Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Injezzjoni ta' EUR 7 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni se twassal għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tkabbir

Brussell, id-19 ta' Lulju 2011 – Illum, il-Kummissarju Máire Geoghegan-Quinn ħabbret injezzjoni ta' madwar EUR 7 biljun biex tingħata spinta lill-innovazzjoni permezz tar-riċerka. L-ikbar pakkett ta' finanzjament ta' din ix-xorta min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, fl-ambitu tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) tal-UE, huwa mistenni li joħloq 174 000 impjieg fuq medda ta' żmien qasir u madwar 450 000 impjieg u EUR 80 biljun fi tkabbir tal-PDG fuq medda ta' 15-il sena1. Il-finanzjament tal-UE għar-riċerka jinsab fuq nett fl-aġenda politika u issa tqiegħed ukoll fil-qalba ta' strateġija koerenti tal-innovazzjoni - l-Unjoni tal-Innovazjoni (IP/10/1288, MEMO/10/473) - li l-Ewropa teħtieġ jekk se tikkompeti ma' pajjiżi kbar u dinamiċi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina.

L-għotjiet se jippromwovu r-riċerka sabiex jiġu indirizzati l-akbar sfidi soċjetali li qed jaffrontaw l-Ewropa u d-dinja. Fost l-aktar minn 16 000 destinatarju ta' finanzjament, se jkun hemm l-Universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-industrija. Se tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs, permezz ukoll ta' pakkett qrib il-EUR 1 biljun. Se jkun hemm ukoll Premju ġdid tal-UE għall-Innovaturi Nisa li l-ħidma tagħhom ġiet iffinanzjata mill-FP7 jew minn programmi ta' qabel. Il-biċċa l-kbira tas-"sejħiet għall-proposti" (stediniet għal offerti għall-finanzjament) se jiġu ppubblikati fl-20 ta' Lulju.

"Illum, l-Ewropa qed terġa' turi l-impenn tagħha li tpoġġi r-riċerka u l-innovazzjoni fuq nett tal-aġenda politika għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-kompetizzjoni madwar l-UE għal dawn il-fondi se tiġbor flimkien l-aqwa riċerkaturi u innovaturi tal-Ewropa sabiex jiġu indirizzati l-ikbar kwistjonijiet ta' żmienna bħall-enerġija, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima, u l-popolazzjoni tagħna li qiegħda dejjem tixjieħ. Il-Kummissjoni qed tipproponi żieda sinifikanti fil-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-programm Orizzont 2020 tagħna għal wara l-2013, u nixtieq nuri minn issa lill-kontribwenti, permezz tas-sejħiet li qed inħabbru llum, id-determinazzjoni tagħna li nieħdu l-aqwa valur minn kull euro", qalet il-Kummissarju Geoghegan-Quinn.

Aktar tagħrif isegwi

Dettalji dwar l-għotjiet

Il-fokus ewlieni tas-sejħiet huwa l-integrazzjoni tar-riċerka mal-innovazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali u jinħolqu impjiegi u tkabbir sostenibbli billi jingħata vantaġġ lill-Ewropa fis-swieq ewlenin tat-teknoloġija tal-futur.

Dan se jintlaħaq billi jiġi pprovdut appoġġ akbar minn qatt qabel lil dawk l-attivitajiet li jnaqqsu d-distakk bejn ir-riċerka u s-suq, pereżempju, billi jintwera li t-teknoloġiji ġodda għandhom potenzjal kummerċjali, jew li jistgħu jitħaddmu fuq skala kbira biżżejjed biex ikunu industrijalment vijabbli. L-approċċ marbut mas-suq huwa wkoll ċentrali għas-Sħubijiet Ewropej tal-Innovazzjoni (European Innovation Partnerships - EIPs) li ġew stabbiliti fl-ambitu tal-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Kull EIP, inkluż il-proġett pilota fuq it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu, se tiġi appoġġata bil-proġetti tal-FP7.

B'kollox, EUR 220 miljun mis-EUR 656 miljun disponibbli għar-riċerka fis-saħħa u EUR 240 miljun mill-finanzjament ta' EUR 1.3 biljun fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) se jiġu allokati lill-ħidma li tindirizza l-isfida li jiġu koperti l-ħtiġijiet ta' popolazzjoni li qed tixjieħ.

Il-bqija tal-finanzjament għall-ICT se jmur lill-iżviluppi ewlenin fl-infrastrutturi tan-netwerks u s-servizzi, fin-nanosistemi u fil-mikrosistemi, fil-fotonika u r-robotika, fil-kontenut diġitali u t-teknoloġiji tal-lingwa, u f'applikazzjonijiet bħall-ICT għas-saħħa u l-ICT għall-effiċjenza enerġetika.

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) se jagħti qrib il-EUR 1.6 biljun lill-aqwa riċerkaturi żgħażagħ u dawk ta' livell ogħla li qed jaħdmu fl-Ewropa. Sabiex jingħalaq id-distakk bejn ir-riżultati u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka fil-fruntiera tal-għarfien, ġiet introdotta inizjattiva ta' "Prova tal-Kunċett" fuq skala żgħira. Inizjattiva oħra hija l-"Għotja tal-KER għas-Sinerġija" li ġiet varata dan l-aħħar biex jingħata appoġġ lil ftit gruppi żgħar ta' riċerkaturi li jaħdmu flimkien fuq l-istess proġett.

Madwar EUR 900 miljun f'appoġġ għall-mobbiltà u l-karrieri tar-riċerkaturi se jiġu mogħtija, permezz tal-'Azzjonijiet Marie Curie', lil madwar 10 000 riċerkatur bi kwalifiki għolja. Dawn jinkludu EUR 20 miljun għal proġett pilota biex jiġu ffinanzjati "Dottorati Industrijali Ewropej" sabiex jiġu stimulati l-intraprenditorija u l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-kumpaniji.

Il-EUR 265 miljun riżervati għar-riċerka fl-ambjent se jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u l-effiċjenza tar-riżorsi.

Bi tweġiba għad-domanda dejjem akbar għal ikel iktar sikur u tajjeb għas-saħħa kif ukoll dik għall-bijoriżorsi, il-Kummissjoni se tinvesti aktar minn EUR 307 miljun fil-bini ta' bijoekonomija b'saħħitha li se ttejjeb il-metodi ta' produzzjoni, toħloq impjiegi ġodda u tipprovdi l-impjiegi.

Se jingħataw inizjattivi speċjali biex jipparteċipaw l-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SME), li huma rikonoxxuti bħala element vitali għall-innovazzjoni. Flimkien ma' regoli ssemplifikati ġodda, il-pakkett ta' investiment ta' madwar EUR 1 biljun għall-SMEs jinkludi skemi pilota kemm fi ħdan it-tema tas-Saħħa kif ukoll permezz tal-"Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju għall-SMEs" tal-Bank Ewropew ta' Investiment.

EUR 488 miljun għan-nanoteknoloġiji se jiffukaw fuq oqsma bħall-fabbriki tal-futur, il-karozzi ekoloġiċi u l-bini enerġetikament effiċjenti.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni għal trasport u mobbiltà aktar nodfa, sikuri u effiċjenti se jingħataw EUR 313 miljun.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni allokat EUR 40 miljun għall-"Inizjattiva tal-Ibliet Intelliġenti" sabiex jinsabu modi aktar effiċjenti ta' kif tintuża l-enerġija u jiġi pprovdut trasport urban.

Sfond

FP7 huwa l-akbar programm ta' finanzjament għar-riċerka li hawn fid-dinja, b'baġit ta' aktar minn EUR 53 biljun għall-2007-2013. L-Istati Membri poġġew ir-riċerka u l-innovazzjoni fuq nett fl-aġenda politika Ewropea, billi adottaw l-istrateġija Ewropa 2020 u approvaw l-Unjoni tal-Innovazzjoni fi Frar ta' din is-sena, biex b'hekk din saret il-pedament għall-pjanijiet ta' investiment fit-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli.

Għal iktar tagħrif: MEMO/11/520, MEMO/11/521

Unjoni tal-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/innovation-union

Ewropa 2020 http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda

Kuntatti:

Mark English (+32 2 296 24 10)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)

1 :

Imsejjes fuq il-mudell NEMESIS li ġie żviluppat mill-Professur (Ecole Centrale Paris Erasme) bħala parti mill-proġett ta' riċerka Ewropew DEMETER.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website