
Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa
L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni qed tiproponi aktar kompetizzjoni, għażla akbar u prezzijiet orħos għall-utenti tal-mobajls li jkunu barra minn pajjiżhom
Brussell, is-6 ta’ Lulju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal soluzzjoni fit-tul dwar l-ispejjeż dejjem jgħolew għall-utenti tal-mobajls u apparati mobbli oħrajn waqt li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE (roaming). Ir-Regolament propost li jorbot direttament, għall-ewwel darba għandu jintroduċi miżuri strutturali biex jagħti spinta lill-kompetizzjoni billi mill-1 ta’ Lulju 2014, jippermetti li jekk ikunu jixtiequ, il-klijenti jistgħu jiffirmaw kuntratt orħos għall-mobajl bir-roaming, li jkun wieħed separat mill-kuntratt tagħhom għas-servizzi nazzjonali tal-mobajls, filwaqt li jużaw l-istess numru tat-telefown. Il-proposta għandha tagħti wkoll lill-operaturi tal-mobajl (inklużi dawk li jissejħu operaturi tal-mobajl virtwali, li ma għandhomx in-netwek tagħhom stess) id-dritt li jużaw netwerks ta' operaturi oħrajn fi Stat Membru ieħor bi prezzijiiet bl-imnut regolati, u b'hekk jinkoraġġixxu aktar operaturi biex jikkompetu fis-suq tar-roaming.
Biex jiġi kopert il-perjodu sakemm il-miżuri strutturali jkunu kompletament effettivi u l-kompetizzjoni tixpruna biex jitraħħsu l-prezzijiet bl-imnut, il-proposta għandha traħħas b’mod progressiv il-limitu tal-prezz bl-imnut għas-servizz attwali għat-telefonati u l-messaġġ testwali (SMS) u tintroduċi limitu għall-prezz ġdid bl-imnut għas-servizzi tad-dejta mobbli. Sal-1 ta’ Lulju 2014, il-klijenti tar-roaming mhux ser iħallsu aktar minn 24 ċenteżmu kull minuta għal telefonata, massimu ta’ 10 ċenteżmi biex jirċievu telefonata, massimu ta’ 10 ċenteżmi biex jibagħtu messaġġ testwali u massimu ta’ 50 ċenteżmu għal kull MegaByte (MB) biex iniżżlu d-dejta jew jużaw l-internet waqt li jkunu barra minn pajjiżhom (tariffa għal kull Kilobyte li tintuża).
Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: “Din il-proposta titratta l-qofol tal-problema – in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq tar-roaming – billi l-klijenti jingħataw għażla akbar u billi l-operaturi jingħataw alternattivi aktar faċli għas-suq tar-roaming. Immedjatament din il-proposta ser traħħas il-prezzijiet għar-roaming tad-dejta, fejn attwalment l-operaturi jgawdu marġini ta’ profitt esaġerati."
Il-proposta qed timmira li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li sal-2015 id-differenzi bejn it-tariffi tar-roaming u dawk tat-telekomunikazzjoni nazzjonali għandhom iqarrbu ż-żero (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Din il-mira tintlaħaq jekk il-kompetizzjoni fis-swieq tal-mowbajl tagħti lill-konsumaturi għażla mgħaġġla u ħafifa ta' servizz tar-roaming f'livell ta' prezz domestiku jew viċin. Il-proposta ser titressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri tal-UE biex jiġu adottati.
Rapport adottat illum mill-Kummissjoni dwar ir-regolament tar-roaming attwali jindika li temporanjament raħħset il-prezzijiet għat-telefonati u l-messaġġi testwali bir-roaming iżda ma sabitx rimedju għan-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq tar-roaming, bil-prezzijiet jibqgħu b’mod kostanti viċin tal-limitu tal-imnut. Dan jikkonferma l-konklużjonijiet tar-rapport preliminari li kien ippubblikat fit-30 ta’Ġunju 2010 (ara IP/10/851).
Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tittratta n-nuqqas ta’ kompetizzjoni attwali u l-għażla għall-konsumaturi billi:
Tkun aktar faċli għall-operaturi alternattivi, bħall-operaturi tan-netwerk virtwali,biex jidħlu fis-swieq tar-roaming billi jitolbu lill-operaturi tan-netwerks fi Stati Membri oħra jagħtuhom aċċess għan-netwerks tagħhom bi prezzijiet bl-imnut regolati. Dan għandu joħloq kompetizzjoni akbar bejn l-operaturi fis-swieq tar-roaming, u b’hekk iżidilhom l-inċentivi biex joffru lill-klijenti prezzijiet u servizzi aktar attraenti.
ll-konsumaturi jkollhom l-għazla ta’ fornitur alternattiv għas-servizzi tar-roaming, irrispettivament mill-fornitur nazzjonali tagħhom. Kull darba li l-konsumatur jkun qasam il-fruntiera, awtomatikament jaqleb għall-fornitur tar-roaming li jkun għażel, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri min-naħa tiegħu, filwaqt li jżomm l-istess numru u Sim card (subscriber identity module (SIM card). Dan għandu jżid it-trasparenza u jippermetti lill-konsumaturi li jfittxu l-fornituri bl-aħjar offerti u jinkoraġġixxi lill-operaturi biex joffru servizz aktar kompetittiv tar-roaming.
Sakemm dawn is-soluzzjonijiet strutturali jkunu taw l-aqwa riżultati, il-proposta għandha:
Tintroduċi limitu ġdid tal-prezzijiet bl-imnut għar-roaming tad-dejta (li ser tibqa’ fis-seħħ sa nofs l-2016). Dan għandu jiżgura li l-utenti tas-smart phones, tat-tablets u apparati oħrajn biex ikollhom aċċess għall-internet permezz tan-netwerks tal-mobajl jkunu jistgħu jidħlu onlajn meta jkunu barra minn pajjiżhom mingħajr ma jkollhom iħallsu kontijiet enormi. Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-konsumaturi ma jħallsux aktar minn 90 ċenteżmu għal kull MegaByte (MB) li titniżżel mill-1 ta’ Lulju 2012, u l-prezz ikompli jinżel aktar għal 50 ċenteżmu għal kull MB sa Lulju 2014(dawn il-prezzijiet ikollhom tariffi abbażi ta’ kull Kilobyte, billi jiġi kkunsidrat l-użu effettiv). Ir-Regolament li jinsab fis-seħħ ma jipprevedix limiti tal-prezz bl-imnut għar-roaming tad-dejta. Il-limiti tal-prezzijiet bl-ingrossa għar-roaming tad-dejta ilhom fis-seħħ minn Lulju 2009, iżda l-flus iffrankati ma għaddewx għand il-konsumatur. Il-prezz medju globali bl-imnut ta’ EUR 1.06 biex titniżżel id-dejta fi Stat Membru ieħor fi tmiem l-2010 jaħbi varjetà wiesgħa fil-prezzijiet bl-imnut. Pereżempju l-konsumatur iħallas medja ta’ EUR 2.23 kull MB meta jniżżel mill-internet waqt li jkun imsiefer b’netwerk ieħor ta’ kumpanija tal-mobajls u f’ċerti każi t-tariffi laħqu livell ferm ogħla (anke sa EUR 12 kull MB). Huwa importanti li wieħed jinnota li l-limitu tal-prezzijiet bl-imnut propost iservi biss bħala salvagwardja għall-konsumaturi, filwaqt li l-Kummissjoni qed tistenna li l-miżuri strutturali proposti biex itejbu l-kompetizzjoni jwasslu għal-offerti innovattivi pan-Ewropej u prezzijiet orħos, li jkunu b’mod sinifikant taħt il-limitu tas-salvagwardja.
Iżżomm il-limitu tal-prezz bl-imnut għat-telefonati u l-messaġġ testwali (SMS) bir-roaming. Dawn għandhom jonqsu gradwalment għas-servizzi kollha tar-roaming u għandhom jibqgħu fis-seħħ sa nofs l-2016.
Iżżomm il-protezzjoni tar-roaming tad-dejta mill-"kont li jaħsdek" – il-kontijiet fix-xahar tal-konsumaturi u n-negozjanti li jivjaġġaw għall-aċċess tad-dejta min-netwerks tal-mobajl meta jkunu barra minn pajjiżhom għandhom ikomplu jinżammu għal EUR 50 sakemm il-klijent ma jkunx għamel ftehim espliċitu ieħor.
Iżżomm il-limitu tal-prezzijiet bl-ingrossa bejn l-operaturi għas-servizzi kollha tar-roaming sal-2022 (telefonati, SMS u dejta) sabiex toħloq ambjent ta’ investiment mingħar skossi għall-operaturi alternattivi. Il-limiti tal-prezzijiet bl-ingrossa jistgħu jitneħħew qabel l-2022 jekk id-dejta tas-suq tkun tindika li l-kompetizzjoni tkun żviluppat biżżejjed.
Skont ir-Regolament il-ġdid, l-operaturi għandhom jibqgħu obbligati li jipprovdu lill-konsumaturi bl-informazzjoni dwar il-prezzijiet tar-roaming meta jmorru fi Stat Membru ieħor, iżda l-klijenti faċilment ikunu jistgħu jagħżlu li ma jirċevux din l-informazzjoni
Għal iktar informazzjoni
Ara MEMO/11/485
Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming:
http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/index_en.htm
Is-wesajt tal-Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda
Il-websajt ta’ Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/
Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu
Limiti tal-prezzijiet attwali u proposti bl-imnut (eskluż il-VAT)
| Attwali | L-1 ta’ Lulju 2012 | l-1 ta' Lulju 2013 | L-1 ta’ Lulju 2014 |
Dejta (kull MB) | Xejn | 90 ċenteżmu | 70 ċenteżmu | 50 ċenteżmu |
Telefonati magħmula (kull minuta) | 35 ċenteżmu | 32 ċenteżmu | 28 ċenteżmu | 24 ċenteżmu |
Telefonati rċevuti (kull minuta) | 11-il ċenteżmu | 11-il ċenteżmu | 10 ċenteżmi | 10 ċenteżmi |
SMS (kull SMS) | 11-il ċenteżmu | 10 ċenteżmi | 10 ċenteżmi | 10 ċenteżmi |
Limiti tal-prezzijiet attwali u proposti bl-ingrossa attwali u proposti (għal prezzijiet li jitolbu l-operaturi lil xulxin):
Attwali | L-1 ta’ Lulju 2012 | l-1 ta' Lulju 2013 | L-1 ta’ Lulju 2014 | |
Dejta (kull MB) | 50 ċenteżmu | 30 ċenteżmu | 20 ċenteżmu | 10 ċenteżmi |
Telefonati (kull minuta) | 18-il ċenteżmu | 14-il ċenteżmu | 10 ċenteżmi | 6 ċenteżmi |
SMS (kull SMS) | 4 ċenteżmi | 3 ċenteżmi | 3 ċenteżmi | 2 ċenteżmi |
Telefonati mill-ġdid: Il-limitu tal-prezz bl-imnut propost iservi biss bħala salvagwardja għall-konsumaturi, filwaqt li l-Kummissjoni qed tistenna li l-miżuri strutturali proposti biex itejbu l-kompetizzjoni jwasslu għal offerti innovattivi pan-Ewropej u prezzijiet orħos, li jkunu b’mod sinifikant taħt il-limitu tas-salvagwardja
Kuntatti : Jonathan Todd (+32 2 299 41 07) Linda Cain (+32 2 299 90 19) |