
Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa
Is-sikurezza fit-toroq: l-aċċidenti fatali tat-traffiku fl-UE jonqsu bi 11 % fl-2010
Brussell, il-5 ta' Lulju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat statistiki ġodda li juru li l-aċċidenti fatali tat-traffiku fl-UE naqsu bi 11 % fl-2010. Madankollu, l-istatistiki pajjiż b'pajjiż (ara t-tabella aktar 'l isfel) juru li l-għadd ta' mwiet għadu jvarja ħafna madwar l-UE. Il-maġġoranza tal-pajjiżi kisbu tnaqqis ta' 10 % jew aktar fl-għadd ta' mwiet fit-toroq matul is-sena li għaddiet, bl-ikbar tnaqqis ikun fil-Lussemburgu (33 %), f'Malta (29 %), fl-Isvezja (26 %) u fis-Slovakkja (26 %). Madankollu, xorta għad hemm ħafna xogħol xi jsir.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, responsabbli għat-Trasport, qal: "Il-fatt li kważi l-Istati Membri kollha rnexxielhom inaqqsu b'mod sinifikanti l-għadd ta' mwiet fit-toroq huwa ta' inkoraġġiment kbir, iżda m'hemmx lok li wieħed jissodisfa ruħu b'daqshekk. Mijiet ta' nies għadhom imutu kuljum fit-toroq tal-Ewropa. Għamilna progress tajjeb ħafna mill-2001 'l hawn u rnexxielna nsalvaw kważi 100,000 ħajja. Iżda l-għadd ta' aċċidenti fatali u korrimenti fit-toroq tagħna għadu inaċċettabbli. Irridu nnaqqsu l-għadd ta' mwiet bin-nofs sal-2020. Minħabba dan, se nkunu qed naraw it-tip ta' karozzi li jsuqu n-nies, fejn isuqu u kif isuqu."
It-tabella mehmuża bl-isem "Aċċidenti fatali tat-traffiku għal kull pajjiż" turi l-progress li sar skont il-Pjan ta' Azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq 2001-10, biċ-ċifri tal-pajjiżi kollha madwar l-UE u bit-tqassim skont il-pajjiż. Tinkludi l-aktar ċifri riċenti tal-2010.
Il-pjan ta' azzjoni għas-sikurezza fit-toroq tal-UE
F'Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat pjanijiet ta' sfida biex tnaqqas bin-nofs l-għadd ta' mwiet fit-toroq Ewropej fl-10 snin li ġejjin. L-inizjattivi proposti fl-"Orjentazzjonijiet ta' Politika Ewropea għas-Sikurezza tat-Triq 2011-2020" ivarjaw minn standards ogħla stabbiliti għas-sikurezza tal-vetturi, sat-titjib fit-taħriġ tal-utenti tat-triq u ż-żieda fl-infurzar tar-regoli tat-triq. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex timplimenta dan il-programm.
Programm ta' azzjoni għas-sikurezza fit-toroq 2011-20:
Il-programm ta' azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq jistabbilixxi taħlita ta' inizjattivi li jikkonċentraw fuq it-titjib tal-vetturi, l-infrastruttura u l-imġiba tal-utenti tat-triq.
Hemm seba' għanijiet strateġiċi:
Miżuri tas-sikurezza mtejba għat-trakkijiet u l-karozzi
Bini ta' toroq iktar sikuri
Żvilupp ta' vetturi intelliġenti
Tisħiħ fl-għoti tal-liċenzji u t-taħriġ
Infurzar aħjar
Konċentrazzjoni fuq il-korrimenti
Konċentrazzjoni ġdida fuq is-sewwieqa tal-muturi.
Il-miżuri dettaljati għal kull għan strateġiku jinsabu elenkati fil-MEMO/10/343 mehmuża.
Ara wkoll: MEMO/11/483
Aċċidenti fatali tat-traffiku għal kull pajjiż (għal kull miljun abitant)
Stat Membru | Aċċidenti fatali skont il-popolazzjoni | Bidla fl-aċċidenti fatali | ||
| 2001 | 2010 | 2009 - 2010 | 2001 - 2010 |
Latvija | 236 | 97 | -14% | -61% |
Lietuva | 202 | 90 | -19% | -58% |
España | 136 | 54 | -9% | -55% |
Sverige | 66 | 28 | -26% | -54% |
Luxembourg | 159 | 64 | -33% | -54% |
Slovensko | 114 | 53 | -25% | -53% |
Éire/Ireland | 107 | 45 | -16% | -51% |
France | 134 | 62 | -7% | -51% |
Slovenija | 140 | 68 | -19% | -50% |
Portugal | 163 | 79 | 1% | -49% |
Deutschland | 85 | 45 | -12% | -48% |
United Kingdom | 61 | 31 | -18% | -47% |
Nederland | 62 | 32 | -17% | -46% |
Belgique/België | 145 | 76 | -12% | -44% |
Italia | 125 | 66 | -6% | -44% |
EU | 112 | 62 | -11% | -43% |
Österreich | 119 | 66 | -13% | -42% |
Eesti | 146 | 88 | 20% | -41% |
Magyarország | 121 | 74 | -10% | -40% |
Česká republika | 130 | 76 | -11% | -40% |
Κύπρος (Kypros)/Kibris | 140 | 75 | -15% | -39% |
Danmark | 81 | 48 | -13% | -39% |
Suomi/Finland | 84 | 51 | -1% | -36% |
Ελλάδα (Elláda) | 172 | 116 | -10% | -30% |
Polska | 145 | 102 | -15% | -29% |
България (Bulgaria) | 124 | 102 | -14% | -23% |
Malta | 41 | 36 | -29% | -6% |
România | 109 | 111 | -15% | -3% |
Kuntatti : Helen Kearns (+32 2 298 76 38) Dale Kidd (+32 2 295 74 61) |