Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-sikurezza fit-toroq: L-UE tħarrax il-ġlieda kontra s-sewwieqa li jikkommettu infrazzjonijiet tat-traffiku barra minn pajjiżhom

European Commission - IP/11/843   06/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Is-sikurezza fit-toroq: L-UE tħarrax il-ġlieda kontra s-sewwieqa li jikkommettu infrazzjonijiet tat-traffiku barra minn pajjiżhom

Brussell, is-6 ta' Lulju 2011 - Wara vot li għadda llum fil-Parlament Ewropew, se jibdew jiġu ppenalizzati s-sewwieqa li jikkommettu infrazzjonijiet tat-traffiku barra minn pajjiżhom, fosthom l-erba' "qattiela l-kbar" li jikkaġunaw 75 % tal-aċċidenti fatali fit-toroq –il-veloċità eċċessiva, in-nuqqas ta' rispett tad-dwal tat-traffiku, iċ-ċinturin tas-sikurezza mhux maqful, u s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb–.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, responsabbli għat-Trasport, qal: "L-erba' qattiela l-kbar, fosthom il-veloċità eċċessiva u s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, għadhom responsabbli għal eluf ta' mwiet inutli fit-toroq tal-Ewropa, u kull mewt tkisser il-ħajja ta' familja. Aħna nafu li sewwieq barrani huwa tliet darbiet iktar suxxettibbli li jikkommetti infrazzjoni tat-traffiku milli sewwieq lokali. Dawn ir-regoli l-ġodda għandu jkollhom effett qawwi fuq is-sewwieqa barranin, li jwassalhom biex ibiddlu l-imġiba tagħhom. Ħafna nies donnu għadhom jaħsbu li, meta jmorru barra minn pajjiżhom, ir-regoli ma jibqgħux japplikaw għalihom. Il-messaġġ tiegħi huwa li dawn ir-regoli japplikaw, u aħna issa se napplikawhom."

Iċ-ċifri tal-UE juru li s-sewwieqa barranin jirrappreżentaw 5 % tat-traffiku, iżda dawn jikkommettu madwar 15 % tal-infrazzjonijiet tal-veloċità eċċessiva. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-infrazzjonijiet jibqgħu ma jiġux penalizzati, minħabba li l-pajjiżi ma jkunux jistgħu jfittxu lis-sewwieqa ladarba dawn jirritornaw lura f'darhom.

Il-proposti

Il-proposta għal Direttiva dwar l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq timmira li ssolvi din is-sitwazzjoni. Il-Ministri laħqu ftehim dwar test li għandu fil-mira tiegħu l-infrazzjonijiet tat-traffiku, b'impatt kritiku fuq is-sikurezza fit-toroq, li jinkludi l-erba' "qattiela l-kbar" li jikkawżaw 75 % tal-aċċidenti fatali fit-toroq:

  • Il-veloċità eċċessiva

  • In-nuqqas ta’ rispett tad-dwal tat-traffiku

  • Iċ-ċinturin tas-sikurezza mhux maqful

  • Is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb

Kif ukoll:

  • Is-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi

  • L-elmu tas-sikurezza mhux mixdud

  • L-użu illegali tal-korsija tal-emerġenza

  • L-użu illegali tal-mowbajl waqt is-sewqan.

Kif ser taħdem id-Direttiva?

Il-proposti għandhom jippermettu li s-sewwieqa tal-UE jiġu identifikati, b'mod li jkunu jistgħu jitħarrku għall-infrazzjonijiet li jkunu kkommettew fi Stati Membri oħra barra mill-pajjiż fejn tkun irreġistrata l-karozza tagħhom. Fil-prattika, ir-regoli l-ġodda għandhom jippermettu li jiġi stabbilit netwerk ta' skambju ta' dejta elettronika, sabiex ikun possibbli li jsir skambju tad-dejta meħtieġa bejn il-pajjiż fejn tkun sarer l-infrazzjoni u l-pajjiż fejn hija rreġistrata l-karozza. Ladarba jkunu magħrufa l-isem u l-indirizz tas-sid, tintbagħatlu/tintbagħtilha notifika ta' infrazzjoni. Għal din in-notifika ġie stabbilit mudell bid-Direttiva proposta.

Id-deċiżjoni li tiġi segwita l-infrazzjoni tat-traffiku tkun f'idejn Istat Membru tal-infrazzjoni (fejn l-infrazzjoni tkun ġiet kommessa). Id-Direttiva ma tarmonizzax in-natura tal-infrazzjoni, u lanqas il-pieni għall-infrazzjoni. Għaldaqstant, huma r-regoli nazzjonali tal-Istat Membru fejn issir l-infrazzjoni, skont il-liġi nazzjonali, li se jibqgħu japplikaw fir-rigward tan-natura tal-infrazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-pieni.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-proposti leġiżlattivi jeħtieġu l-approvazzjoni finali mill-gvernijiet tal-Istati Membri qabel ma jsiru liġi. Dan għandu jseħħ fil-ġimgħat li ġejjin. Wara dan ikun hemm perjodu ta' sentejn biex l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE qabel ma din tidħol fis-seħħ, x'aktarx sal-2013.

Ara l-memo ta' sfond MEMO/11/483 għall-aktar mistoqsijiet frekwenti dwar l-infrazzjonijiet transkonfinali tat-traffiku

Ara wkoll l-istqarrija għall-istampa riċenti IP/11/830 għall-istatistiki tal-imwiet fit-toroq fl-2010, pajjiż b'pajjiż

Sfond:

Il-Programm ta' Azzjoni tal-UE għas-Sikurezza fit-Toroq mill-2011 sal-2020, li tnieda f'Lulju 2010, jimmira li sal-2020 inaqqas bin-nofs in-numru tal-imwiet fit-toroq. Għal iktar tagħrif dwar l-elementi dettaljati tal-programm, kif ukoll għall-istatistiki tal-imwiet fit-toroq pajjiż b'pajjiż, ara (IP/10/970 u MEMO/10/343).

http://ec.europa.eu/transport/roadsafety/index_mt.htm

MEMO/10/642

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website