Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea: politika tas-sajd għall-ġejjieni

Commission Européenne - IP/11/873   13/07/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea: politika tas-sajd għall-ġejjieni

Brussell, it-13 ta' Lulju 2011 – Fil-proposta tagħha għal riforma kbira fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet approċċ radikali għall-ġestjoni tas-sajd fl-Ewropa. Il-pjanijiet se jassiguraw kemm l-istokkijiet tal-ħut kif ukoll l-għajxien tas-sajjieda għall-ġejjieni, filwaqt li jtemmu s-sajd żejjed u t-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut. Ir-riforma se tintroduċi approċċ deċentralizzat għall-ġestjoni tas-sajd b'bażi xjentifika skont ir-reġjun u l-baċir tal-baħar, u se tintroduċi standards ta' governanza aħjar fl-UE u fuq livell internazzjonali permezz ta' ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli.

Meta ppreżentat il-proposti, Maria Damanaki, il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qalet: "Jeħtieġ li tittieħed azzjoni issa sabiex l-istokkijiet tal-ħut kollha tagħna jerġgħu lura għal stat b'saħħtu u sabiex nippreżervawhom għall-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-ġejjieni. Is-sajjieda jistgħu jkomplu jistadu u jaqilgħu għajxien diċenti mill-attivatajiet tagħhom biss jekk ikun hemm din il-prekundizzjoni."

Hija żiedet tgħid: "Dan ifisser li rridu nimmaniġġjaw kull stokk bil-qħaqal, nieħdu minnu dak li nistgħu filwaqt li nżommu l-istokk b'saħħtu u produttiv għall-ġejjieni. Dan se jwassal sabiex ikollna qabdiet ikbar, ambjent b'saħħtu u provvista ta' frott tal-baħar sikura. Jekk din ir-riforma ssir b'mod tajjeb, is-sajjieda u l-komunitajiet kostali fl-aħħar mill-aħħar se jkunu f'qagħda ħafna aħjar. U l-Ewropej kollha se jkollhom għażla ikbar ta' ħut frisk, kemm dak imkabbar fis-selvaġġ u kemm dak prodott permezz tal-akkwakultura."

Is-sostenibbiltà u s-soluzzjonijiet fuq terminu ta' żmien twil huma l-punti ewlenin tal-proposti tal-lum li stabbilixxew l-elementi li ġejjin:

  • L-istokkijiet kollha tal-ħut ser ikollhom jitnaqqsu għall-livelli sostenibbli sal-2015, li huwa konformi mal-impenji li ħadet l-UE fuq livell internazzjonali.

  • Se jiġi adottat approċċ ta' ekosistema għas-sajd kollu, bi pjanijiet ta' ġestjoni fuq terminu ta' żmien twil, ibbażat fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

  • Il-ħela tar-riżorsi tal-ikel u t-telf ekonomiku kkawżat bir-rimi lura fil-baħar ta' ħut li ma kellux jinqabad, prattika magħrufa bħala "rimi lura" se tinqata' gradwalment. Is-sajjieda se jkollhom l-obbligu li jħottu l-art il-ħut kollu li jaqbdu.

  • Il-proposti jinkludu wkoll miri ċari u skedi ta' żmien sabiex jieqaf s-sajd żejjed; approċċi bbażati fuq is-suq bħal pereżempju ishma ta' qbid negozjabbli individwali; miżuri għall-appoġġ ta' sajd fuq skala żgħira; titjib fil-ġbir tad-dejta; u strateġiji għall-promozzjoni ta' akkwakultura sostenibbli fl-Ewropa.

  • Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jiksbu tagħrif aħjar dwar il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-prodotti li jixtru.

  • Il-prinċipji u l-għanijiet ġenerali tal-politika se jkunu preskritti minn Brussell, filwaqt li l-Istati Membri se jkollhom jiddeċiedu dwar il-miżuri l-iktar addattati għall-konservazzjoni u japplikawhom. Barra mis-semplifikazzjoni tal-proċess, dan għandu jgħin sabiex is-soluzzjonijiet ikunu jaqblu mal-ħtiġijiet lokali u reġjonali.

  • L-operaturi fis-settur kollu tas-sajd se jkollhom jieħdu huma stess id-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħhom sabiex id-daqs tal-flotta jkun addattat għall-possibbiltajiet tas-sajd. L-organizzazzjonijiet tas-sajjieda se jkollhom rwol iktar b'saħħtu fit-tmexxija tal-provvista tas-suq u fiż-żieda tal-qligħ tas-sajjieda.

  • L-appoġġ finanzjarju se jingħata biss lill-inizjattivi li jirrispettaw l-ambjent u li jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti u sostenibbli. Se jkun hemm mekkaniżmu ta' kontroll strett li se jelimina kwalunkwe finanzjament pervers ta' attivitajiet illegali jew ta' kapaċità żejda.

  • Fi ħdan il-korpi internazzjonali u fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi, l-UE se taġixxi bl-istess mod bħallikieku qed taġixxi fl-Ewropa stess u se tippromwovi governanza tajba u ġestjoni razzjonali tal-baħar fil-bqija tad-dinja.

Sfond

Is-sajd fl-UE huwa affettwat minn bosta problemi li huma marbutin bejniethom. Il-biċċa l-kbira tal-ħut qed jiġu mistada żżejjed minn flotta tas-sajd li hija wisq kbira u wisq effiċjenti. Minn sena għall-oħra, il-qabdiet dejjem jonqsu u l-komunitajiet kostali, li ħafna drabi jiddependu fuq is-sajd, jaraw l-opportunitajiet ekonomikċi tagħhom jgħibu fix-xejn. Fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-mexxejja politiċi x'aktarx li jiffavorixxu interessi b'perjodu ta' żmien qasir iktar milli l-konservazzjoni fuq perjodu ta' żmien twil; u approċċ leġiżlattiv minn fuq għal isfel minn Brussell sa issa ta ftit inċentiv lis-settur biex iġib ruħhu b'mod responsabbli u biex jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli tar-riżorsi.

F'April 2009, sar Green Paper li analizza n-nuqqasijiet tal-politika attwali u fetaħ konsultazzjoni pubblika li damet sejra sal-aħħar tal-2010. Kontributi għall-konsultazzjoni u l-konklużjonijiet minn bosta avvenimenti tal-partijiet interessati kkontribwixxew għat-tħejjija tal-pakket ta' riforma tal-lum, li jikkonsisti minn dawn il-komponenti li ġejjin:

  • Proposta leġiżlattiva għal Regolament ġdid li jistabbilixxi r-regoli ewlenin tal-PKS

  • Proposta leġiżlattiva għal Politika tas-Suq ġdida

  • Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS.

  • Komunikazzjoni ġenerali li tispjega r-rabtiet bejn dawn ta' fuq

Dan il-pakkett il-ġdid qed jitressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni). Il-Kummissjoni qed timmira biex il-qafas il-ġdid jiġi adottat u jidħol fis-seħħ sal-1 ta' Jannar 2013.

Iktar tard din is-sena il-Kummissjoni qed tippjana li tressaq mekkaniżmu għal finanzjament ġdid għall-politika marittima u tas-sajd, skont il-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

Għal iktar tagħrif:

Contacts :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site