Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Jeħtieġ li l-pajjiżi Ewropej iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu il-ħiliet fil-qari, skont studju

Brussell, il-11 ta' Lulju 2011 - Wieħed minn kull ħames żgħażagħ ta' 15-il sena u bosta adulti fl-Ewropa ma jafux jaqraw sew. Studju ġdid ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea juri x'qegħdin jagħmlu l-pajjiżi biex itejbu l-litteriżmu - u fejn qed jonqsu milli jagħmlu dan. L-istudju li jkopri 31 pajjiż (L-Istati Membri tal-UE, l-Islanda, Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija) juri li filwaqt li 'l biċċa l-kbira għamlu progress fl-iżvilupp tal-politiki tal-litteriżmu, ħafna drabi jonqsu milli jiffukaw fuq dawk il-gruppi li qegħdin l-iktar fir-riskju, bħas-subien, it-tfal minn familji żvantaġġjati u t-tfal migranti. Il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE ffissaw mira biex jonqos is-sehem ta' qarrejja batuti minn 20 % għal inqas minn 15 % sal-2020. Il-Belġju (il-Komunità Fjamminga), id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja u l-Polonja biss kisbu din il-mira diġà.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: Huwa totalment inaċċettabbli li tant żgħażagħ għadhom nieqsa minn ħiliet bażiċi tal-qari u l-kitba fl-Ewropa. Din is-sitwazzjoni tesponihom għal riskju ta' esklużjoni soċjali, iżżid id-diffikultà li jsibu xogħol u tnaqqasilhom il-kwalità ta' ħajja. Rajna xi progress fid-deċennju li għadda, iżda mhux biżżejjed. Il-litteriżmu huwa l-bażi ta' kull tagħlim – din hija r-raġuni għaliex dan l-aħħar jien nedejt kampanja dwar il-litteriżmu [literacy campaign] immirata għal nies ta' kull età u speċjalment għal dawk ġejjin minn ambjenti deprivati bħat-tfal tar-Roma."

L-istudju, prodott għall-Kummissjoni minn netwerk Eurydice, jiffoka fuq erba' suġġetti ewlenin: l-approċċi tat-tagħlim, l-ittrattar tad-diffikultajiet fil-qari, l-edukazzjoni tal-għalliema u l-promozzjoni tal-qari barra l-iskola. Hu jeżamina kull suġġett fid-dawl tar-riċerka akkademika, l-aħħar riżultati minn stħarriġiet internazzjonali u reviżjoni bir-reqqa ta' politiki, programmi u l-aħjar prassi nazzjonali. L-istudju juri li tmien pajjiżi biss (id-Danimarka, il-Finlandja, l-Islanda, l-Irlanda, Malta, in-Norveġja, l-Isvezja u r-Renju Unit) jipprovdu speċjalisti tal-qari fl-iskejjel biex jappoġġjaw l-għalliema u l-istudenti.

Ir-rapport Eurydice huwa input importanti għax-xogħol tal-Grupp ta' Livell Għoli fil-Qasam tal-Litteriżmu, imwaqqaf mill-Kummissarju Vassiliou f'Jannar u ppresedut mill-Prinċipessa Laurentien tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-grupp qed jeżamina kif għandu jiġi appoġjat il-litteriżmu f'kull età u liema inizjattivi u programmi politiċi kisbu suċċess. Il-grupp se jagħmel proposti ta' politika sa nofs l-2012.

Sfond

It-tagħlim tal-qari: fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jeżistu politiki tajbin

Tul is-snin riċenti, sar sforz konsiderevoli biex jitjiebu l-linji gwida nazzjonali u biex jiġu promossi l-aħjar prattiki ta' pedagoġija. Bħalissa hija prattika komuni fl-Ewropa kollha li jsir fokus fuq il-bini ta' pedamenti għat-tagħlim tal-qari fil-livell tal-preprimarja. L-iskejjel qegħdin jużaw dejjem aktar materjal diversifikat għall-istruzzjoni tal-qari bħal stejjer, rivisti, komiks u websajts. Il-ħiliet tal-qari huma indirizzati wkoll permezz ta' suġġetti oħra fil-kurrikulu sabiex tiġi promossa l-komprensjoni f'kuntesti differenti.

Madankollu, m'hemm l-ebda approċċ politiku wieħed tajjeb għal kollox biex jiggarantixxi s-suċċess. Ir-riċerka tappoġġja l-użu kkumbinat ta' bosta strateġiji biex ittejjeb l-komprensjoni fil-qari. It-tagħlim u d-diskussjoni kollaborattivi jistgħu jtejbu iktar il-komprensjoni tal-qari u jibbenefikaw il-qarrejja batuti. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ffissaw għanijiet marbuta mal-qari tal-komprensjoni, ta' spiss ma jkollhomx strateġiji wiesgħa biżżejjed fil-linji gwida nazzjonali, speċjalment għall-ewwel snin tal-edukazzjoni sekondarja.
Kollox ma' kollox, madanakollu, hemm linji gwida kurrikulari nazzjonali tajbin fis-seħħ u l-attenzjoni issa għandha tiġi ttrasferita fuq l-għalliema li qed jużawhom fil-prattika.

Ftit pajjiżi għandhom speċjalisti tal-qari biex jappoġġjaw l-għalliema u l-istudenti

Id-diffikultajiet tal-qari jistgħu jiġu trattati effettivament jekk il-problemi jiġu identifikati u indirizzati kmieni kemm jista' jkun, jekk il-materjal jiġi adattat għal ħtiġijiet speċifiċi u l-għalliema jiġu offruti żvilupp professjonali kontinwu.

Struzzjoni intensiva u mmirata, għal individwi jew gruppi żgħar, tista' tkun partikolarment effettiva. Madankollu, ftit għalliema għandhom l-opportunità li jispeċjalizzaw f'dan il-qasam u l-ispeċjalisti tal-qari li jappoġġjaw l-għalliema fil-klassi huma disponibbli biss fir-Renju Unit, l-Irlanda, Malta u l-ħames pajjiżi Nordiċi.

Proċeduri fit-tul għall-organizzazzjoni ta' appoġġ addizzjonali jistgħu jkunu ta' ostaklu għall-għajnuna bikrija u effettiva għall-istudenti.

Il-promozzjoni għandha tiffoka iktar fuq il-gruppi fir-riskju

Il-promozzjoni tal-qari hija appoġġjata b'mod wiesgħa mill-politiki u l-inizjattivi nazzjonali. Madankollu, dawn l-inizjattivi għandhom it-tendenza li jindirizzaw udjenzi ġenerali u mhux neċessarjament dawk li għandhom l-ikbar possibilità li jesperjenzaw diffikultajiet fil-qari, bħas-subien, iż-żgħażagħ minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġjati jew li l-lingwa materna tagħhom hija differenti minn dik tal-istruzzjoni. Barra minn hekk, il-materjali li jintużaw f'inizjattivi bħal dawn għandhom ikunu varjati kemm jista' jkun u jinkludu l-multimidja.

Eurydice

Il-Eurydice Netwerk jagħti informazzjoni u analiżi dwar is-sistemi u l-politiki Ewropej tal-edukazzjoni. Sa mill-2011, dan jikkonsisti minn 37 unità nazzjonali bbażata fit-33 pajjiż parteċipanti fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE (L-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, Liechenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija). Huwa kkordinat u mmaniġjat mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-UE dwar l-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura li tinsab fi Brussell, u li tabbozza l-istudji għalih u tipprovdi firxa ta' riżorsi onlajn.

Għal iktar tagħrif:

L-istudju sħiħ [bl-Ingliż] Teaching Reading in Europe: Contexts, Policies and Practices [kopji stampati tal-istudju huwa disponibbli bl-Ingliż sa minn Lulju 2011, u bil-Franċiż u Ġermaniż ftit wara].

Il-Kummissjoni Ewropea: Education and training

Persuni ta’ kuntatt:

Dennis Abbott, +32 2 295 92 58

Dina Avraam, +32 2 295 96 67

Christel Vacelet, Eurydice: +32 2 295 1137

ANNESS: Il-fatti u ċ-ċifri

  • Il-perċentwali ta' studenti ta' 15-il sena li jiksbu livelli baxxi ta' ħila fil-qari (2009)


Sors: OECD, PISA 2009 database

  • Tagħlim kollaborattiv bbażat fuq it-testi fil-linji gwida nazzjonali
    (Livelli tal-primarja, u l-ewwel snin tas-sekondarja 2009-10)

  • Id-disponibbiltà ta' għalliema speċjalisti tal-qari biex jgħinu lill-għalliema jitrattaw id-diffikultajiet tal-qari tal-istudenti fl-iskejjel primarji (2009-10)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website