
Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa
L-approvazzjoni tal-ewwel skemi ta' sostenibbiltà tal-UE għall-bijofjuwils.
Brussell, it- 19 ta' Lulju 2011 – il-bijofjuwils jistgħu joffru sostituzzjoni li tħares l-ambjent minflok il-fjuwils fossili. Madanakollu, irridu niżguraw li l-foresti tropikali u t-torbiera rikki fil-karbonju ma jinbidlux f’palm taż-żejt jew fi pjantaġġjuni tal-kannamiela. Irridu niggarantixxu wkoll li meta jitqabblu mal-fjuwils fossili, il-bijofjuwils li jintużaw fl-UE jwasslu għall-iffrankar tanġibbli tal-gassijiet b’effett ta' serra. Għal dan il-għan, is-sostenibbiltà tal-bijofjuwils għandha tiġi spezzjonata mill-Istati Membri jew permezz ta' skemi volontarji li jkunu ġew approvati mill-Kummssjoni Ewropea. Illum, il-Kummissjoni rrikonoxxiet sebgħa minn dawn l-iskemi volontarji: L-ISCC, il-Bonsucro EU, l-RTRS EU RED, l-RSB EU RED, it-2BSvs, l-RSBA, u l-Greenergy. Dan ir-rikonnoxximent japplika direttament fis-27 Stat Membru.
Il-Kummissarju għall-Enerġija, Günther Oettinger qal: "Irridu niżguraw li l-katina kollha tal-produzzjoni u l-provvista tal-bijofjuwils tkun sostenibbli. Għal din ir-raġuni aħna stabbilixxejna l-ogħla standards ta’ sostenibbiltà fid-dinja. L-iskemi rikonoxxuti llum fil-livell tal-UE huma eżempju tajjeb ta’ sistema trasparenti u affidabbli li tiżgura li dawn l-istandards għoljin jintlaħqu."
Sabiex il-bijofjuwils użati fl-UE, kemm jekk jiġu prodotti lokalment u kemm jekk jiġu importati, jirċievu l-appoġġ mingħand il-gvern jew ikunu jistgħu jilħqu l-miri obbligatorji tal-enerġija rinnovabbli nazzjonali, dawn għandhom ikun konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà. Dawn il-kriterji għandhom l-għan li jipprevjenu l-konverżjoni ta’ żoni b’bijodiversità għolja u b’ħażna għolja ta’ karbonju għall-produzzjoni ta’ materja prima għall-bijofjuwils. Fil-prattika dan ifisser li l-bijofjuwils li jsiru mill-uċuħ tar-raba’ li jkunu tkabbru jew minn artijiet li kienu foresti tropikali jew mergħat naturali b'ekosistema unika ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sostenibbli. Barra minn hekk, l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta' serra tul il-katina kollha tal-produzzjoni jeħtieġ li jkunu mill-anqas 35 % aktar baxxi meta jitqabblu mal-fjuwils fossili. Dak il-limitu għandu jiżdied mal-medda taż-żmien.
Sfond
L-UE stess stabbilixxiet mira li sal-2020 tilħaq sehem minimu ta’ 10 % tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport. Meta jintużaw il-bijofjuwils biex tintlaħaq din il-mira, dawn għandhom jissodisfaw sensiela ta’ rekwiżiti ta' sostenibbiltà. Dan ifisser li l-proċess tal-bijofjuwils ma jistax isir minn żoni li jkollhom valur għoli ta’ bijodiversità, bħalma huma żoni protetti, jew minn żoni li jaħżnu ammont kbir ta’ karbonju, bħall-foresti jew it-torbiera.
Il-kumpaniji jistgħu jagħżlu jekk iridux juru li huma konformi ma’ dawn r-rekwiżiti sostenibbli permezz ta’ sistemi nazzjonali jew billi jingħaqdu ma’ skema volontarja li tkun rikonoxxuta mill-Kummissjoni.
Meta l-Kummissjoni tkun spezzjonat bir-reqqa skema li tkun konformi mar-rekwiżiti sostenibbli u tkun sodisfatta li tkopri b'mod adegwat ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli1, din tagħti r-rikonoxximent tagħha għal ħames snin. Skema bħal din tivverifika fejn u kif jiġu prodotti l-bijofjuwils. Jekk ir-regoli tal-iskema volontarja jkunu ġew osservati, l-iskema tkun tista’ toħroġ ċertifikat għal dak il-prodott.
Wara valutazzjoni dettaljata li għamlet il-Kummissjoni u wara diversi titjibiet, ġew rikonoxxuti l-iskemi li ġejjin:
ISCC (Skema Ġermaniża (iffinanzjata mill-Gvern) li tkopri kull tip ta’ bijofjuwil)
Bonsucro EU (Inizjattiva ta’ diskussjoni għall-bijofjuwils ibbażati fuq il-kannamieli, b’iffokar fuq il-Brażil)
RTRS EU RED (Inizjattivi ta’ diskussjoni għal bijofjuwils ibbażati fuq is-sojja, b’iffokar fuq l-Arġentina u l-Brażil)
RSB EU RED (Inizjattiva ta’ diskussjoni li tkopri kull tip ta’ bijofjuwil)
2BSvs (Skema ta’ industrija Franċiża li tkopri kull tip ta’ bijofjuwil)
RSBA (Skema ta’ industrija għal Abengoa li tkopri l-katina tal-provvista tagħhom)
Greenergy (Skema ta’ industrija għal Greenergy li tkopri l-etanol mill-kannamiela mill-Brażil)
Attwalment, il-Kummissjoni qed tiddiskuti ma’ skemi volontarji oħrajn kif dawn jistgħu jtejbu l-istandards tagħhom sabiex jilħqu r-rekwiżiti ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils.
Aktar tagħrif
L-iskemi rikonoxxuti u r-rapporti tal-valutazzjoni ser jiġu ppubblikati fuq il-Pjattaforma tat-Trasparenza fuq:
http://ec.europa.eu/energy/renewables/biofuels/sustainability_schemes_en.htm
Aktar dettalji dwar l-iskemi li ġew rikonoxxuti llum jistgħu jinstabu fil-MEMO/11/522.
Persuni ta' kuntatt: Marlene Holzner (+32 2 296 01 96) Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89) |
Id-Direttiva 2009/28/KE