Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/88

Brussell, 27 ta’ Jannar 2011

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta dwar il-modernizzazzjoni tas-Suq Ewropew tal-Akkwist Pubbliku

L-akkwist pubbliku jammonta għal madwar 17 % tal-PDG tal-UE. Matul żminijiet ta' baġits ebsin u diffikultajiet ekonomiċi f'diversi Stati Membri, il-politika dwar l-akkwist pubbliku trid tiżgura l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi, bil-ħsieb li tgħin it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Dan jirrikjedi għodod flessibbli u faċli jintużaw sabiex l-għoti ta' kuntratti trasparenti u kompetittivi jsir kemm jista' jkun faċli kemm għall-awtoritajiet pubbliċi Ewropej kif ukoll għall-fornituri tagħhom. B'dawn l-għanijiet f'moħħha, illum, il-Kummissjoni Ewropea varat konsultazzjoni. Dan id-dibattitu miftuħ mal-partijiet interessati se jiffoka fuq il-modernizzazzjoni tar-regoli, l-għodod u l-metodi biex l-akkwist pubbliku jilħaq dawn il-miri aħjar. L-iskadenza għar-reazzjonijiet għall-Green Paper hija t-18 ta’ April 2011.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, is-Sur Michel Barnier, qal: "Għandna bżonn niċċaraw ir-regoli tal-akkwist pubbliku biex nagħmlu l-ħajja iżjed faċli kemm għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għall-kumpaniji li jagħmlu offerti għal kuntratti fl-Ewropa. Matul il-konsultazzjoni se jingħataw attenzjoni l-aċċess tal-kumpaniji iżgħar għas-swieq tal-akkwist, it-tnaqqis tal-burokrazija jew il-promozzjoni tal-akkwist transkonfinali fl-Ewropa . L-ambizzjoni tiegħi hija wkoll li niżgura li l-akkwist pubbliku jgħin fil-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent."

L-akkwist pubbliku jammonta għal madwar 17 % tal-PDG tal-UE. Huwa essenzjali li dawn is-17 % jitqegħdu għall-aħjar użu possibbli għall-varar mill-ġdid tal-ekonomija tagħna u l-ħolqien tal-impjiegi, iżjed u iżjed f'perjodu ta' kriżi. Il-partjiet interessati esprimew il-bżonn ta' reviżjoni tas-sistema tal-UE tal-akkwist pubbliku sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tagħha u jiġu adattati aħjar għall-isfidi l-ġodda, eż. il-bżonn ta' użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi kif ukoll il-konsiderazzjoni tat-tħassib soċjali u ambjentali.

Il-kumpaniji, speċjalment l-SMEs (stmati li jieħdu bejn 31 % u 38 % f'termini tal-valur totali tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku), għandhom bżonn aċċess aħjar u eħfef għall-kuntratti pubbliċi madwar l-UE biex ikunu jistgħu jieħdu l-benefiċċji kollha ta' suq Ewropew tal-akkwist ta' veru. B'mod simili, l-akkwirenti għandhom bżonn proċeduri sempliċi u flessibbli li jippermettulhom jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-kisba tal-għanijiet komuni tal-istrateġija Ewropa 2020: trawwim tal-innovazzjoni, protezzjoni tal-ambjent, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-esklużjoni soċjali. L-akkwist elettroniku jagħmel il-proċeduri aktar effiċjenti, jagħti aċċess aħjar lill-kumpaniji u jiżgura aktar għażla għall-akkwirenti – id-data ta' skadenza għall-konsultazzjoni dwar l-akkwist-e hija l-31 ta' Jannar 2011 - ara IP/10/1347.

Dwar xiex hija l-konsultazzjoni pubblika?

Il-Green Paper tidentifika għadd ta' oqsma ewlenin għar-riforma possibbli u tistaqsi għall-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar x'bidliet leġiżlattivi jistgħu jsiru. Uħud mill-kwistjonijiet koperti huma li ġejjin:

  • Il-proċeduri attwali hemm bżonn li jiġu ssimplifikati, b'mod partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali żgħar? Kif jista' jsir dan b'mod utli mingħajr ma jhedded il-garanziji essenzjali għat-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fost l-offerenti?

  • Kif nistgħu nnaqqsu l-burokrazija għall-operaturi ekonomiċi, l-aktar l-SMEs? Kif jistgħu jiġu ffaċilitati l-offerti min-naħa għall-oħra tal-fruntieri intra-Ewropej?

  • Taħt liema kundizzjonijiet għandhom il-kuntratti bejn l-awtoritajiet pubbliċi jkunu eżentati mill-applikazzjoni tar-regoli tal-UE tal-akkwist pubbliku?

  • Ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku għandhom jiġu mmodifikati sabiex jippermettu għanijiet politiċi oħrajn, bħall-promozzjoni tal-innovazzjoni jew biex it-tħassib ambjentali jew soċjali jiġi kkunsidrat aktar? Pereżempju, għandu jkun hemm regoli tal-UE li jistabbilixxu l-obbligi biex jinxtraw biss prodotti li jirrispettaw ċerti kundizzjonijiet ambjentali jew li jwarrbu ċertu perċentwali tal-baġit għal oġġetti u servizzi innovattivi? Hemm bżonn ta' regoli apposta għall-akkwist ta' servizzi soċjali ta' interess ekonomiku ġenerali, sabiex ikunu adattati aħjar għall-ispeċifiċitajiet ta' dawn is-servizzi?

  • Għandna bżonn regoli aktar stretti jew salvagwardji aħjar għall-prevenzjoni kontra l-favoritiżmu, il-korruzjoni jew il-kunflitti ta' interess?

  • Kif tista' tiġi ggarantita l-kompetizzjoni effiċjenti fis-swieq tal-akkwist? Pereżempju, kif jista' jiġi evitat l-iżvilupp ta' fornituri dominanti, l-immanuvrar tal-offerti jew il-kondiviżjoni illeċita tas-suq bejn l-offerenti?

  • X'għandu jsir biex jitjieb l-aċċess tal-impriżi Ewropej għal swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi?

Inizjattivi relatati u l-passi li jmiss

Barra mill-Green Paper, il-Kummissjoni fil-preżent qed tiżvolġi evalwazzjoni ex-post komprensiva sabiex tikkalkula l-effiċjenza u l-kost effettività tar-regoli Ewropej preżenti tal-akkwist pubbliku.

Ir-riżultati ta' din l-evalwazzjoni u tal-konsultazzjoni tal-Green Paper se jiġu diskussi f'konferenza ta' livell għoli dwar ir-riforma tal-akkwist pubbliku, ippjanata għat-30 ta' Ġunju 2011 fi Brussell. Il-flussi ta' ħidma kollha ser tiqiesu fi kwalunkwe proposta leġiżlattiva xierqa.

Tagħrif ġenerali

Ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jipprovdu għall-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti filwaqt li jiżguraw it-trasparenza, l-aċċess ekwu u l-kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-suq Ewropew tal-akkwist ta' kuntratti pubbliċi li huma 'l fuq minn ċertu ammont. Il-qafas leġiżlattiv tal-UE attwali għall-Akkwist Pubbliku, id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE, huwa l-aktar pass riċenti f'evoluzzjoni twila li bdiet fl-1971. Dawn id-Direttivi jimmiraw primarjament li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jgawdu l-libertajiet bażiċi (moviment liberu ta' oġġetti, kapital, servizzi u persuni).

Ir-reazzjonijiet għall-Green Paper għandhom jintbagħtu fl-indirizz tal-posta elettronika li ġej:

MARKT-CONSULT-PP-REFORM@ec.europa.eu sa mhux aktar tard mit-18 ta' April 2011.

Il-Green Paper tinsab fuq is-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/modernising_rules/consultations/index_en.htm

Aktar tagħrif dwar l-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku:

http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/index_en.htm

MEMO/11/48.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website