Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni: Aktar azzjonijiet tad-dwana jsaħħu l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Brussell, l-14 ta' Lulju 2011 – Fl-2010, id-Dwana tal-UE ħatfet aktar minn 103 miljun prodott mal-fruntieri esterni tal-UE fuq suspett li nkisru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Skont ir-rapport annwali tal-Kummissjoni ppubblikat illum dwar l-infurzar tal-IPR mid-Dwana tal-UE, l-għadd ta' kunsinni miżmuma mid-dwana kważi rdoppja meta mqabbel mas-sena li għaddiet, u tela' minn 43,500 fl-2009 għal kważi 80,000 fl-2010. Ir-rapport tal-lum jagħti statistika dwar it-tip, l-oriġini u l-metodu tat-trasport ta' prodotti li jiksru l-IPR u li jinżammu mal-fruntieri esterni tal-UE. Ir-rapport jindika wkoll, għall-ewwel darba, il-valur tal-oġġetti miżmuma li ġie stmat għal aktar minn biljun euro. L-oġġetti l-aktar miżmuma kienu sigaretti (34%), provvisti għall-uffiċju (9%), prodotti oħrajn tat-tabakk (8%), tikketti u emblemi (8%), ħwejjeġ (7%) u ġugarelli (75%). 14.5% tal-oġġetti miżmuma kienu prodotti għad-djar bħal xampù, sapun, mediċini jew apparat tad-djar (apparat għat-tnixxif tax-xagħar, apparat għat-tqaxxir, partijiet tal-kompjuters) li potenzjalment jista' jkollhom implikazzjonijiet ta' saħħa u sikurezza għall-konsumaturi. Waħda mill-akbar xejriet din is-sena kien l-għadd dejjem jikber ta' oġġetti postali miżmuma.

Algirdas Šemeta, Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Rajna żieda spettakolari fiż-żamma tat-traffiku postali mis-sena li għaddiet 'l hawn: l-għadd tal-każijiet ittriplika minn 15,000 għal aktar minn 48,000 u bosta mill-oġġetti maħtufa kienu mediċini u prodotti għall kura tal-ġisem. Din ix-xejra 'l fuq tirrifletti għadd dejjem jikber ta' xirjiet onlajn." Żied jgħid: "Ipproponejt regoli ġodda f'Mejju li għadda sabiex tikber il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. Il-konsumaturi — kif ukoll id-detenturi tad-drittijiet — jistennew li l-prodotti jkunu ċċekkjati bir-reqqa u siguri. Se nkomplu nżidu l-isforzi tagħna fl-UE u mas-sħab internazzjonali tagħna sabiex naraw li jkun hemm il-livell massimu ta' protezzjoni għall-IPR sew għan-negozji leġittimi sew għall-konsumaturi".

Fir-rigward tal-pajjiżi ta' provenjenza, iċ-Ċina, b'ammont ta' 85% mit-total ta' prodotti li jiksru l-IPR, baqgħet is-sors ewlieni minn fejn jiġu dawn il-prodotti. Minn pajjiżi oħra bħat-Turkija, it-Tajlandja, Ħong Kong u l-Indja ġiet il-biċċa l-kbira ta' ċerti kategoriji ta' prodotti (rispettivament oġġetti tal-ikel, xorb għajr xarbiet alkoħoliċi, kards tal-memorja u mediċini). 90% tal-prodotti kollha miżmuma nqerdu jew inkella nfetaħ każ il-qorti sabiex jiġi ddeterminat il-ksur.

Sfond

Bħalma tisħaq l-Istrateġija 2020 tal-UE, il-ħarsien tal-IPR huwa fil-qalba tal-ekonomija tal-UE u xprun ewlieni għal aktar tkabbir f'oqsma bħar-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa. L-infurzar effettiv tal-IPR huwa essenzjali minħabba li ċerti prodotti ffalsifikati (bħal pereżempju oġġetti tal-ikel, prodotti għall-kura tat-trabi u oġġetti għat-tfal) li jiġu prodotti f'ambjent li mhuwiex irregolat jistgħu jkunu ta' theddida serja għas-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE.

Id-Dwana tal-UE għandha rwol importanti ħafna fiż-żamma ta' prodotti li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali milli jidħlu fis-Suq Intern Ewropew. Bħalissa qed jitwettqu għadd ta' azzjonijiet mill-Kummissjoni sabiex tissaħħaħ is-setgħa tad-Dwana fil-ġlieda kontra dan it-tip ta' kummerċ. Fl-24 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament ġdid dwar l-infurzar doganali tal-IPR, bħala parti minn pakkett komprensiv ta' miżuri IPR (ara IP/11/630, MEMO/11/327).

Kooperazzjoni tajba mas-sħab kummerċjali internazzjonali tista' wkoll tgħin b'mod sinifikanti sabiex tiġi evitata u tinqabad l-esportazzjoni fl-UE ta' oġġetti li jiksru l-IPR. Fl-2009, l-UE ffirmat Pjan ta' Azzjoni maċ-Ċina li jiffoka speċifikament fuq it-titjib tal-kooperazzjoni fl-infurzar doganali tal-IPR. Fl-2010 (IP/09/193), dan il-Pjan ta' Azzjoni ġie estiż sa tmiem l-2012 (IP/10/1079). Il-kooperazzjoni mal-industrija hija wkoll importanti ħafna sabiex jiġi żgurat li oġġetti li jiksru l-IPR ikunu jistgħu jiġu identifikati sew. In-negozji jistgħu jitolbu azzjonijiet doganali speċifiċi meta jkollhom suspett li jkunu qed jinkisru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom, u l-informazzjoni pprovduta mill-industrija tgħin lid-dwana timmira aħjar il-kontrolli tagħha. Il-Kummissjoni fasslet manwal għad-detenturi tad-drittijiet sabiex jgħinhom iressqu dawn it-talbiet, u tibqa' f'kuntatt mill-qrib mas-settur privat sabiex tara fejn jista' jsir aktar titjib fil-kontrolli.

Għar-rapport sħiħ, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/statistics/index_en.htm

Ara wkoll MEMO/11/506

Ritratti disponibbli fuq l-arkivju tal-EbS:

http://ec.europa.eu/avservices/video/videoplayer.cfm?ref=I070427&sitelang=en

Contacts :

David Boublil (+32 2 296 55 73)

Maud Scelo (+32 2 298 15 21)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website