Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE SV FI

IL-KUMMISSJONI EWROPEA – STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-ivvjaġġar bl-annimali domestiċi: Il-Kummissjoni taġixxi biex tipproteġi lill-Istati Membri mid-duda

Brussell, l-14 ta' Lulju 2011 – Il-Kummissjoni llum adottat regolament li jippermetti, b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2012 trattament għall-klieb qabel ma dawn jittieħdu fis-safar lejn Stati Membri li jinsabu f'lista għax huma ddikjarati bħala ħielsa mill-echinococcus.

Il-Finlandja, ir-Renju Unit, l-Irlanda u Malta huma l-Istati Membri li bħalissa jinsabu f'din il-lista.

Biex ikunu fil-lista, l-Istati Membri huma obbligati li jintroduċu programmi ta' sorveljanza u jirrappurtaw darba fis-sena r-riżultati lill-Kummissjoni. Każijiet pożittivi jeħtieġ li jkunu rrappurtati immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Qabel safra lejn wieħed mill-erba' Stati Membri, kelb jeħtieġ li jingħata trattament speċifiku li jkun amministrat minn veterinarju. Id-dettalji tat-trattament għandhom imbagħad jiddaħħlu mill-veterinarju fil-passaport tal-annimal domestiku u s-sid ikun jista' jsiefer bl-annimal domestiku tiegħu bejn 24 siegħa sa ħamest ijiem (120 siegħa) wara li tkun ingħatat il-kura.

Ir-regolament jarmonizza r-rekwiżiti tat-trattament u ż-żmien tal-ivvjaġġar wara t-trattament lejn l-Istati Membri elenkati fil-lista u b'hekk ikun iffaċilitat is-safar tas-sidien tal-annimali domestiċi.

Xi tkun l-Echinococcus?

L-Echinococcus multilocularis hija duda.

Iċ-ċiklu tipiku ta' trażmissjoni tal-parassita fl-Ewropa jinvolvi karnivori li jgħixu fis-salvaġġ bħall-volpijiet, li huma s-sors definittiv tal-parassita u diversi speċijiet tal-mammiferi, l-aktar l-annimali ġerriema żgħar li jservu ta' sors intermedju tal-parassita. L-annimali gerriema jiġu infettati billi huma jibilgħu l-bajd tal-echinococcus li jkun jinsab fil-ħmieġ tal-volpijiet jew il-klieb.

Il-klieb jistgħu jieħdu d-duda meta jieklu annimali gerriema li jkunu infettati. Huma mbagħad iservu ta' sors ta' infezzjoni għall-bniedem u sors ta' kontaminazzjoni tal-ambjent. L-infezzjoni tal-bniedem tissejjaħ alveolar echinococcosis. Hija marda żoonotika rari u hija meqjusa bħala waħda mill-iktar mardiet parasitiċi severi tal-bniedem f'żoni li mhumiex tropikali.

Filwaqt li l-infezzjoni tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali sseħħ fl-emisferu tat-tramuntana, fosthom il-partijiet ċentrali u ta' fuq tal-Ewropa, dan qatt ma kien il-każ f'ċerti żoni tal-Unjoni Ewropea.

Sfond

Skont ir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (magħruf bħala "ir-Regolament tal-Pets"'), klieb, qtates u nemsijiet li jittieħdu bħala pets minn sidhom għal vjaġġ mhux kummerċjali lejn Stat Membru ieħor, għandhom ikunu akkumpanjati b'passaport, jew meta jkunu importati minn pajjiż terz, għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat, u li t-tnejn li huma jagħtu prova li l-annimal għandu tilqima valida ta' kontra r-rabies. Ir-regolament jagħti wkoll żmien ta' tranżizzjoni (li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2011) lill-Finlandja, l-Irlanda, Malta, l-Isvezja u r-Renju Unit biex id-dħul ta' annimali domestiċi fit-territorju rispettiv tagħhom ikun soġġett għal konformità ma' ċerti rekwiżiti addizzjonali rigward ir-rabies, l-echinococcosis jew il-qurdien.

L-Isvezja mhijiex fil-lista tal-Istati Membri li huma ddikjarati ħielsa mill-echinococcus għaliex f'Jannar 2011 irrappurtat l-ewwel każijiet tagħha tal-echinococcus fil-karnivori slavaġ tagħha.

L-azzjoni tal-lum tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-parir tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA). L-EFSA qieset li r-riskju tal-introduzzjoni tal-Echinococcus multilocularis fiż-żoni li huma ħielsa mill-parassita permezz tal-moviment ta' klieb infettati huwa ikbar minn negliġibbli. L-EFSA kkonkludiet li dak ir-riskju jista' jkun ikkontrollat jekk il-klieb miż-żoni endemiċi jkunu ttrattati qabel ma jiddaħħlu fiż-żoni meħlusa mill-echinococcus.

Bis-saħħa tas-setgħat ta' delega tagħha mogħtija lilha bl-Artikolu 290 tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kummissjoni Ewropea llum addottat il-miżuri msemmija hawn fuq. Issa huma se jingħataw għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill – proċedura li tieħu madwar erba' xhur. Jekk ma toġġezzjona ebda istituzzjoni, ir-regolament iddelegat ikun ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Bis-saħħa tal-istess setgħat, il-Kummissjoni llum adottat ukoll regolament iddelegat ieħor li jemenda r-rekwiżiti tekniċi għat-tilqim kontra r-rabies kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 998/2003. Ir-regola l-ġdida tagħmilha ċara li d-data tat-tilqim ma għandhiex tkun qabel id-data ta' meta jitqiegħed il-microchip jew issir it-tattoo u li tkun indikata fil-passaport jew fiċ-ċertifikat tas-saħħa li jkun qed jakkumpanja lill-annimal (fil-każ ta' moviment minn pajjiż terz).

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara:

http://ec.europa.eu/food/animal/liveanimals/pets/index_en.htm

MEMO/09/277

Persuni ta’ kuntatt:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website