Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-regoli biex tiġġieled drogi ġodda sintetiċi

Brussell, il-11 ta’ Lulju 2011 – Hija meħtieġa azzjoni iktar qawwija madwar l-Unjoni Ewropea biex tiġi ttrattata l-problema li dejjem qed tikber ta’ drogi ġodda sintetiċi li qed jidħlu fis-suq, skont rapport maħruġ illum mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-2010 l-UE identifikat numru rekord ta’ 41 sostanza psikoattiva ta' dan it-tip - li jimitaw l-effetti tad-drogi perikolużi bħall-estasi jew il-kokaina u huma mibjugħa legalment - żieda mill-24 tas-sena ta’ qabel. Id-drogi, li jistgħu jkunu perikolużi daqs is-sostanzi projbiti, huma ħafna drabi mibjugħin fuq l-internet u fi ħwienet speċjalizzati. Ir-rapport jivvaluta r-regoli attwali tal-UE dwar it-trattament ta’ drogi psikoattivi. Il-Kummissjoni tippjana li ssaħħaħ dawn ir-regoli biex tiprevjeni tali sostanzi perikolużi milli jinbiegħu liberalment fis-suq.

Skont stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru ppublikat illum, is-sostanzi ġodda li jimitaw l-effetti tad-drogi illeċiti qed isiru dejjem iktar popolari b’5% taż-żagħażagħ Ewropej jammettu li użawhom. Iċ-ċifri huma l-ogħla fl-Irlanda (16%), segwita mill-Polonja (9%), il-Latvja (9%), ir-Renju Unit (8%) u l-Lussemburgu (7%). L-Ewrobarometru jiżvela li madwar is-27 Stat Membru, maġġoranza kbira ta’ dawk bejn il-15 u l-24 sena huma favur il-projbizzjoni ta’ dawn is-sostanzi.

“Drogi ġodda sintetiċi qed jsiru ferm disponibbli b’rata mgħaġġla bħal qatt qabel fl-Ewropa. Jistgħu jkunu tossiċi, iwasslu għal dipendenza u jkollhom effetti negattivi fuq medda twila ta żmien,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. Jeħtieġ li nieħdu azzjoni fuq livell tal-UE u nipproteġu lil uliedna. Is-sistema attwali għad-detezzjoni ta’ dawn id-drogi ġodda mhix tajba biex tiffaċċja ż-żieda kbira fl-għadd ta’ sostanzi fis-suq. Huwa għalhekk li dawn ir-regoli jridu jissaħħu biex niżguraw li ż-żgħażagħ ma jaqawx fin-nassa li jużaw drogi perikolużi. Irridu niżguraw li l-qafas leġiżlattiv tagħna li jittratta dawn is-sostanzi jkun b‘saħħtu u effettiv.”

Rapport tal-valutazzjoni It-trattament tas-sostanzi ġodda psikoattivi

Ir-rapport tal-lum jivvaluta l-mekkaniżmu tal-UE biex taffronta s-sostanzi ġodda psikoattivi li deħlin fis-suq Ewropew. Il-mekkaniżmu, mwaqqaf fl-2005, jinvolvi twissijiet bikrin dwar sostanzi ġodda bejn l-Istati Membri tal-UE, valutazzjoni tar-riskju u, potenzjalment, miżuri ta’ kontroll mal-Ewropa kollha.

Dan ir-rapport jgħid li s-sistema ta’ twissija bikrija taħdem sew, iżda l-mekkaniżmu ġenerali bata biex ilaħħaq mal-għadd kbir ta’ sostanzi ġodda li deħlin fis-suq. Pereżempju, huwa faċli għan-nies li jduru mal-miżuri attwali ta’ kontroll u joħolqu drogi ġodda li jistgħu jkunu huma legali iżda għandhom effetti danneġġanti serji. Is-sistema kurrenti nieqsa wkoll minn firxa ta’ għażliet effettivi għall-miżuri ta’ kontroll.

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra modi varji biex tagħmel ir-regoli tal-UE iktar effettivi, bħal għażliet alternattivi għas-sanzjonijiet kriminali, mezzi ġodda ta’ monitoraġġ tas-sostanzi li jikkawżaw preokkupazzjonijiet u l-allinjament tal-miżuri ta’ kontroll tad-drogi ma’ dawk għas-sikurezza tal-ikel u l-prodotti. Fil-ħarifa, il-Kummissjoni se tippreżenta serje ta’ għażliet f’dan ir-rigward.

Fir-rapport ġie konkluż li s-sostanzi psikoattivi ġodda qed isiru disponibbli ħafna fl-Ewropa b’rata mgħaġġla bħal qatt qabel. Mill-2005 s’issa kienu rraportati 115-il sostanza. Fl-2010, ġie rapportat numru rekord ta’ 41 droga ġdida, żieda minn 24 fl-2009 u 13 fl-2008. Dawn kienu jinkludu sostanzi bbażati fuq il-pjanti, derivattivi sintetiċi ta’ drogi stabbiliti sew, u l-hekk imsejħa ‘designer drugs’.

Is-sostanzi ġodda psikoattivi qed isiru dejjem iktar problema globali. Waqt li l-użu tad-‘drogi tradizzjonali' bħall-kokaina, l-eroina u l-estasi, huwa “ġeneralment stabbli”, is-suq tad-drogi illeċiti qed jiġi fornit b’drogi ġodda, hekk kif il-kummerċjanti jieħdu vantaġġ mill-kimiċi mhux regolati internazzjonalment, skont il-"World Drug Report 2011" tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Droga u l-Kriminalità.

Stħarriġ tal-Ewrobarometru; Użu tad-droga miż-żgħażagħ

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru maħruġ illum juri li fil-każ tal-5% li ammettew l-użu ta' drogi sintetiċi, huma kisbuhom prinċipalment permezz tal-ħbieb (54%), waqt parties jew f’diskoteki (37%), fi ħwienet speċjalizzati (33%) jew fuq l-internet (7%).

l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru juri wkoll li żagħżugħ minn kull tlieta (32%) jammetti li uża l-kannabis mill-inqas darba f'ħajtu meta mqabbel ma’ żagħżugħa minn ħamsa (20%). L-Ewropej ta’ età bejn il-15 u l-24 sena jagħmlu distinzjoni ċara bejn il-kannabis u drogi illeċiti oħra - kemm fir-rigward tad-disponibbiltà tagħhom kif ukoll rigward l-effetti fuq is-saħħa. B’mod ġenerali, ħafna iktar żgħażagħ jikkunsidraw li l-kokaina (95%) u l-estasi (92%) huma ta’ riskju għoli fuq is-saħħa tal-utenti regolari milli hija l-kannabis (67%) – meta mqabbla mas-57% għall-alkoħol. Fost dawk iż-żgħażagħ li qatt ma użaw kannabis, 75% jaħsbu li l-użu regolari tagħha huwa ta' riskju għoli, meta mqabbla ma’ 36% minn dawk li użaw din id-droga matul is-sena li għaddiet. 57% ta’ dawk li rrispondew jemmnu li jistgħu jiksbu l-kannabis faċilment fi żmien 24 siegħa, filwaqt li 22% biss qalu l-istess għall-estasi u l-kokaina.

Sfond

It-trattament tal-abbuż mid-droga jeħtieġ approċċ fuq tul ta’ żmien, ibbilanċjat, li jiffoka bl-istess entużjażmu fuq il-prevenzjoni , it-tnaqqis tal-ħsara, it-trattament mid-droga u t-traffikar tad-droga. L-Istrateġija tal-UE kontra d-Drogi għall-2005-2012 u ż-żewġ Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ implimantazzjoni fuq id-droga tagħha (2005-2008 u 2009-2012) jistipulaw l-approċ koerenti u bbilanċjat tal-UE biex tnaqqas id-domanda tal-utenti u l-provvista tad-droga.

Il-Kummissjoni għandha rwol ċentrali fil-miżuri ta’ koordinazzjoni biex tnaqqas l-użu ta’ drogi illeċiti u tiġġieled it-traffikar tad-droga. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠGAI, il-Kummissjoni hija responsabbli biex tipproponi lill-Istati Membri li jpoġġu taħt kontroll id-drogi ġodda. Id-Deċiżjoni waqqfet mekkaniżmu għall-iskambju rapidu tal-informazzjoni dwar drogi ġodda, biex jiġu vvalutati r-riskji tagħhom u biex jiġu sottomessi għall-kontroll madwar l-UE. Ir-rapport tal-lum jivvaluta l-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu.

Għal iktar informazzjoni

Il-politika tal-Kummissjoni Ewropea kontra d-droga

http://ec.europa.eu/justice/anti-drugs

L-Ewrobarometru fuq l-atitudni taż-żgħażagħ lejn id-drogi

http://ec.europa.eu/public_opinion/whatsnew2011_en.htm

Is-sit ewlieni tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja

http://ec.europa.eu/reding

Contacts :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site