Navigation path

Left navigation

Additional tools

Green Paper dwar il-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa

European Commission - IP/11/885   14/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Green Paper dwar il-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2011 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet dibattitu dwar il-futur ta’ skemi ta’ promozzjoni u informazzjoni għall-prodotti agrikoli tal-UE. Bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni qed taħdem biex tfassal strateġija aktar immirata u aktar ambizzjuża għall-futur, li se tagħmel aktar ċar għall-konsumaturi – kemm fl-UE u lil hinn minnha – il-kwalità, it-tradizzjonijiet u l-valur miżjud tal-prodotti agrikoli u tal-ikel Ewropew.

Waqt li llum ippreżenta l-Green Paper fi Brussell, Dacian Cioloș il-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali stqarr: "Sabiex inħarsu s-saħħa tal-konsumaturi tagħna, il-bdiewa fl-Ewropa jiffaċċjaw regoli aktar stretti dwar is-sikurezza tal-ikel, il-kundizzjonijiet ambjentali u l-benessri tal-annimali minn dawk tal-kompetituri tagħhom fil-bqija tad-dinja. L-industrija tal-agrikoltura teħtieġ politika ambizzjuża u effettiva ta’ promozzjoni li tisħaq fuq il-valur miżjud tas-settur. Huwa importanti wkoll għall-impjiegi u t-tkabbir Ewropew li s-settur agrikolu u tal-ikel fl-UE ikun jista’ jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu fis-swieq tradizzjonali u dawk emerġenti. Għaldaqstant, għandna nikkunsidraw kif l-aħjar nistgħu nadattaw l-iskemi tagħna biex insostnu din il-mira."

Il-Green Paper tqajjem sensiela ta’ mistoqsijiet b’diversi aspetti u tistieden lill-partijiet interessati kollha – il-konsumaturi, il-produtturi, id-distributuri u l-awtoritajiet uffiċċjali – jagħtu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom sat-30 ta’ Settembru 2011. Abbażi ta’ dan ir-rispons, il-Kummissjoni ser tfassal Komunikazzjoni biex tiġi ppubblikata s-sena d-dieħla, li wara għandha twassal għall-proposti leġiżlattivi.

Il-Green Paper hija maqsuma f’erba’ taqsimiet – il-valur miżjud Ewropew ta’ din il-politika; l-għanijiet u l-miżuri li għandhom jintużaw fis-suq Ewropew, inkluż fis-swieq lokali u reġjonali; l-għanijiet u l-miżuri li għandhom jintużaw fis-swieq tad-dinja; u mistoqsijiet aktar wesgħin dwar il-kontenut u l-ġestjoni tal-politika. Id-diversi mistoqsijiet li tqanqlu,16 b’kollox, fihom aspetti u suġġerimenti differenti li għandhom l-għan li jqanqlu r-reazzjonijiet. Pereżempju, jistaqsu dwar il-ħtiġijiet speċifiċi għall-informazzjoni u l-promozzjoni, kwemm fis-suq tal-UE u kemm fis-suq intern, u liema prijoritajiet għandhom jiġi stabbiliti. Hemm wkoll mistoqsija dwar il-programmi ta’ ħafna pajjiżi, u x’jista’ jsir biex jiġu inkoraġġiti programmi oħra li jkollhom dimensjoni Ewropea akbar.

Sfond

Ir-regoli dwar l-informazzjoni agrikola u tal-ikel u ta’ promozzjoni fl-UE li hemm bħalissa tfasslu fis-snin 80. Dawn ġew adottati matul is-snin, l-aktar biż-żieda fl-għadd ta’ tikketti ta’ kwalità. Il-baġit tal-UE li ntefaq għall-promozzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 kien jammonta għal EUR 50.6 miljun fl-2007, EUR 53.2 miljun fl-2008, EUR 47.4miljun fl-2009, u EUR 47.4 fl-2010. Fis-sistema attwali hemm aktar programmi mmirati għas-suq tal-UE (71% tal-programmi, 74% fil-valur) u madwar 8% huma programmi għal aktar minn pajjiż wieħed. Bejn l-2006 u l-2010, ġew approvati 190 programm, l-aktar skemi ta’ 3 snin, li swew total ta’ EUR 259.4 miljun mill-baġit tal-UE 1. (N.B: Dawn jeħtieġ li jiġu kofinanzjati mill-organizzazzjonijiet parteċipanti u mill-Istati Membri). Kif ukoll, skont ir-regoli stretti li japplikaw, madwar 59% tal-applikazzjonijiet ġew rifjutati matul il-perjodu 2006-2010.

Għal aktar tagħrif

Għal aktar tagħrif u għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni, ara s-sit li ġej:

http://ec.europa.eu/agriculture/promotion/index_en.htm

Contacts :

Roger Waite (+32 2 296 14 04)

Johan Reyniers (+32 2 295 67 28)

1 :

See http://ec.europa.eu/agriculture/prom/com-2010-692_en.pdf : Rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni u promozzjoni (bejn l-2006 u nofs l-2010);


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website