Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tippreżenta għażla ta' toroq li jistgħu jittieħdu biex tiġi stabbilita sistema Ewropea għar-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroristi

Brussell, it-13 ta' Lulju 2011 – B'reazzjoni għas-sejħa li għamlu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni llum adottat Komunikazzjoni li tippreżenta fil-qosor it-toroq ewlenin li jistgħu jittieħdu biex tiġi stabbilita Sistema Ewropea dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (European Terrorist Finance Tracking System, TFTS). Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel rispons għat-talba li saret biex jitħejja qafas legali u tekniku biex tiġi stabbilita sistema bħal din fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström, qalet: "Wara li ġie konkluż il-Ftehim tat-TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni Ewropea biex id-dejta mitluba tinġabar fit-territorju Ewropew. Il-Komunikazzjoni ta' llum tiddeskrivi t-toroq differenti li nistgħu nieħdu u tfittex li tagħti bidu għal dibattitu dwar proposti li jistgħu jsiru fil-futur. Minħabba li jkun meħtieġ li dawn il-proposti futuri jkunu jirrispettaw bis-sħiħ il-jeddijiet fundamentali, u b'mod partikulari li jkunu jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta, għandi l-ħsieb li noqgħod attenta ħafna biex inkun żgura li kwalunkwe miżuri li jistgħu jiġu proposti jkunu meħtiġin u proporzjonati".

TFTS Ewropea għandu jkollha żewġ objettivi ewlenin: L-ewwel nett, is-sistema trid tikkontribwixxi biex jiġi restritt l-ammont ta' dejta personali li tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti. It-tieni nett, trid tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-isforzi biex lit-terroristi jinqatgħalhom l-aċċess għall-finanzjament u għall-materjali, u biex it-tranżazzjonijiet tagħhom jiġu segwiti.

Il-Komunikazzjoni tagħti indikazzjonijiet ċari dwar il-kwistjonijiet ewlenin li jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwarhom qabel ma tkun tista' tiġi stabbilita sistema bħal din. Dawn jinkludu l-ħtieġa li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej, kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta u dwar is-sigurtà tad-dejta, l-ambitu operazzjonali tas-sistema, kif ukoll il-kostijiet.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tippreżenta t-toroq differenti li qed nikkunsidraw f'dan l-istadju, mingħajr ma tindika xi waħda li nippreferu. Issa l-Kummissjoni se tiddiskuti fid-dettall mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew dwar dawn it-toroq qabel ma tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss fuq il-bażi ta' studju bir-reqqa dwar l-impatti.

Sfond

Fit-28 ta' Ġunju 2010, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika ffirmaw il-ftehim dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta dwar messaġġi finanzjarji għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (Il-Ftehim tat-TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti). Fl-istess ħin, il-Kunsill tal-UE talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi, sal-1 ta' Awwissu 2011, "qafas legali u tekniku biex tinġabar id-dejta fit-territorju tal-UE". Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Kummissjoni ħadmet fuq il-possibbiltà li tiddaħħal sistema bħal din. Il-Komunikazzjoni hija l-ewwel pass lejn proposti konkreti.

L-iżviluppar ta' TFTS tal-UE huwa parti minn aġenda usa' sabiex ma jkunx hemm terroriżmu u sabiex iċ-ċittadini Ewropej jitħarsu, kif ġie identifikat fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE li l-Kummissjoni ppreżentat f'Novembru 2010 (IP/10/1535 u MEMO/10/598).

Għal iktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, fuq l-Internet:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq l-Internet:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website