispeċifikazzjonijiet tat-takografu sabiex jiġi żgurat li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà u li jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-frodi u l-manipulazzjoni.

Il-proposta ser tippermetti wkoll li l-Istati Membri jeżentaw lil ċerti utenti mill-obbligu li jużaw it-takografu f’radju estiż b’mod uniformi, bħal pereżempju l-ħaddiema tas-sengħa (tnaqqis ta’ piż amministrattiv ta’ EUR €52.8 miljun kull sena). Dan kien issuġġerit minn Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi .

Il-proposta tressqet lill-Parlament u lill-Kunsill li qed jiġu mistiedna biex jadottaw il-proposta. Ma’ din il-proposta il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni li tispjega kif ser tiżamm is-sigurtà matul iż-żmien, kif il-Kummissjoni bi ħsiebha tuża standards stabbiliti mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) għal ċerti partijiet tal-apparat tat-takografu, u kif il-Kummissjoni bi ħsiebha tikkoopera ma’ pajjiżi terzi fil-livell ta’ Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE)2.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur is-sit

http://ec.europa.eu/transport/road/social_provisions/tachograph/tachograph_en.htm

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

1 :

B’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ (Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq , ĠU L 102, 11.04.2006, p.1)

2 :

Fil-qafas tal-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport bit-triq internazzjonali (AETR)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site