Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit mit-trasport marittimu b'90 %

Brussell, il-15 ta' Lulju 2011 - Il-kwalità tal-arja mistennija titjieb bis-saħħa ta' proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex jitbaxxa l-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils tat-trasport marittimu. Il-proposti għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit b'massimu ta' 90 %, u l-emissjonijiet ta' partikuli fini b'massimu ta' 80%. Il-benefiċċji għas-saħħa pubblika se jgħoddu għal bejn EUR 15-il biljun u EUR 34 biljun, liema ammonti jaqbżu sew l-ispejjeż mistennija, li jistgħu jvarjaw minn EUR 2.6 biljun għal EUR 11-il biljun. Nofs il-popolazzjoni tal-Ewropa tgħix f'żoni fejn l-għanijiet tal-UE għall-kwalità tal-arja għadhom ma ntlaħqux u għalhekk it-tniġġis tal-arja huwa tħassib ambjentali ewlieni għaċ-ċittadini tal-UE.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "It-tniġġis tal-arja ma jiqafx mal-fruntieri. Is-sorsi fuq l-art ilhom għal xi żmien soġġetti għall-attenzjoni tar-regolaturi, u issa wasal iż-żmien li s-settur marittimu jagħti s-sehem ġust tiegħu, l-aktar minħabba l-fatt li l-impatti fuq il-kwalità tal-arja jinħassu lil hinn sew miż-żoni kostali. Din il-proposta hija pass importanti 'l quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja mis-settur tat-trasport marittimu li qiegħed jikber b'rata dejjem aktar mgħaġġla. Se tgħin biex jissolvew il-problemi persistenti tal-kwalità tal-arja li jibqgħu jaffettwaw lil miljuni ta' Ewropej. Hija parti minn aġenda ta' trasformazzjoni li se tħejji lis-settur għall-isfidi tal-ġejjieni."

Il-Viċi President Siim Kallas żied jgħid: "It-traspożizzjoni fil-liġi tal-UE tal-istandards maqbula b'mod unanimu fl-IMO se tkun pass 'il quddiem biex is-sostenibbiltà tat-trasport fuq l-ilma tittejjeb aktar. Ninsab kuntent ħafna li l-proposta tinkludi varjetà ta' miżuri ta' akkumpanjament fuq terminu qasir u medju biex is-settur ikun megħjun jaffronta din l-isfida."

Il-leġiżlazzjoni proposta tirrevedi d-Direttiva dwar il-kontenut tal-kubrit ta' ċerti fjuwils likwidi u tinkorpora l-istandards il-ġodda tal-IMO fil-liġi tal-UE sabiex tiżgura li l-infurzar tagħhom mill-Istati Membri kollha tal-UE isir kif suppost u b'mod armonizzat. Skont il-proposti, il-kontenut massimu permissibbli ta' kubrit tal-fjuwils marittimi f'żoni sensittivi bħall-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana u l-Fliegu Ingliż se jonqos mil-livell preċedenti ta' 1.5 % għal 0.1 %, mill-1 ta' Jannar 2015. Żoni oħra għandhom jiksbu tnaqqis saħansitra ikbar, minn 4.5 % għal 0.5 % sal-1 ta' Jannar 2020.

Il-vapuri se jkunu jistgħu jużaw teknoloġiji ekwivalenti bħal sistemi ta' tindif tal-gass tal-egżost bħala alternattiva għall-użu ta' fjuwils b'livell baxx ta' kubrit. Bidliet oħra importanti li ġew proposti jinkludu rappurtar u verifika aktar unifikati, u dispożizzjonijiet dwar teħid ta' kampjuni li jkunu allinjati mal-istandards internazzjonali. Il-proposta għandha tiddaħħal b'mod gradwali mill-2015 sal-2020. Sadanittant, il-Kummissjoni sejra tiżviluppa, fl-2012, sensiela ta' miżuri fuq terminu qasir u medju fi ħdan il-qafas ta' "Sett ta' Għodod għal Trasport Sostenibbli fuq l-Ilma" biex trawwem trasport marittimu fuq distanzi qosra li jkun sostenibbli u kompetittiv.

Filwaqt li r-regoli l-ġodda sejrin joffru sfidi għas-setturi konċernati, l-użu ta' teknoloġiji ta' tnaqqis alternattivi se jnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż tal-konformità u se jqanqal l-innovazzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi.

Ir-reviżjoni proposta hija sforz sabiex jiġu indirizzati l-problemi persistenti tal-kwalità tal-arja qabel reviżjoni usa', min-naħa tal-Kummissjoni, tal-politika dwar l-arja, li hija ppjanata għal qabel l-2013. Il-proposta hija bbażata fuq konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati u fuq diversi studji rigward l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri ppjanati u l-impatt possibbli tagħhom fuq l-industrija tat-trasport marittimu.

Sfond

Iż-żejt mhux raffinat jiġi pproċessat fi fjuwils distillati bħall-petrol u d-diżil, u residwi bħal żejt tal-fjuwil tqil u bitum. Il-vapuri tradizzjonalment jużaw dawn iż-żjut tal-fjuwil tqal għall-propulsjoni. Żjut tal-fjuwil tqal jista' jkollhom kontenut ta' kubrit sa massimu ta' 5 %; b'paragun ma' dan, il-kontenut ta' kubrit ta' fjuwils użati fi trakkijiet jew vetturi ma jistax jaqbeż 0.001 %.

L-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit jikkawżaw xita aċiduża u jiġġeneraw trab fin. Dan it-trab huwa perikoluż għas-saħħa tal-bniedem, u jikkawża mard tan-nifs u tal-qalb u jnaqqas l-istennija tal-għomor fl-UE b'massimu ta' sentejn.

L-emissjonijiet mis-sustanzi li jniġġsu l-arja bħall-kubrit naqsu tul dawn l-aħħar 20 sena. Madankollu, l-UE tinsab ftit 'il bogħod milli tilħaq l-għan tagħha, jiġifieri livelli ta' kwalità tal-arja li la jikkawżaw impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u lanqas riskji għalihom. Mingħajr azzjoni ulterjuri, l-emissjonijiet marittimi, sal-2020, jistgħu jaqbżu t-total tal-emissjonijiet tal-UE bbażati fuq l-art skont ix-xejriet attwali.

Il-Kummissjoni se twettaq reviżjoni komprensiva tal-Istrateġija tal-UE dwar l-arja sal-2013, u qed tieħu miżuri urġenti fuq terminu qasir biex issolvi l-problemi persistenti li l-Istati Membri qegħdin jaffrontaw biex ikunu konformi mal-istandards tal-kwalità tal-arja, notevolment għat-trab fin magħruf bħala materja partikulata (particulate matter, PM), u għall-ożonu. Din il-proposta biex il-kwalità tal-fjuwils tal-baħar tiġi allinjata mal-istandards l-aktar reċenti maqbula mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali hija waħda minn dawn il-miżuri immedjati.

Għal aktar tagħrif:

Il-proposta tal-Kummissjoni tista' tinstab fuq:

http://ec.europa.eu/environment/air/transport/ships_directive.htm

Għal aktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar l-arja u r-reviżjoni tagħha:

http://ec.europa.eu/environment/air/index_en.htm

http://ec.europa.eu/environment/air/review_air_policy.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website