Navigation path

Left navigation

Additional tools

LVMH Moët Hennessy Louis Vuitton ħadet impenn favur l-ilħuq tal-objettiv tal-UE biex ikun hemm bilanċ bejn is-sessi

European Commission - IP/11/859   12/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

LVMH Moët Hennessy Louis Vuitton ħadet impenn favur l-ilħuq tal-objettiv tal-UE biex ikun hemm bilanċ bejn is-sessi

Brussell, 12 ta’ Lulju 2011 – Illum LVMH Moët Hennessy Louis Vuitton iffirmat l-“Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej”, billi volontarjament ħadet l-impenn li żżid il-parteċipazzjoni femminili fil-bordijiet ta' diriġenti għal 30% sas-sena 2015 u għal 40% sas-sena 2020. Fl-istess ħin, tliet kumpaniji Griegi (G. Kallimanis SA, G. Leoussis SA u Trofodotiki Aigaiou SA) u kumpanija Belġjana (Schellter Strategy Consulting) taw eżempju huma wkoll billi ffirmaw l-Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej.

F’kumment tagħha dwar is-sħubija ta’ LVMH fl-Impenn, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding qalet: “Nilqa’ tajjeb ħafna l-eżempju b'saħħtu li qed tagħti LVMH billi ssieħbet fl-objettivi tal-UE biex ikun hemm iktar bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet ta’ diriġenti. LVMH qed issegwi standards għoljin u qed turi li l-impenn tagħha biex ikun hemm bilanċ bejn is-sessi huwa wieħed sod, u nħeġġeġ ħafna lil kumpaniji pubbliċi oħrajn biex isegwu dan l-eżempju malajr. Li jkun hemm iktar nisa fuq il-bordijiet huwa kruċjali għan-negozju u jagħmel tajjeb għall-ekonomija. Wasal iż-żmien li l-kumpaniji kollha jifhmu dan u jieħdu azzjoni fir-rigward. F’Marzu 2012 se nagħmel valutazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk ma narax miżuri awtoregolatorji kredibbli se nkun lesta li nieħu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa fuq il-livell tal-UE."

Chantal Gaemperle, il-Viċi President Eżekuttiv ta’ LVMH, li hija responsabbli mir-Riżorsi Umani qalet : “Id-diversità hija parti mid-DNA ta' LVMH u hemm preżenza femminili f’kull livell tal-kumpanija. Dan l-Impenn jirrifletti l-impenn ta’ LVMH biex tilħaq l-ogħla standards fl-attivitajiet kollha tagħha. L-iffirmar ta' dan l-Impenn tal-UE huwa pass naturali għall-Grupp, bħala mexxej fil-qasam tat-tkabbir u l-innovazzjoni fost l-Industriji Kulturali u Kreattivi tal-Ewropa. Nappoġġjaw bis-sħiħ il-metodu ta’ awtoregolamentazzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-sessi li qed tadotta l-Kummissarju Reding u għalhekk huwa bi pjaċir li nuru dan l-appoġġ permezz tal-impenn li qed nieħdu llum.”

Kuntest

Fi żmien meta l-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ, in-nisa huma kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv ta’ impjiegi ta’ 75% tal-Ewropa 2020 (ara IP/10/225). Jeħtieġ li jsiru sforzi konġunti mill-gvernijiet, mill-imsieħba soċjali u minn negozji biex titjieb is-sitwazzjoni attwali.

Fl-ikbar kumpaniji Ewropej in-nisa jirrappreżentaw biss 12% tal-membri tal-bord superviżorju u f’97% tal-każijiet il-president tal-bord ikun raġel. F'dawn l-aħħar snin il-progress kien miexi bil-mod ħafna: matul dawn l-aħħar seba’ snin is-sehem tal-parteċipazzjoni femminili fil-bordijiet fl-UE żdied bi ftit aktar minn nofs punt perċentwali fis-sena. B’din ir-rata, sakemm ma titteħidtx azzjoni, se jkun jeħtieġ li jgħaddu 50 sena oħra qabel ikun hemm bilanċ raġonevoli (mill-inqas 40% minn kull sess) fuq il-bordijiet ta’ sorveljanza. Sadanittant, il-kumpaniji kkwotati fil-borża fl-UE qed ikomplu jitilfu t-talent femminili.

Fl-1 ta’ Marzu l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Reding iltaqgħet mad-diretturi eżekuttivi u mal-presidenti tal-bordijiet ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża biex tiddiskuti n-nuqqas ta’ rappreżentanza femminili fil-bordijiet ta’ diriġenti. Hija sfidat lill-kumpaniji kollha kkwotati fil-borża fl-Ewropa biex jiffirmaw l-“Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej” u jimpenjaw ruħhom li volontarjament iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bordijiet ta’ diriġenti għal 30% sas-sena 2015 u għal 40% sas-sena 2020 (ara IP/11/242 u MEMO/11/124).

L-“Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej” huwa disponibbli fuq il-websajt tal-Viċi President Reding. Dan se jgħin fil-monitoraġġ tal-ħidma tal-kumpaniji biex jattiraw iktar nisa fl-ogħla karigi. Kull kumpanijia kkwotata fil-borża tista’ tiffirma dan l-impenn u tagħti ta' eżempju tajjeb. F’Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea se tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni u tiddeċiedi dwar il-passi suċċessivi.

Il-pajjiżi u l-kumpaniji tal-UE ħadu diversi miżuri biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni: minn “miżuri ħfief” bħal kodiċijiet u karti ta’ tmexxija korporattivi sa miżuri leġiżlattivi, bħal kwoti marbuta mas-sess tal-persuni (in-Norveġja, l-Islanda, Spanja, Franza u dan l-aħħar il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Italja u l-Belġju).

Informazzjoni dwar il-firmatarji l-ġodda tal-Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej

LVMH Moët Hennessy Louis Vuitton, magħrufa bħala LVMH, hija kumpanija possedenti kbira bbażata fi Franza li twaqqfet fl-1987 u li tmexxi grupp internazzjonali ta’ kumpaniji li jaħdmu prinċipalment fil-qasam tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ inbid, spirti, kożmetiċi, arloġġi, fwejjaħ, ġojelli u oġġetti tal-moda lussużi u tad-ditta. LVMH topera wkoll fil-qasam tal-finanzi, tal-mużika, tal-arti, tal-pubblikazzjoni u tal-kummerċ.

Iċ-ċifri ewlenin fir-rigward tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi f'LVMH:

  • 61% tal-persuni eżekkuttivi fil-grupp u fil-fergħat tiegħu huma nisa

  • fl-2010 73% tal-impjegati li ingħataw kariga ogħla kienu nisa

  • 30% tal-membri tal-kumitati eżekuttivi fid-ditti huma (Comités de Direction des Maisons)

  • nisa (Comités de Direction des Maisons)

  • 8 ditti tal-Grupp huma mmexxija minn nisa (Krug, Loewe, Dior Watches, Kenzo Perfumes, Acqua di Parma, Pucci, Givenchy Couture, Fendi & Pucci Perfumes)

Il-Grupp ta Kumpaniji Kallimanis huwa ditta Griega attiva fis-suq tal-frott tal-baħar għal dawn l-aħħar 50 sena. G. Leoussis SA, li twaqqfet fl-1978, hija kumpanija ta’ esportazzjoni kif ukoll ir-rappreżentant esklussiv ta’ strumenti mediċi u prodotti farmaċewtiċi fil-Greċja u f’Ċipru. Trofodotiki Aigaiou SA (Reġjun Amministrattiv ta’ Attiki) hija rappreżentant lokali u bejjiegħ bl-ingrossa ta’ prodotti tas-supermarkets. Schellter Strategy Consulting hija kumpanija ta’ konsultazzjoni maniġerjali bbażata fil-Belġju.

Għal iktar informazzjoni

Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/womenpledge/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Il-Kummissjoni Ewropea, bażi ta' dejta dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/database/index_en.htm

LVMH:

http://www.lvmh.fr/lvmhetvous/pg_lvmhetvous.asp?contentid=EllesVMH&rub=15&srub=5

ANNESS

Contacts :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website