Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar l-aħjar mod kif nistgħu nisfruttaw l-opportunitajiet tat-TV u tal-films fl-era tal-onlajn

Brussell, it-13 ta' Lulju – It-teknoloġija diġitali u l-internet qed ibiddlu b'mod rapidu l-mod kif ix-xogħlijiet awjdoviżivi huma prodotti, ikkumerċjalizzati, u ddistribwiti. Il-konsumaturi qegħdin dejjem aktar jistennew li se jkunu jistgħu jaraw kwalunkwe ħaġa, fi kwalunkwe post u fi kwalunkwe ħin u permezz ta' kwalunkwe wieħed mid-diversi tagħmir (it-TV, il-kompjuter personali, console għal-logħob, tagħmir tal-midja bil-mowbajl). Il-mudelli tan-negozju se jkollhom jevolvu b'mod rapidu biex ilaħħqu mal-bidla teknoloġika li kulma jmur dejjem tiżdied fil-ħeffa tagħha u li toffri opportunitajiet ġodda għad-diżinjaturi u d-distributuri kif ukoll aspettattivi godda għall-konsumaturi u fl-aħħar mill-aħħar aktar tkabbir u impjiegi.

Biex tiġbor l-opinjonijiet dwar kif l-Ewropa tista' tisfrutta dawn l-opportunitajiet u tavviċina suq uniku diġitali, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Green Paper dwar l-inizjattiva tal-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier, bi ftehim mal-Viċi-President għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes u Androulla Vassilliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwaliżmu u ż-Żgħażagħ. Il-Green Paper isservi bħala l-bażi għal dibattitu dwar jekk hemmx il-ħtieġa li l-qafas regolatorju jiġi adattat u kif dan għandu jsir bil-għan li jippermetti lill-industrija Ewropea tiżviluppa mudelli ġodda tan-negozju, id-diżinjaturi jsibu kanali ta' distribuzzjoni ġodda u l-konsumaturi Ewropej jkollhom aċċess aħjar għall-kontenut madwar l-Ewropa kollha. Qed jintalbu l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha dwar id-diversi aspetti tad-distribuzzjoni onlajn u tax-xogħlijiet awdjoviżivi bħal pereżempju l-films, id-dokumentarji, id-drammi televiżivi, il-kartoons eċċ. It-tweġibiet għandhom jaslu sat-18 Novembru 2011.

Il-Kummissarju Barnier qal "Irrid niżgura li l-Ewropej ikunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet li qed joffri l-internet. Huwa importanti għalija li nisma' l-opinjonijiet tal-partijiet involuti kollha kkonċernati – id-diżinjaturi, l-artisti, il-produtturi, id-distributuri u l-konsumaturi. Ir-riżultati ta' din il-konsulatazzjoni se jagħtu kontribut sinifikanti lill-inizjattivi li qed inħejji, inkluża proposta leġiżlattiva dwar il-ħruġ ta liċenzji kollettivi għad-drittijiet tal-awtur, analiżi dwar il-qafas stabbilit bid-Direttiva tal-2001 dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni, u reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Proprjetà Intelletwali.""

Il-Green Paper teżamina firxa sħiħa ta' kwistjonijiet:

  • Tevalwa r-ritmu tal-bidla li s-settur awdjoviżiv għaddej minnu bħalissa bħala parti mir-rivoluzzjoni tal-internet u l-aħjar mod kif jistgħu jiġu ttratati l-isfidi li din il-bidla tqajjem kif ukoll l-aħjar mod kif għandhom ikunu sfruttati l-opportunitajiet li suq uniku diġitali joffri lid-diżinjaturi, lill-industrija u lill-konsumaturi, bħall-mudelli ġodda ta' negozju, aktar servizzi onlajn u rimunerazzjoni aħjar għad-detenturi tad-drittijiet.

  • Tiddiskuti l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għad-distribuzzjoni onlajn tas-servizzi awdjoviżivi tal-midja. Hemm il-ħtieġa ta' valutazzjoni tal-firxa tal-problemi li jeżistu f'dan ir-rigward, in-natura preċiża ta' dawn il-problemi u l-alternattivi ta' politika li jistgħu jitqiesu b'rabta ma' dawn.

  • Tressaq il-mistoqsija jekk għandhomx jittieħdu miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE li jiżguraw ir-rimunerazzjoni adegwata tal-atturi u tal-artisti relatata mal-użu onlajn tax-xogħlijiet u l-ispettakli li għalihom huma d-detenturi tad-drittijiet.

  • Tittratta wkoll l-użi speċjali partikolari tax-xogħlijiet awdjoviżivi bħall-missjonijiet tal-politika pubblika tal-istituzzjonijiet tal- partimonju ċinematografiku u l-aċċess ta' persuni b'diżabbiltà għal materjal kulturali.

Ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni se jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal miżuri li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE, lill-fornituri tas-servizz tal-kontenut onlajn u lid-detenturi tad-drittijiet jibbenefikaw mill-potenzjal kollu ta' suq uniku diġitali, u jikkontribwixxu wkoll għall-proposta mistennija mill-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet.

Sfond

L-industriji kulturali fl-Ewropa, inkluż is-settur awdjoviżiv, jikkostitwixxu kontribut sinifikanti lill-ekonomija tal-UE, billi joħolqu madwar 3% tal-PDG tal-UE - li jikkorispondi għal valur tas-suq annwali ta' EUR 500 biljun – u billi jimpjegaw madwar 6 miljun ruħ. Barra minn hekk, is-settur għandu rwol importanti fit-trawwim tal-innovazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tat-tagħmir u n-netwerks. Globalment l-UE tirreġistra t-tieni l-ogħla ċifra tat-telespettaturi, tipproduċi aktar films minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja u hija l-bażi għal aktar minn 500 servizz tal-vidjo onlajn.

Il-programm MEDIA tal-Kummissjoni Ewropea qed jinvesti EUR 755 miljun fl-industrija Ewropea tal-films fil-perjodu 2007-2013 (mill-bidu tiegħu fl-1991, ingħataw iktar minn EUR 1.5 biljun). L-għan huwa li jtejjeb id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-films Ewropej u jsaħħaħ il-kompetittività tas-settur. L-objettivi tiegħu jinkludu l-appoġġ għad-distribuzzjoni onlajn tax-xogħlijiet awdjoviżivi permezz, pereżempju tal-pjattaformi tal-vidjo on demand. Ara http://ec.europa.eu/culture/media/programme/newtech/vod_dcc/list/index_en.htm

Il-Green Paper tal-Kummissjoni hija ppubblikata fil-kuntest ta' L-Istrateġija Ewropea 2020, li timmira li tistimola t-tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa, l-Att dwar is-Suq Uniku1 u l-istrateġija parallela tal-Kummissjoni dwar id-Drijttijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ara IP/11/630) u L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581).

Ara wkoll (MEMO/11/502).

Il-konsultazzjoni hija disponibbli fuq dan il-link:

http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2011/audiovisual_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes +32 2 296 44 50

Carmel Dunne +32 2 299 88 94

Catherine Bunyan +32 2 299 65 12

1 :

"L-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja; Flimkien għal tkabbir ġdid", COM/2011/0206 finali, it-13 ta' April 2011


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website