Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni dwar regoli prattiċi għan-notifika ta’ ksur tad-dejta personali

Brussell, l-14 ta’Lulju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob l-opinjoni tal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, il-fornituri tas-servizzi tal-internet, l-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-partijiet l-oħra interessati dwar jekk hemmx bżonn li jsiru regoli prattiċi oħra biex jiżguraw li l-ksur tad-dejta personali jkunu notifikati b’mod konsistenti fl-UE kollha. Id-Direttiva riveduta dwar il-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ePrivacy) (2009/136/KE), li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2011 bħala parti minn pakkett ta’ regoli ġodda tal-UE tat-telekomunikazzjonijiet, tesiġi li l-operaturi u l-fornituri tas-servizz tal-internet jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-klijenti tagħhom, mingħajr dewmien żejjed, dwar il-ksur tad-dejta personali li jkollhom fil-pussess tagħhom (ara IP/11/622 u MEMO/11/320). Il-Kummissjoni trid tiġbor il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq il-prassi eżistenti u l-esperjenza inizjali bir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet, u wara dan tkun tista’ tipproponi regoli prattiċi addizzjonali biex tagħmilha ċara meta għandhom jiġu rrappurtati każijiet ta’ ksur, x’għandhom ikunu l-proċeduri għar-rapporti u l-format li għandu jintuża. Il-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni jintlaqgħu sad-19 ta’ Settembru. 

Neelie Kroes, Il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Digitali, qalet: "Id-dmir li l-ksur tad-dejta jiġi notifikat huwa parti importanti tar-regoli l-ġodda tal-UE tat-telekomunikazzjonijiet. Iżda jeħtieġ li jkun hemm konsistenza fl-UE kollha sabiex in-negozji ma jkollhomx joperaw f’firxa komplikata ta’ skemi nazzjonali. Nixtieq li nipprovdi l-istess opportunitajiet, li joffru ċertezza lill-konsumaturi u soluzzjonijiet prattiċi lin-negozji."

Il-konsultazzjoni qed tistenna kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet speċifiċi li ġejjin:

  • Ċirkostanzi: kif l-organizzazzjonijiet ikunu konformi, jew biħsiebhom isiru konformi mal-obbligi l-ġodda skont ir-regoli tat-telekomunikazzjonijiet; it-tipi ta' ksur li jwasslu għall-ħtieġa li l-individwu jew l-abbonat jiġi notifikat; u eżempji ta’ miżuri ta’ protezzjoni li bihom id-dejta tista’ ma tinftehimx sew.

  • Proċeduri: l-iskadenza tan-notifika, il-mezzi tan-notifika u l-proċedura għal każ individwali.

  • Format: il-kontenuti tan-notifiki lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-individwi, il-formati standard eżistenti, u l-possibbiltà ta’ format standard tal-UE.

Barra minn hekk, Il-Kummissjoni trid titgħallem aktar dwar il-ksur transkonfinali u l-konformità mal-obbligi tal-UE marbuta mal-ksur tas-sigurtà.

Sfond

L-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u l-fornituri tas-servizz tal-internet għandhom firxa wiesgħa ta’ dejta dwar il-klijenti tagħhom, bħall-isem, l-indirizz, u d-dettalji tal-kontijiet bankarji, flimkien mal-informazzjoni dwar it-telefonati u l-websajts li jkunu żaru. Id-Direttiva dwar il-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika tesiġi li l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u l-fornituri tal-internet jżommu din id-dejta sikura u kunfidenzjali. Madanakollu, xi kultant id-dejta tinsteraq jew tintilef, jew persuni mhux awtorizzati jkollhom aċċess għaliha. Dawn il-każijiet huma magħrufa bħal 'ksur tad-dejta personali'. Skont id-Direttiva riveduta dwar il-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (2009/136/KE), meta jseħħ ksur tad-dejta personali, il-fornitur għandu jirrapporta dan il-ksur lill-awtorità nazzjonali speċifika, normalment l-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta jew ir-regolatur tal-komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, il-fornitur għandu jinforma direttament lill-individwu kkonċernat.

Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli tal-ksur tad-dejta fl-Istati Membri kollha, id-Direttiva dwar il-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika tippermetti lill-Kummissjoni tipproponi 'miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni' – regoli prattiċi biex jikkomplimentaw il-leġiżlazzjoni eżistenti – dwar iċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri għar-rekwiżiti tan-notifika.

Il-passi li jmiss

Jekk, abbażi tal-kontributi irċevuti, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tipproponi miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni, din għandha tikkonsulta lill-Aġenzija Ewropea għan-Netwerks u s-Sigurtà tal-Informazzjoni (ENISA), il-Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni tad-Dejta tal-Artikolu 29 u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta. Ir-regolaturi tal-komunikazzjonijiet għandhom jiġu kkonsultati wkoll, peress li dawn huma awtoritajiet kompetenti għall-ksur tad-dejta f’uħud mill-Istati Membri.

Il-miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jieħdu l-forma ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-'proċedura regolatorja tal-komitoloġija'. Skont din il-proċedura, l-Istati Membri l-ewwel iridu jagħtu l-approvazzjoni tagħhom lill-proposti tal-Kummissjoni, fi ħdan il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet (COCOM). Il-Parlament Ewropew imbagħad ikollu tliet xhur biex jiskrutinizza l-miżuri qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ.

Din il-konsultazzjoni hija separata u distinta mill-proċess kontinwu (ara IP/10/1462 u MEMO/10/542) biex tkun riveduta d-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta ġenerali (95/46/KE).

Aktar informazzjoni

Id-dokument ta’ konsultazzjoni jinsab disponibbli fis-sit:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/data_breach/index_en.htm

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda

Il-websajt ta’ Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site