
Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa
Il-Kummissjoni tniedi Pjan ta' Azzjoni ġdid għat-Trasport tal-Viċinat
Brussell, is-7 ta' Lulju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea illum ippubblikat Pjan ta' Azzjoni ġdid għat-Trasport tal-Viċinat biex issaħħaħ il-konnessjonijiet tat-trasport mar-reġjuni ġirien tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE. Il-pjan jipproponi iktar minn 20 miżura konkreta, kemm għal terminu ta' żmien twil kif ukoll dak qasir, biex il-konnessjonijiet tat-trasport ikunu mingħajr diffikultajiet, u jkunu iktar sikuri u iktar affidabbli. Fl-istess ħin, il-pjan se japprofondixxi l-integrazzjoni tas-suq għall-benefiċċju kemm tal-UE kif ukoll tar-reġjuni ġirien. Il-pjan kien ippreżentat fis-7 ta' Lulju 2011 mill-Viċi-President Siim Kallas, responsabbli mit-trasport u mill-Kummissarju Stefan Füle, il-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat.
Il-Viċi President Kallas qal: "Il-libertà tal-moviment hija xi ħaġa li lkoll għandna t-tendenza li nassumuha fl-Ewropa, iżda li ma għandhiex tieqaf fuq il-fruntiera. Illum, jekk aħna serji dwar ir-relazzjoni mal-ġirien tagħna, jeħtieġ li nipprovdu l-infrastruttura li hija meħtieġa għall-fluss transkonfinali tal-merkanzija u tal-persuni u nnaqqsu l-burokrazija u l-ostakoli."
Il-Kummissarju Füle qal: "Fil-Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida u ambizzjuża mnedija fil-25 ta' Mejju ta' din is-sena qed noffru integrazzjoni ekonomika iktar profonda lill-ġirien tagħna fil-Lvant u n-Nofsinhar. Dan il-pjan ta' azzjoni jipproponi miżuri konkreti ta' trasport għandna l-għan li nintroduċu għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-kumpaniji kemm fil-viċinat kif ukoll fl-Ewropa."
Il-kooperazzjoni tat-trasport mar-reġjuni ġirien tal-UE1 sa issa saret skont għadd ta' inizjattivi bilaterali u reġjonali – pereżempju diġà teżisti inizjattiva reġjonali tat-trasport mal-ġirien fin-Nofsinhar. Dan il-pjan ta' azzjoni ġdid2 jibni fuq ir-riżultati diġà miksuba, isaħħaħ b'mod partikolari l-konnessjonijiet mal-Lvant u jlaqqa' flimkien il-kooperazzjoni tat-trasport reġjonali f'politika unika.
Il-miżuri ewlenin sabiex is-sistemi tat-trasport tal-UE u l-ġirien tagħha jkunu konnessi jinkludu:
l-estensjoni tas-suq tal-avjazzjoni interna tal-UE u l-Ajru Uniku Ewropew għar-reġjuni ġirien;
il-konġunzjoni tan-netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) mal-infrastruttura tal-ġirien tal-UE permezz ta' proġetti tat-trasport ta' prijorità;
l-użu aħjar tal-potenzjal tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija billi jinfetħu swieq u billi jitnaqqsu l-ostakoli tekniċi bħad-differenzi tad-daqsijiet tal-binarji tal-ferrovija;
l-istandardizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni tat-trasport reġjonali billi jitwaqqaf Bord tat-Trasport għas-Sħubija tal-Lvant biex jissorvelja l-kooperazzjoni mal-ġirien fil-Lvant
it-trasport bil-baħar mal-pajjiżi ġirien isir iktar effiċjenti anke għal perjodu ta' żmien twil, permezz tal-inklużjoni tagħhom fiċ-"Ċinturin Blu" tal-moviment marittimu ħieles fl-Ewropa u madwarha.
tingħata assistenza għall-pajjiżi ġirien biex itejbu s-sikurezza tat-toroq;
Għad-dettalji sħaħ ta' iktar minn 20 miżura stipulati fil-Pjan ta' azzjoni ara l-MEMO/11/488.
Sal-2013, dawn l-azzjonijiet se jkunu ffinanzjati mir-riżorsi eżistenti permezz ta' prijoritizzazzjoni aħjar ta' proġetti u miżuri. Fil-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar Baġit għall-2020, il-Kummissjoni pproponiet li tiżdied il-flessibbiltà għal finanzjamenti possibbli għal proġetti tal-infrastruttura strateġiċi li jgħaqqdu lill-UE mal-ġirien tagħha. Dan se jkun segwit fin-negozjati dwar il-qafas finanzjarju tal-futur.
X'inhuma l-passi li jmiss?
Il-pjan tal-Kummissjoni ser jiġi ppreżentat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. F'Ottubru 2011, il-Bord ġdid tat-Trasport tas-Sħubija mal-Lvant, li se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri fil-Lvant, se jitwaqqaf waqt il-Konferenza Ministerjali organizzata mill-Presidenza Pollakka tal-UE (fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2011 fi Krakovja).
Iktar tagħrif dwar il-kooperazzjoni tat-trasport ma' pajjiżi ġirien tinsab fuq is-sit:
http://ec.europa.eu/transport/international/regional_cooperation/european-neighbourhood_en.htm
Kuntatti : Anca Paduraru (+32 2 296 64 30) Helen Kearns (+32 2 298 76 38) Dale Kidd (+32 2 295 74 61) |
Ir-reġjuni ġirien huma dawk il-pajjiżi koperti mill-politika Ewropea tal-Viċinat u l-politika tat-tkabbir li għad ma għandhomx relazzjonijiet speċjali mal-UE. Il-Lvant: l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina. fin-Nofsinhar: L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Territorju Okkupat Palestinjan, is-Sirja u t-Tuneżija. Il-pajjiżi kandidati: il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro, it-Turkija u l-Islanda, Kandidati potenzjali: L-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, is-Serbja u l-Kosovo (taħt il-UNSCR 1244/99). L-Islanda mhix koperta mill-Komunikazzjoni minħabba l-iffokar fuq il-konnessjonijiet tat-trasport u l-integrazzjoni tas-suq.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-UE u r-reġjuni ġirien tagħha: Approċċ imġedded għall-kooperazzjoni tat-trasport" COM (2011) 415