Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-aċċess għal kontijiet bankarji bażiċi u affordabbli għaċ-ċittadini kollha

European Commission - IP/11/897   18/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-aċċess għal kontijiet bankarji bażiċi u affordabbli għaċ-ċittadini kollha

Brussell, it-18 ta' Lulju 2011 - L-aċċess għal kont bankarju sar kundizzjoni elementari biex wieħed ikollu sehem sħiħ fil-ħajja ekonomika u soċjali ta’ soċjetà moderna, u l-użu tal-flus kontanti kulma jmur qed jonqos. Fid-dinja ta' llum, mingħajr aċċess għal kont bankarju, il-ħajja ta' kuljum issir diffiċli u iktar għalja. Kollox, mill-ħlas ta' fattura jew kont tad-dawl, id-dħul tal-paga jew tal-benefiċċji, sax-xiri ta' oġġetti u servizzi, isir sfida. Madankollu, skont stħarriġiet reċenti, madwar 30 miljun konsumatur ta' 'l fuq minn 18-il sena fl-Unjoni Ewropea ma għandhomx kont bankarju. Minn dawn it-30 miljun ċittadin 'bla bank', huwa stmat li bejn 6 u 7 miljun ma għandhomx kont bankarju għaliex iċċaħħdilhom l-aċċess għalih. Minħabba f'hekk, dawn il-persuni s'issa ma jistgħux igawdu bis-sħiħ mis-Suq Uniku.

Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għal kont bażiku ta' ħlas, maħruġa llum mill-Kummissjoni Ewropea, se tkompli trawwem l-inklużjoni finanzjarja u soċjali tal-konsumaturi mal-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-kontijiet isiru disponibbli bi prezz raġonevoli għall-konsumaturi, irrispettivament mill-pajjiż tar-residenza tagħhom fl-UE jew mill-qagħda finanzjarja tagħhom. Fi żmien sena, il-Kummissjoni se tevalwa s-sitwazzjoni u tipproponi aktar miżuri skont il-ħtieġa, inklużi miżuri leġiżlattivi.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "L-aċċess għal kont bankarju bażiku huwa waħda mill-prijoritajiet tal-Att dwar is-Suq Uniku, bil-potenzjal li jtejjeb il-ħajja ta' miljuni ta' Ewropej. Huwa importanti li jitwaqqfu l-prattiki li jeskludu lin-nies mill-aċċess għal servizz tant bażiku u essenzjali, u li b'hekk jingħataw iċ-ċans li jieħdu sehem sħiħ fis-soċjetà li jgħixu fiha u jgawdu l-benefiċċji tas-Suq Uniku."

Sfond

L-elementi ewlenin tal-proposta

L-aċċess għal kont ta' ħlas xieraq: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri tistipula biċ-ċar il-prinċipji fundamentali li għandhom jiddaħħlu fuq il-livell nazzjonali sabiex jiġi garantit l-aċċess għal servizzi ta' ħlas xierqa. Ir-Rakkomandazzjoni tqis li kull konsumatur li jgħix fl-Unjoni, irrispettivament miċ-ċirkustanzi finanzjarji tiegħu, għandu jkollu d-dritt li jiftaħ u juża kont bażiku ta' ħlas, anki fi Stat Membru fejn ma jkunx resident permanenti.

Il-karatteristiċi ta' kont ta' ħlas bażiku: Ir-Rakkomandazzjoni tispeċifika liema servizzi ta' ħlas għandhom jiġu inklużi jew le f'kont bażiku ta' ħlas. Tali kont għandu jippermetti lid-detentur jirċievi, jiddepożita, jittrasferixxi u joħroġ fondi. Għandu jippermetti wkoll l-eżekuzzjoni ta' debiti diretti u trasferimenti ta' kreditu, iżda mingħajr faċilitajiet ta' self kurrenti (overdraft).

Prezz raġonevoli: L-iżgurar tal-aċċess għal servizzi bażiċi ta' ħlas mhuwiex sempliċement kwistjoni tal-għoti ta' dritt. Biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet xierqa ta' pprezzar li jippermettu lill-konsumaturi jkollhom tabilħaqq aċċess għal kontijiet bażiċi ta' ħlas, ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li, jekk il-kont ma jiġix ipprovdut b'xejn, il-prezzijiet mitlubin mill-fornitur tas-servizz ta' ħlas għandhom ikunu raġonevoli. Kull Stat Membru għandu jiddetermina x'jikkostitwixxi prezz raġonevoli, billi jqis kriterji bħal-livell tad-dħul nazzjonali, il-prezzijiet medji għall-kontijiet ta' ħlas, jew il-kostijiet totali tal-forniment tal-kont bażiku ta' ħlas.

Fornituri maħtura ta' servizzi ta' ħlas: Il-biċċa l-kbira mill-fornituri ta' servizzi ta' ħlas – l-iktar il-banek – jipprovdu kontijiet ta' ħlas. Din ir-Rakkomandazzjoni ma tispeċifikax liema kategorija ta' fornitur ta' servizz ta' ħlas jew liema fornituri partikulari ta' servizzi ta' ħlas għandhom iqiegħdu l-prodott għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi fuq il-livell nazzjonali. Jitħalla appuntu f'idejn kull Stat Membru biex jiddeċiedu liema fornitur jew fornituri għandhom joffru l-prodott fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. B'hekk, l-Istati Membri huma ħielsa li jaħtru fornitur wieħed, għadd ta' fornituri, jew il-fornituri kollha ta' servizzi ta' ħlas, bħala fornituri ta' kontijiet bażiċi ta' ħlas.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jvaraw kampanji li jqajmu għarfien fost il-pubbliku dwar id-disponibbiltà ta' kontijiet bażiċi ta' ħlas, il-kundizzjonijiet ta' pprezzar tagħhom, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta' aċċess għal kontijiet bażiċi ta' ħlas, u l-metodi biex jinkiseb aċċess għal mekkaniżmu ta' lmentar u rimedju barra l-qorti. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri wkoll li jdommu statistiċi affidabbli dwar il-kontijiet bażiċi ta' ħlas sabiex jiżguraw monitoraġġ aħjar tas-sitwazzjoni.

Ara wkoll MEMO/11/514.

Għal aktar tagħrif dwar l-attivitajiet tal-UE f'dan il-qasam, ara

http://ec.europa.eu/internal_market/finservices-retail/inclusion_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website