Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tgħid li l-fondi addizzjonali għall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kreattività se jagħtu spinta lill-impjiegi

Brussell, il-11 ta' Lulju 2011 – Bħala parti mill-istrateġija tagħha għat-tisħiħ tal-impjiegi, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tirdoppja l-għadd ta' żgħażagħ, għalliema u riċerkaturi li jieħdu għotjiet mill-UE għall-istudju u t-taħriġ barra minn pajjiżhom, minn 400 000 persuna kull sena kif qiegħda llum sa madwar 800 000 fil-ġejjieni. Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou, f'konferenza tal-istampa llum qalet li dan huwa wieħed mill-obbjettivi ewlenin taż-żieda sinifikanti fl-investiment tal-UE għall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kreattività proposta mill-Kummissjoni fil-pjan tagħha tal-baġit għall-2014-2020. It-titjib fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, u li n-nies jirċievu l-għajnuna li jeħtieġu biex jiksbu l-ħiliet adatti huma kruċjali biex tiġi ssodisfata d-domanda tal-futur għall-impjiegi u għall-ġlieda kontra l-faqar. Aktar investiment fl-industriji kreattivi jsaħħaħ ukoll l-opportunitajiet tal-impjiegi f'settur li jirrappreżenta 4,5% tal-PDG u 3,8% tal-impjiegi.

Waqt it-tnedija ta' rapport ġdid dwar il-politika letterarja ("Teaching Reading in Europe" ara IP/11/846, il-Kummissarju Vassiliou kkumentat: "Dan il-baġit huwa aħbar tajba għan-nies u l-organizzazzjonijiet li huma attivi fl-edukazzjoni, fil-kreattività u fl-innovazzjoni. L-investiment f'dawn l-oqsma huwa wieħed mill-aqwa pjanijiet tan-negozju u l-impjiegi għall-ġejjieni tal-Ewropa. Aħna nixtiequ nħeġġu aktar nies biex jieħdu l-opportunità jistudjaw, jaħdmu jew jagħmlu xogħol volontarju barra minn pajjiżhom għax din l-esperjenza hija prezzjuża ħafna għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-prospettivi tal-impjiegi. Aħna qed nikkonċentraw fuq il-miżuri li jiksbu valur miżjud u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv."

Bħala parti mill-proposta tal-Kummissjoni, programm ġdid għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ se jalloka EUR 15,2 biljun (+73%) fi żmien seba' snin. Minbarra li jżid l-għotjiet għall-istudju u t-taħriġ, dan se jkollu l-għan li jsostni l-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni, li jkun hemm aktar kooperazzjoni transkonfinali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u r-riformi tal-politika. Din hija l-akbar żieda fil-baġit propost u tenfasizza l-prijorità li ngħatat lill-investiment fl-għarfien għall-ġejjieni fl-Ewropa.

Il-programm il-ġdid "Ewropa Kreattiva" li jgħaqqad l-iskemi Kultura, MEDIA u MEDIA Mundus flimkien se jsostni s-setturi kulturali u kreattivi b'baġit ta' EUR 1,6 miljun (+37%). Se tingħata attenzjoni partikolari fuq l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi li joperaw bejn il-fruntieri u li għandhom rabta kbira mal-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Azzjonijiet Marie-Curie, li jsostnu l-ħiliet, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-karrieri tar-riċerkaturi, se jkunu parti mill-istrateġija l-ġdida tal-UE "Orrizont 2020" għar-riċerka u l-innovazzjoni, li se tirċievi EUR 80 biljun (+46%) fil-proposta tal-baġit. L-għan huwa li tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-Ewropa u tgħin biex jinħolqu l-impjiegi u l-ideat tal-ġejjieni.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti dettaljati għall-programmi l-ġodda fil-ħarifa.

Sfond

L-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ

Bħalissa, madwar 400 000 żgħażugħ, student, għalliem u riċerkatur qegħdin jibbenefikaw mill-għotjiet tal-UE għall-istudju, it-taħriġ u x-xogħol volontarju barra minn pajjiżhom kull sena. Iżda t-talba għall-postijiet hija kbira ħafna u waħda minn kull żewġ applikazzjonijiet tiġi rrifjutata minħabba riżorsi insuffiċjenti. Il-programm il-ġdid se jippermetti li l-UE ssostni sa 800 000 persuna kull sena. Dan l-investiment se jagħti wkoll spinta għall-immodernizzar tal-universitajiet, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u l-iskejjel.

Il-programm se jagħti lill-UE l-mezz li bih tkun tista' ssostni l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol. Dan se jippermetti lill-UE tgħin lill-Istati Membri biex ifasslu u japplikaw politiki u riformi effettivi tal-edukazzjoni u jittrasferixxu approċċi innovattivi lill-oħrajn. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, tiżviluppa, programm li jipprovdi self garantit għall-istudenti tal-Masters li qed jagħmlu kors integrali barra minn pajjiżhom. Din l-iskema "Erasmus għall-Masters" se tindirizza nuqqas fis-sostenn finanzjarju attwali.

Il-programm għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ se jinkludi wkoll programm sekondarju għall-isport li jiffoka fuq l-indirizzar tad-theddid transnazzjonali bħad-doping, il-vjolenza u r-razziżmu fl-isport, fuq l-iżvilupp ta' karrieri doppji għall-atleti u fuq is-sostenn tal-organizzazzjonijiet bażiċi.

Ewropa Kreattiva

Il-programm "Ewropa Kreattiva" se jgħin biex il-wirt kulturali jiġi ppreservat u biex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet kreattivi ġewwa u barra l-UE. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll strument finanzjarju, immexxi mill-Bank Ewropew tal-Investiment, biex jipprovdi finanzjament ta' dejn u ekwità għall-industriji kulturali u kreattivi. Il-programm se jkollu rwol importanti fit-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, fil-promozzjoni tat-tagħlim minn pari u biex jagħmel lil dawn is-setturi aktar professjonali.

L-effett tas-sostenn tal-UE fis-settur tal-kreattività huwa li jagħti spinta sinifikanti liż-żieda fl-investiment pubbliku u privat. Din ittejjeb il-kompetittività, speċjalment fost in-negozji ż-żgħar, tgħin fil-ħolqien ta' opportunitajiet għall-impjiegi u tikkontribwixxi għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp lokali u reġjonali.

Aktar valur għall-flus

Il-programmi tal-UE eżistenti għall-edukazzjoni u ż-żgħażagħ irnexxilhom isaħħu l-mobbiltà. Pereżempju, 2,5 miljun student ibbenefikaw mill-għajnuna tal-UE għall-istudji u għal postijiet ta' xogħol f'kumpaniji f'pajjiżi oħra permezz tal-programm Erasmus.

Il-finanzjament permezz tal-programmi l-ġodda se jiġi kkomplementat b'sostenn sinifikanti għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kultura permezz tal-"Orizzont 2020" u l-Fondi Strutturali. Pereżempju, fil-baġit attwali (2007-2013), madwar EUR 72,5 biljun qed jiġi allokat għall-edukazzjoni u t-taħriġ fir-reġjunijiet kollha tal-Ewropa, u fil-ġejjieni, wieħed jista' jistenna livelli simili ta' nfiq.

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website