Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni ser tipprovdi € 244 miljun għal 183 proġett ambjentali ġdid

European Commission - IP/11/902   19/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni ser tipprovdi € 244 miljun għal 183 proġett ambjentali ġdid

Brussell, 19 ta' Lulju - Il-Kummissjoni Ewropea approvat (illum) l-għoti ta' fondi għal 183 proġett ġdid fil-qafas tal-programm LIFE+, il-fond ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Il-proġetti jinvolvu lill-Istati Membri kollha tal-UE, u jkopru azzjonijiet fl-oqsma tal-konservazzjoni tan-natura, it-tibdil fil-klima, it-teknoloġija nadifa, il-politika ambjentali, u l-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali. Kollox ma' kollox, jirrappreżentaw investiment totali ta’ € 530 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi € 244 miljun.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Il-programm LIFE+ ikompli bl-appoġġ finanzjarju tiegħu għal proġetti innovattivi u ta' kwalità għolja, b'valur miżjud importanti għall-UE. Dawn il-proġetti ġodda mhux biss se jagħtu kontribut siewi lill-konservazzjoni tan-natura u lit-titjib tal-ambjent, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, Iżda se jgħinu wkoll biex titkattar il-kuxjenza mal-Ewropa kollha fir-rigward tal-isfidi ambjentali ewlenin li qegħdin naffaċċjaw, pereżempju billi nifirdu t-tkabbir mill-użu tar-riżorsi."

Il-Kummissjoni rċeviet 748 applikazzjoni bi tweġiba għall-aħħar sejħa għall-proposti tagħha, li għalqet f'Settembru 2010. Minn dawn, intgħażlu 183 proposta għall-kofinanzjament permezz tat-tliet komponenti tal-programm: LIFE+ Natura u Bijodiversità, LIFE+ Politika u Tmexxija Ambjentali, u LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni. Ħamsa u ħamsin minn dawn il-proġetti se jsiru bi sħubija bejn żewġ Stati Membri jew aktar.

Il-proġetti LIFE+ Natura u Bijodiversità jtejbu l-qagħda tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats li jinsabu f’periklu li jinqerdu. Minn fost il-203 proposti li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet li tipprovdi finanzjament lil 64 proġett minn sħubijiet bejn entitajiet għall-konservazzjoni, awtoritajiet tal-gvern u partijiet oħrajn. Dawn il-proġetti ġejjin minn 18-il Stat Membru differenti, u jirrappreżentaw investiment totali ta’ € 223 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi madwar € 125 miljun. Il-maġġoranza (55) huma proġetti tal-kategorija Natura, li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar u/jew id-Direttiva dwar il-Ħabitats, kif ukoll tan-netwerk Natura 2000. Id-disgħa l-oħra huma proġetti Bijodiversità, kategorija tal-proġetti LIFE+ għal skemi pilota li jindirizzaw kwistjonijiet usa’ ta’ bijodiversità. L-investiment totali fil-proġetti tal-kategorija Bijodiversità se jkun ta' € 18.3 miljun.

Il-proġetti LIFE+ Politika u Tmexxija Ambjentali huma proġetti pilota li jgħinu fl-iżvilupp ta' ideat ta' politika, teknoloġiji, metodi u strumenti innovattivi. Minn fost it-399 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet li tiffinanzja 104 proġetti li ġejjin minn firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u dak privat. Il-proġetti li ntgħażlu, ibbażati fi 18-il Stat Membru differenti, jirrappreżentaw investiment totali ta’ € 286 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi madwar € 109 miljun. L-ikbar parti tal-finanzjament (madwar € 143 miljun għal 51 proġett) se tmur għal proġetti li jikkonċernaw l-iskart u r-riżorsi naturali.

Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi aktar minn € 16 miljun għal 14-il proġett li jindirizzaw direttament it-tibdil fil-klima, b'baġit totali ta' € 40 miljun. Barra minn hekk, 12-il proġett li jiffokaw fuq kwistjonijiet oħra se jkollhom ukoll impatt indirett fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-Anness għal din l-istqarrija għall-istampa jixħet dawl fuq dawn il-proġetti varji.

Qasam importanti ieħor huwa l-ilma, immirat minn disgħa mill-proġetti magħżula. It-30 proġett li jifdal ikopru diversi oqsma, fosthom l-arja, il-kimiki, l-ambjent u s-saħħa, il-foresti, l-innovazzjoni, l-istorbju, il-ħarsien tal-ħamrija, metodi strateġiċi, u l-ambjent urban.

Il-proġetti LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni jxerrdu tagħrif u jkabbru l-interess dwar il-kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jipprovdu t-taħriġ u jkattru l-kuxjenza dwar il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti. Minn fost il-146 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet li tiffinanzja 15-il proġett li ġejjin minn firxa ta' organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u dak privat li jaħdmu fl-oqsma tan-natura u/jew tal-ambjent. Dawn il-proġetti jittrattaw kwistjonijiet bħall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-iskart u l-ilma. Il-proġetti huma bbażati fi tmien Stati Membri differenti, u jirrappreżentaw investiment totali ta’ € 20.4 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi madwar € 10.1 miljun. Il-Kummissjoni bi pjaċir tinnota ż-żieda sinifikanti li saret fil-finanzjament iddedikat lil proġetti tal-kategorija LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni. Sebgħa mill-15-il proġett għandhom l-għan li jqajmu l-kuxjenza rigward kwistjonijiet tan-natura u tal-bijodiversità, filwaqt li t-tmienja l-oħra jiffokaw fuq kwistjonijiet ambjentali.

Sfond:

LIFE+ huwa l-istrument finanzjarju Ewropew għall-ambjent, b'baġit totali ta' € 2.143 biljun għall-perjodu 2007-2013. Il-Kummissjoni tvara sejħa għall-proposti ta' proġetti LIFE+ darba fis-sena.

Għal aktar tagħrif

Ġabra fil-qosor tal-proġetti l-ġodda kollha ffinanzjati fil-qafas tal-LIFE+ hija mehmuża fl-Anness, imqassma skont il-pajjiż:

http://ec.europa.eu/environment/life/news/press/index.htm#annexes2010

Għal aktar dettall dwar kull wieħed mill-proġetti l-ġodda tal-kategorija Natura u Bijodiversità, ara:

http://ec.europa.eu/environment/life/publications/lifepublications/compilations/documents/natcompilation10.pdf

Għal aktar dettall dwar kull wieħed mill-proġetti l-ġodda tal-kategorija Politika u Tmexxija Ambjentali, ara:

http://ec.europa.eu/environment/life/publications/lifepublications/compilations/documents/envcompilation10.pdf

Għal aktar dettall dwar kull wieħed mill-proġetti l-ġodda tal-kategorija Informazzjoni u Komunikazzjoni, ara:

http://ec.europa.eu/environment/life/publications/lifepublications/compilations/documents/infcompilation10.pdf

Għal aktar tagħrif dwar il-programm LIFE+, ara:

http://ec.europa.eu/life

Tista' tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali korrispondenti:

http://ec.europa.eu/environment/life/contact/nationalcontact/index.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website